Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 16, 2012 in Sensilhena |

2. X’inhi l-fidi?

2. X’inhi l-fidi?

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 24 ta’ Ottubru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. X’inhi l-fidi?

 

Għeżież ħuti,

Nhar l-Erbgħa li għadda, fil-bidu tas-Sena tal-Fidi, bdejna serje ġdida ta’ katekeżijiet fuq il-fidi.  U l-lum nixtieq nirrifletti magħkom fuq kwistjoni fundamentali: X’inhi l-fidi?  Għad għandha sens il-fidi f’dinja fejn ix-xjenza u t-teknoloġija fetħu orizzonti li sa ftit żmien ilu ma kontx timmaġinahom?  Il-lum xi jfisser temmen?  Fil-fatt, fi żminijietna hi meħtieġa edukazzjoni mġedda fil-fidi, li ċertament tiġbor fiha għarfien tal-veritajiet tagħha u tal-ġrajjiet tas-salvazzjoni, imma li fuq kollox tiġi minn laqgħa awtentika ma’ Alla f’Ġesù Kristu, mill-imħabba lejh, mill-fiduċja fih, hekk li l-ħajja kollha tkun impenjata f’dan il-proċess.

Il-lum, flimkien ma’ tant sinjali ta’ tjieba, qed jikber ukoll madwarna ċertu deżert spiritwali.  Minn ċerti ġrajjiet li nisimgħu bihom kuljum, xi drabi wieħed ikollu s-sensazzjoni li d-dinja m’hix miexja lejn il-bini ta’ komunità iktar fraterna u paċifika; l-istess ideat ta’ progress u ġid juru wkoll id-dellijiet tagħhom.  Minkejja l-kobor ta’ l-iskoperti tax-xjenza u tas-suċċessi tat-teknoloġija, il-lum ma jidhirx li l-bniedem sar tassew iktar ħieles, iktar uman; jibqgħu tant forom ta’ sfruttament, ta’ manipulazzjoni, ta’ vjolenza, ta’ abbuż tal-poter, ta’ inġustizzja…  Imbagħad, ċerta tip ta’ kultura ta’ żmienna edukatna biex nimxu biss lejn l-orizzont tal-ħwejjeġ tanġibbli, ta’ dak li hu fattibbli, biex nemmnu biss f’dak li tista’ tarah b’għajnejk u tmissu b’idejk.  Imma min-naħa l-oħra, qed jiżdied ukoll l-għadd ta’ dawk li jħossuhom imħawda u, huma u jfittxu li jmorru lil hemm minn viżjoni sempliċiment orizzontali tar-realtà, lesti li jemmnu f’kollox u fl-oppost ta’ kollox.  F’dan il-kuntest jixirfu mill-ġdid xi mistoqsijiet fundamentali, li huma wisq iżjed konkreti minn kif jidhru ma’ l-ewwel daqqa t’għajn: X’sens għandha l-ħajja?  Hemm futur għall-bniedem, għalina u għall-ġenerazzjonijiet ġodda?  Lejn liema direzzjoni għandna norjentaw l-għażliet tal-libertà tagħna biex ikollna ħajja aħjar u iktar hienja?  X’hemm jistenniena ’l hemm mill-għatba tal-mewt?

