Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 16, 2012 in Sensilhena |

4. Ix-xewqa għal Alla

4. Ix-xewqa għal Alla

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 7 ta’ Novembru 2012

  

Għeżież ħuti,

Il-mixja ta’ riflessjoni li qed nagħmlu flimkien f’din is-Sena tal-Fidi twassalna biex il-lum nimmeditaw fuq aspett affaxxinanti ta’ l-esperjenza umana u Kristjana: il-bniedem iġorr fih xewqa misterjuża għal Alla.  B’mod tassew sinifikanti, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiftaħ propju b’din il-kunsiderazzjoni: “Ix-xewqa ta’ Alla hi mnaqqxa f’qalb il-bniedem, għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla; Alla ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh, u f’Alla biss il-bniedem isib il-verità u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex” (n. 27).

Affermazzjoni bħal din, li anki l-lum f’tant kuntesti kulturali tidher għal kollox kondiviża, kważi ovvja, minflok tista’ tidher provokazzjoni fl-ambitu tal-kultura sekularizzata tal-Punent.  Ħafna nies ta’ żmienna fil-fatt aktarx joġġezzjonaw, għax ma jħossu bl-ebda mod din ix-xewqa għal Alla.  Għal bosta oqsma tas-soċjetà hu m’għadux il-mistenni, il-mixtieq, imma pjuttost sar realtà li tħallihom indifferenti, li quddiemha bilkemm għandek tagħmel sforz li titkellem.  Fir-realtà, dik li aħna ddefinejna bħala “xewqa għal Alla” ma għosfrotx għal kollox u l-lum għadha tidher, b’bosta modi, fil-qalb tal-bniedem.  Ix-xewqa tal-bniedem dejjem ixxaqleb lejn ġid konkret determinat, spiss ħafna mbiegħed minn dak spiritwali, u safrattant issib ruħha quddiem il-mistoqsija dwar x’inhu tabilħaqq il-ġid, u għalhekk f’konfront ma’ xi ħaġa lil hemm minnha, li l-bniedem ma jistax jibni hu, imma hu msejjaħ biex jagħraf.  X’jista’ verament jaqta’ l-għatx tax-xewqa tal-bniedem?

Fl-ewwel Enċiklika tiegħi, Deus caritas est, fittixt li nanalizza kif dan id-dinamiżmu jseħħ fl-esperjenza ta’ l-imħabba umana, esperjenza li fl-epoka tagħna iktar faċilment nistgħu narawha bħala mument ta’ estasi, ta’ ħruġ minna nfusna, ta’ post fejn il-bniedem iħossu qed jinħakem minn xewqa ikbar minnu nnifsu.  Permezz ta’ l-imħabba, ir-raġel u l-mara jesperimentaw b’mod ġdid, wieħed grazzi għall-ieħor, il-kobor u l-ġmiel tal-ħajja u ta’ dak li hu reali.  Jekk dak li nġarrab m’hux sempliċi illużjoni, jekk tassew irrid il-ġid tal-persuna l-oħra anki bħala triq għall-ġid tiegħi stess, allura rrid inkun dispost li nneħħi lili nnifsi miċ-ċentru, li nqiegħed lili nnifsi għas-servizz tagħha, sakemm nasal biex niċħad lili nnifsi.  Għalhekk it-tweġiba għall-kwistjoni dwar is-sens ta’ l-esperjenza ta’ l-imħabba tgħaddi mit-tisfija u l-fejqan tar-rieda, ħaġa li jitlobha l-istess ġid li wieħed jixtieqgħall-persuna l-oħra.  Irridu neżerċitaw, inħarrġu ruħna, anki nikkoreġu, biex tassew naslu li nixtiequ dan il-ġid.

