Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 16, 2012 in Sensilhena |

3. Il-fidi tal-Knisja

3. Il-fidi tal-Knisja

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 31 ta’ Ottubru 2012

 

Għeżież ħuti,

Nissoktaw bil-mixja tal-meditazzjoni tagħna dwar il-fidi Kattolika.  Il-ġimgħa l-oħra wrejtkom kif il-fidi hi rigal, għax hu Alla li jieħu l-inizjattiva u jiġi jiltaqa’ magħna; u għalhekk il-fidi hi tweġiba li biha aħna nilqgħuh bħala pedament stabbli tal-ħajja tagħna.  Hu rigal li jibdel l-eżistenza, għax iwassalna biex nidħlu fl-istess viżjoni ta’ Ġesù, li jaħdem fina u jiftħilna qalbna għal dik l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn.

Il-lum irrid immidd pass ieħor fir-riflessjoni tagħna, billi nitlaq mill-ġdid minn xi mistoqsijiet: Il-fidi għandha karattru personali u individwali biss?  Tinteressa biss il-persuna tiegħi?  Nista’ ngħix il-fidi tiegħi waħdi?  Tassew li l-att tal-fidi hu sa ċertu punt att personali, li jseħħ fl-iżjed profond ta’ l-intimu tiegħi u li jimmarka bidla fid-direzzjoni, konverżjoni personali: l-eżistenza tiegħi tibdel id-direzzjoni tagħha, tirċievi orjentament ġdid.  Fil-Liturġija tal-Magħmudija, waqt il-wegħdiet, iċ-ċelebrant jitlob minn dawk preżenti li jistqarru l-fidi Kattolika, u jifformula tliet mistoqsijiet: Temmnu f’Alla l-Missier li jista’ kollox?  Temmnu f’Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni tiegħu?  Temmnu fl-Ispirtu s-Santu?  Sa mill-qedem dawn il-mistoqsijiet kienu jsiru personalment lil min ikun ħa jirċievi l-Magħmudija, qabel ma kien jogħdos għal tliet darbiet ġo l-ilma.  U anki l-lum it-tweġiba għadha fis-singular: “Nemmen”.  Imma din il-fidi tiegħi m’hix riżultat ta’ riflessjoni li għamilt waħdi, m’hix il-prodott tal-ħsieb tiegħi, imma hi frott ta’ relazzjoni, ta’ djalogu, fejn wieħed jisma’, jilqa’ u jwieġeb; hi komunikazzjoni ma’ Ġesù li jaqlagħni mill-“jien” tiegħi magħluq fija nnifsi biex ninfetaħ għall-imħabba ta’ Alla l-Missier.  Hi bħal twelid mill-ġdid li fih niskopri li jien ninsab f’għaqda mhux biss ma’ Ġesù, imma wkoll ma’ dawk kollha li mxew u qed jimxu fl-istess triq; u dan it-twelid ġdid, li jibda bil-Magħmudija, jibqa’ jseħħ tul il-mixja kollha ta’ l-eżistenza.  Ma nistax nibni l-fidi personali tiegħi fi djalogu privat ma’ Ġesù, għax il-fidi tingħata lili minn Alla permezz tal-komunità li temmen, li hi l-Knisja, u li għalhekk iddaħħalni fil-ġemgħa kbira ta’ dawk li jemmnu, f’komunjoni li m’hix biss soċjoloġika, imma għandha l-għeruq tagħha fl-imħabba eterna ta’ Alla, li fih innifsu hu komunjoni tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, għax hu Mħabba Trinitarja.  Il-fidi tagħna hi tabilħaqq personali, imma biss jekk hi wkoll komunitarja: tista’ tkun il-fidi tiegħi biss jekk tgħix u titħarrek fi ħdan l-“aħna” tal-Knisja, biss jekk tkun il-fidi tagħna, il-fidi komuni tal-Knisja waħda.

Nhar ta’ Ħadd, fil-Quddiesa, aħna u nistqarru l-“Kredu”, nesprimu ruħna fl-ewwel persuna, imma nistqarru b’mod komunitarju l-fidi waħda tal-Knisja.  Dik il-kelma “nemmen” imlissna singolarment tingħaqad ma’ dik ta’ kor bla għadd fiż-żmien u fl-ispazju, fejn kull wieħed jikkontribwixxi, biex ngħidu hekk, għall-polifonija armonjuża tal-fidi.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolikajiġbor dan kollu b’mod ċar f’dan il-kliem: “It-‘twemmin’ hu att ekkleżjali.  Il-fidi tal-Knisja tiġi qabel il-fidi tagħna, tnissilha, tgħinha u tmantniha.  Il-Knisja hi Omm dawk kollha li jemmnu.  ‘Ħadd ma jista’ jkollu ’l Alla bħala Missier jekk ma jkollux il-Knisja bħala Omm’ [San Ċiprijanu]” (nru 181).  Għalhekk il-fidi titwieled fil-Knisja, twassal għal għandha u tgħix fiha.  Dan importanti niftakruh.

