Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 25, 2012 in Avvent 2013 |

Avvent | L-Ewwel Ħadd

Avvent | L-Ewwel Ħadd

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS


QARI TAL-LITURĠIJA TAL-ĦADD

L-EWWEL ĦADD TA’ L-AVVENT

[SENA Ċ]

 

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

“Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda l-ġid li wegħedthom. F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ, u għalhekk isejjħulha: ‘Il-Mulej is-sewwa tagħna.’

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

R/. Lejk jien nerfa’ ruħi Mulej

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

R/. Lejk jien nerfa’ ruħi Mulej

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

R/. Lejk jien nerfa’ ruħi Mulej

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.

R/. Lejk jien nerfa’ ruħi Mulej

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!

Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah.
R/. Hallelujah.

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Hallelujah.

 

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa  bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.

Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu bla biża quddiem Bin il-bniedem.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Niżżel it-test bħala pdf. [Sors: www.liturġijamalta.org]

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web