B’dan il-mod l-estasi tal-bidu tinbidel f’pellegrinaġġ, “ħarġa dejjiema mill-egoiżmu magħluq fih innifsu lejn il-ħelsien minnu fl-għotja ta’ dak li jkun, u sewwa sew ħarġa lejn l-għarfien tiegħu nnifsu, anzi lejn l-għarfien ta’ Alla”(Enċiklika Deus caritas est, 6).  Permezz ta’ din il-mixja l-bniedem jista’ japprofondixxi progressivament l-għarfien ta’ dik l-imħabba li kien daq fil-bidu.  U jissokta dejjem iżjed jagħraf anki l-misteru li dan jirrappreżenta: fil-fatt, lanqas il-persuna maħbuba m’hi kapaċi taqta’ l-għatx tax-xewqa lihemm moħbija fil-qalb tal-bniedem, anzi, aktar m’hi awtentika l-imħabba għall-persuna l-oħra, iktar tkompli tħalli titbexxaq fiha l-mistoqsija dwar l-oriġni tiegħu u d-destin tiegħu, dwar il-possibbiltà li hu jibqa’ jgħix għal dejjem.  Għalhekk, l-esperjenza umana ta’ l-imħabba għandha fiha dinamiżmu li jmexxina ’l hemm minna nfusna, esperjenza ta’ ġid li jwassalna biex noħorġu minna nfusna u nsibu ruħna quddiem il-misteru li jgeżwer fih l-eżistenza kollha tagħna.

Kunsiderazzjonijiet simili nistgħu nagħmluhom anki f’rabta ma’ esperjenzi umani oħra, bħall-ħbiberija, l-esperjenza tal-ġmiel, l-imħabba lejn l-għerf: kull ġid li l-bniedem iduq, jinfetaħ lejn il-misteru li jgeżwer fih lill-bniedem innifsu; kull xewqa fil-qalb tal-bniedem għandha eku ta’ dik ix-xewqa fundamentali li l-għatx tagħha qatt ma jista’ jittaffa kollu.  Bla dubju, minn xewqa hekk profonda, li taħbi fiha anki xi ħaġa enigmatika, ma nistgħux naslu direttament għall-fidi.  Il-bniedem, fl-aħħar mill-aħħar, jaf sew x’inhu dak li ma jaqtagħlux l-għatx, imma ma jistax jimmaġina jew jiddefinixxi dak li jista’ jdewqu dak il-ferħ li f’qalbu jġorr nostalġija tiegħu.  Ma nistgħux insiru nafu lil Alla jekk nitilqu biss mix-xewqa tal-bniedem.  F’din l-ottika, jibqa’ l-misteru: il-bniedem ifittex l-Assolut, u jfittex dan b’passi ċkejknin u inċerti.  U safrattant, din l-esperjenza tax-xewqa, tal-“qalb li ma ssibx mistrieħ” kif kien isejħilha Santu Wistin, diġà għandha tifsira qawwija.  Tiggarantilna li l-bniedem hu, fil-profond tiegħu, essri reliġjuż (araKatekiżmu tal-Knisja Kattolika, 28), hu “tallâb ta’ Alla”.  Nistgħu nużaw il-kliem ta’ Pascal: “Il-bniedem jissupera infinitament lill-bniedem” (Pensieri, ed. Chevalier 438; ed. Brunschvicg 434).  L-għajnejn jagħrfu l-oġġetti meta dawn huma mdawla mid-dawl.  Minn hawn tiġi x-xewqa li nagħrfu lid-dawl innifsu, li jdawwal il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja u bihom iqabbad is-sens tal-ġmiel.

Għalhekk għandna nżommu li hu possibbli anki fl-epoka tagħna, li minn barra tidher tant ribelluża lejn id-dimensjoni traxxendentali, li nibdew mixja lejn is-sens awtentiku reliġjuż tal-ħajja, li juri kif id-don tal-fidi m’hux assurd, m’hux bla raġuni.  Ikun ta’ siwi kbir li, għalhekk, nippromovu tip ta’ pedagoġija tax-xewqa, kemm għall-mixja ta’ min għadu ma jemminx, u kemm għal min diġà rċieva d-don tal-fidi: pedagoġija li tiġbor fiha ta’ l-inqas żewġ aspetti.  L-ewwel nett, li nitgħallmu jew nerġgħu nitgħallmu niggustaw il-ferħ awtentiku tal-ħajja.  Mhux is-sodisfazzjonijiet kollha jqanqlu fina l-istess effett: xi wħud iħallu fina marka pożittiva, kapaċi jserrħu r-ruħ, jagħmluna iktar attivi u ġenerużi.  Oħrajn, min-naħa l-oħra, wara d-dawl tal-bidu, donnhom jiddeludu t-tamiet li jkunu qanqlu fina u xi kultant iħallu warajhom imrar, nuqqas ta’ sodisfazzjon u sens ta’ vojt.  Li nedukaw lil uliedna sa minn etajiet żgħar biex iduqu l-veru ferħ, f’kull ambitu ta’ l-eżistenza – fil-familja, fil-ħbiberiji, fis-solidarjetà ma’ min qed isofri, fiċ-ċaħda tagħna nfusna biex naqdu lill-oħrajn, fl-imħabba għall-għerf, l-arti u l-ġmiel tan-natura –, dan kollu jfisser li nġarrbu dak il-gost interjuri u nipproduċu antikorpi effikaċi kontra t-trivjalizzazzjoni u dak li qed ineżża’ kollox mis-sens tiegħu fi żminijietna.  Anki l-adulti għandhom bżonn jiskopru mill-ġdid dan il-ferħ, li jixtiequ realtajiet awtentiċi, biex hekk jissaffew mill-medjokrità li fiha jistgħu jsibu ruħhom maqbuda.  Hekk isir iżjed faċli ninħelsu jew nirrifjutaw dak kollu li, anki jekk minn barra jidher li jiġbed l-għajn, fil-fatt hu bla togħma, għajn ta’ vizzju u mhux ta’ libertà.  U dan joħroġ fil-beraħ dik ix-xewqa għal Alla li dwarha qed nitkellmu.