Fil-bidu ta’ l-avventura Kristjana, meta l-Ispirtu s-Santu jinżel bil-qawwa fuq id-dixxipli, f’jum Għid il-Ħamsin – kif jirrakkontaw l-Atti ta’ l-Appostli (ara 2:1-13) – il-Knisja, għadha qed titwieled, tirċievi l-qawwa biex twettaq il-missjoni li fdalha Kristu Rxoxt: li xxerred ma’ kull rokna tad-dinja l-Vanġelu, il-bxara t-tajba tas-Saltna ta’ Alla, u hekk tmexxi lil kull bniedem lejn il-laqgħa miegħu, mal-fidi li ssalva.  L-Appostli jirbħu kull biża’ u jħabbru dak li kienu semgħu, raw u ġarrbu huma stess ma’ Ġesù.  Bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, jibdew jitkellmu b’ilsna ġodda, u jxandru fil-beraħ il-misteru li tiegħu kienu xhieda.  Fl-Atti ta’ l-Appostli mbagħad naqraw id-diskors kbir li Pietru għamel sewwa sew nhar Għid il-Ħamsin.  Hu jitlaq minn silta mill-profeta Ġoel (3:15), u japplikaha għal Ġesù, u jħabbar dak li kellu jkun in-nukleu ċentrali tal-fidi Nisranija: Dak li kien għen lil kulħadd, li Alla kien ta prova tiegħu permezz ta’ l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih, ġie msallab ma’ salib u maqtul, imma Alla qajmu mill-imwiet, u għamlu Mulej u Messija.  Permezz tiegħu dħalna fis-salvazzjoni definittiva mħabbra mill-profeti u kull min isejjaħ ismu jkun salv (ara Atti 2:17-24).  Huma u jisimgħu dawn il-kelmiet ta’ Pietru, ħafna jħossuhom personalment interpellati, jindmu minn dnubiethom u jitgħammdu, u hekk jirċievu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Atti 2:37-41).  B’dan il-mod tibda l-mixja tal-Knisja, komunità li twassal din il-bxara fiż-żmien u fl-ispazju, komunità li hi l-Poplu ta’ Alla mwaqqaf fuq il-patt il-ġdid grazzi għad-demm ta’ Kristu, u li l-membri tagħha ma jagħmlux parti minn xi grupp soċjali jew etniku partikulari, imma huma rġiel u nisa ġejjin minn kull ġens u kultura.  Hu poplu “Kattoliku”, li jitkellem b’ilsna ġodda, miftuħ universalment biex jilqa’ fih lil kulħadd, lil hemm minn kull tip ta’ konfini, u jħott kull fruntiera.  San Pawl jikteb: “Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew m’hux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd” (Kol 3:11).

Għalhekk il-Knisja hi minn għeruqha l-post tal-fidi, il-post tat-trasmissjoni tal-fidi, il-post fejn, permezz tal-Magħmudija, nogħdsu fil-Misteru Paskwali tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, li jeħlisna mill-jasar tad-dnub, jagħtina l-ħelsien ta’ wlied u jdaħħalna fil-komunjoni ta’ Alla Trinitarju.  Fl-istess ħin, nidħlu fil-komunjoni ma’ ħutna oħra fil-fidi, fil-Ġisem sħiħ ta’ Kristu, miġbuda ’l barra mill-iżolament tagħna.  Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ifakkarna hekk f’dan: “Alla għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih bil-qdusija” (Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 9).  Nirriferu mill-ġdid għal-liturġija tal-Magħmudija; hawn ninnotaw li, fl-aħħar tal-wegħdiet li fihom nesprimu ċ-ċaħda tagħna tal-ħażen u ntennu “nemmen” għall-veritajiet tal-fidi, iċ-ċelebrant jiddikjara: “Din hi l-fidi tagħna.  Din hi l-fidi tal-Knisja li aħnaniftaħru li nistqarru, f’Ġesù Kristu Sidna”.  Il-fidi hi virtù teologali, mogħtija minn Alla, imma mgħoddija mill-Knisja tul l-istorja.  L-istess San Pawl, hu u jikteb lill-Korintin, jafferma li kien għaddielhom il-Vanġelu li hu stess kien irċieva (ara 1 Kor 15:3).