Aspett ieħor, li jimxi id f’id ma’ dak ta’ qablu, hu li ma nikkuntentaw qatt ruħna b’dak li lħaqna s’issa.  Tabilħaqq, il-ferħ l-iktar veru kapaċi jqanqal fina dik il-preokkupazzjoni tajba li twassalna biex inkunu iżjed esiġenti – linixtiequ ġid akbar, aktar profond – u biex flimkien nagħrfu b’ċarezza dejjem ikbar li xejn minn dak li jispiċċa ma jista’ jimla lil qalbna.  Hekk nitgħallmu ninġibdu, bla ristrezzjonijiet, lejn dak il-ġid li ma nistgħux nibnu jew niksbu bil-qawwa tagħna; ma nħallux l-għeja jew l-ostakli li ġejjin mid-dnub tagħna jaqtgħulna qalbna.

Imma, fid-dawl ta’ dan kollu, ma rridux ninsew li d-dinamiżmu tax-xewqa hu dejjem miftuħ għall-fidwa, anki meta jaqbad toroq żbaljati, meta jiġri wara ġenna artifiċjali u donnu jidher qed jitlef il-kapaċità li jixxennaq għall-veru ġid.  Lanqas fl-abbiss tad-dnub ma tiġi mitfija fil-bniedem dik ix-xrara li tħallih jagħraf il-veru ġid, li jiggostah, u li hekk jaqbad mill-ġdid it-triq tat-telgħa, fejn Alla, bid-don tal-grazzja tiegħu, ma jonqosx milli jagħtih l-għajnuna tiegħu.  Mill-bqija, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nagħmlu mixja ta’ tisfija u ta’ fejqan tax-xewqat tagħna.  Aħna pellegrini mexjin lejn is-Sema pajjiżna, lejn dak il-ġid sħiħ, etern, li ħadd ma jista’ jeħdilna.  Għalhekk dan ma jfissirx li nifgaw ix-xewqa li hemm fil-qalb tal-bniedem, imma li neħilsuh, biex jista’ jilħaq il-post fl-għoli mfassal għalih.  Meta fix-xewqa tagħna tinfetaħ tieqa għal Alla, dan diġà hu sinjal tal-preżenza tal-fidi fir-ruħ, fidi li hi grazzja mogħtija minn Alla.  Santu Wistin mill-ġdid jafferma: “Bl-istennija, Alla jwessa’ x-xewqa tagħna, bix-xewqa jwessa’ lir-ruħ u, hu u jwessagħha, iżidilha l-kapaċità tagħha” (Kummentarju għall-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, 4,6: PL 35, 2009).

F’dan il-pellegrinaġġ, inħossuna aħwa tal-bnedmin kollha, sħab fil-vjaġġ anki ta’ dawk li ma jemmnux, ta’ min qed ifittex, ta’ min jikkonfronta ruħu b’sinċerità mad-dinamiżmu tax-xewqa tiegħu għall-verità u t-tajjeb.  Nitolbu, f’din is-Sena tal-Fidi, li Alla juri wiċċu lil dawk kollha li qed ifittxuh b’qalb sinċiera.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web