Hemm katina sħiħa u kontinwa ta’ ħajja tal-Knisja, ta’ xandir tal-Kelma ta’ Alla, ta’ ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, li tibqa’ ġejja sa żmienna u li aħna nsejħulha Tradizzjoni.  Din tagħtina l-garanzija li dak li fih nemmnu hu l-messaġġ oriġinali ta’ Kristu, imxandar mill-Appostli.  Il-qalba ta’ l-ewwel tħabbira hi l-ġrajja tal-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej, mnejn ifur il-wirt kollu tal-fidi.  Jgħid il-Konċilju: “Il-predikazzjoni ta’ l-Appostli, li b’mod speċjali hi mfissra fil-kotba ispirati, kellha tibqa’ mħarsa b’suċċessjoni li ma taqta’ qatt sa l-aħħar tad-dinja” (Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, 8).  B’dan il-mod, jekk l-Iskrittura Mqaddsa fiha l-Kelma ta’ Alla, it-Tradizzjoni tal-Knisja żżommha sħiħa u tgħaddiha fedelment, biex il-bnedmin ta’ kull żmien jistgħu jgawdu mir-riżorsi immensi tagħha u jistagħnew mit-teżori tagħha tal-grazzja.  Hekk il-Knisja “fit-tagħlim, il-ħajja u l-kult tagħha, iżżomm dejjem ħaj dak kollu li hija hi u dak kollu li hija temmen, u tgħaddih lill-ġenerazzjonijiet kollha” (ibidem).

Irrid, fl-aħħar nett, nenfasizza li hu fil-komunità ekkleżjali li l-fidi personali tikber u timmatura.  Hu interessanti nosservaw kif fit-Testment il-Ġdid il-kelma “qaddisin” tintuża biex tfisser l-Insara kollha flimkien, li żgur mhux ilkoll kellhom il-kwalitajiet biex jiġu ddikjarati qaddisin mill-Knisja.  Allura x’ried ifisser l-użu ta’ dan it-terminu?  Ifisser il-fatt li dawk li kellhom u kienu qed jgħixu l-fidi fi Kristu Rxoxt kienu msejħa biex isiru punt ta’ riferiment għall-oħrajn kollha, u hekk kienu f’kuntatt mal-Persuna u mal-Messaġġ ta’ Ġesù, li jikxef il-wiċċ ta’ Alla l-Ħaj.  U dan jgħodd għalina wkoll: in-Nisrani li bil-mod il-mod iħalli l-fidi tal-Knisja tmexxih u tagħġnu, minkejja d-dgħufijiet tiegħu, il-limitazzjonijiet tiegħu u d-diffikultajiet tiegħu, isir tieqa miftuħa għad-dawl ta’ Alla l-ħaj, li tirċievi dan id-dawl u tgħaddih lid-dinja.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II, fl-Enċiklika Redemptoris missio, afferma li “il-missjoni ġġedded lill-Knisja, tqawwi l-fidi u l-identità Nisranija, tagħti entużjażmu ġdid u motivazzjonijiet ġodda.  Il-fidi tissaħħaħ meta tgħaddi għand l-oħrajn!” (nru 2).

Mela t-tendenza, il-lum imxerrda sew, li nillimitaw il-fidi għall-isfera privata, tikkontradixxi l-istess natura tagħha.  Għandna bżonn tal-Knisja biex ikollna konferma tal-fidi tagħna u biex nagħmlu esperjenza tar-rigali ta’ Alla: il-Kelma tiegħu, is-Sagramenti, it-twettiq fil-grazzja u x-xhieda ta’ l-imħabba.  Hekk il-“jien” tagħna fl-“aħna” tal-Knisja għad jista’ jagħraf li hudestinatarju u protagonista ta’ ġrajja li tissuperah: l-esperjenza tal-komunjoni ma’ Alla, li jwaqqaf il-komunjoni bejn il-bnedmin.  F’dinja fejn donnu hu l-individwaliżmu li qed jirregola r-relazzjonijiet bejn il-persuni, u jagħmilhom iktar dgħajfa, il-fidi ssejħilna nkunu Poplu ta’ Alla, inkunu Knisja, ħabbâra ta’ l-imħabba u tal-komunjoni ta’ Alla għall-familja kollha tal-bnedmin (ara Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, 1).

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web