Minn dawn il-mistoqsijiet inevitabbli joħroġ kif id-dinja tal-pjanifikazzjoni, tal-kalkolu eżatt u ta’ l-esperimentazzjoni, f’kelma waħda l-għerf tax-xjenza, għalkemm importanti għall-ħajja tal-bniedem, waħidha m’hix biżżejjed.  Aħna għandna bżonn mhux biss tal-ħobż materjali, imma għandna bżonn ta’ l-imħabba, tas-sens u tat-tama, ta’ pedament fis-sod, ta’ bażi b’saħħitha li tgħinna ngħixu b’sens awtentiku anki fiż-żmien ta’ kriżi, ta’ dlam, ta’ diffikultajiet u problemi fil-ħajja ta’ kuljum.  Dan hu sewwa sew li tagħtina l-fidi: din tfisser li b’sens ta’ fiduċja nafda fl-“Int”, li hu Alla, li jagħtini ċertezza differenti, imma mhux b’inqas soda minn dik li tiġi mill-kalkolu eżatt jew mix-xjenza.  Il-fidi m’hix sempliċement il-kunsens spiritwali tal-bniedem għal veritajiet partikulari dwar Alla; tfisser adeżjoni għall-“Int” li jimlieni bit-tama u bil-fiduċja; hi att li bih nafda ruħi b’libertà sħiħa f’idejn Alla li hu Missier u jħobbni; hi adeżjoni għal “Int” li jagħtini tama u fiduċja.  Naturalment, din l-adeżjoni għal Alla m’hix nieqsa minn kontenuti: permezz tagħha aħna nafu li Alla nnifsu wera ruħu lilna fi Kristu, uriena wiċċu u qorob tassew lejn kull wieħed u waħda minna.  Anzi, Alla wriena li mħabbtu lejn il-bniedem, lejn kull wieħed u waħda minna, hi bla qies: fuq is-Salib, Ġesù ta’ Nazareth, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, juri lid-dinja tagħna, dejjem aktar imdawla minnu, sa fejn tasal din l-imħabba, sa l-għotja tiegħu nnifsu, sas-sagrifiċċju sħiħ.  Bil-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, Alla jinżel sal-qiegħ nett ta’ l-umanità tagħna biex ireġġagħha lura lejh, biex jgħolliha għal dak li tabilħaqq hi.  Il-fidi tfisser li nemmnu f’din l-imħabba ta’ Alla li ma tonqosx quddiem il-ħażen tal-bniedem, quddiem id-deni u l-mewt, imma kapaċi tibdel kull forma ta’ jasar, u tagħtina l-possibbiltà li nsalvaw.  Għalhekk, bil-fidi, jien niltaqa’ ma’ dan l-“Int”, Alla, li jsostnini u jagħtini l-wegħda ta’ mħabba li ma tinqeridx, li mhux biss tittama fl-eternità, imma tista’ tagħtiha; tfisser li nafda f’Alla bl-atteġġjament ta’ tfajjel ċkejken, li jaf tajjeb li minkejja d-diffikultajiet u l-problemi kollha tiegħu, hu fiż-żgur fl-“int” ta’ l-omm.  U din il-possibbiltà li nsalvaw permezz tal-fidi hi rigal li Alla joffri lill-bnedmin kollha.  Naħseb li – fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, immarkata minn problemi u sitwazzjonijiet spiss drammatiċi – għandna nimmeditaw iktar ta’ spiss fuq il-fatt li l-fidi fid-dawl Kristjan tfisser dan l-abbandun fiduċjuż fis-sens profond li qed iżomm ħaj lili u lid-dinja, dak is-sens li aħna m’aħniex kapaċi nagħtu lilna nfusna u nistgħu biss nirċievu bħala rigal, u li hu l-pedament li fuqu nistgħu nserrħu mingħajr biża’.  U din iċ-ċertezza tal-fidi, li kapaċi teħlisna u tneħħilna kull dubju, irridu nkunu kapaċi nħabbruha bil-kelma u nuruha bil-ħajja tagħna ta’ Nsara.

Madankollu, naraw ta’ kuljum madwarna li ħafna jibqgħu indifferenti jew jirrifjutaw li jilqgħu din il-bxara.  Fi tmiem il-Vanġelu ta’ Marku, il-lum għandna l-kliem iebes ta’ l-Irxoxt li jgħid: “Min jemmen u jitgħammed, isalva; imma min ma jemminx, ikun ikkundannat” (Mk 16:16), jintilef.  Irrid nistedinkom tirriflettu fuq dan.  Il-fiduċja fl-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu hemm bżonn li timbuttana dejjem biex noħorġu nħabbru l-Vanġelu, biex b’kuraġġ nagħtu xhieda tal-fidi; imma, barra l-possibbiltà ta’ tweġiba pożittiva għad-don tal-fidi, hemm ukoll ir-riskju li l-Vanġelu jiġi rrifjutat, li jkun hemm min ma jilqax din il-laqgħa ħajja ma’ Kristu.  Santu Wistin diġà kien tkellem fuq din il-problema f’kumment tiegħu dwar il-parabbola ta’ dak il-bidwi li ħareġ jiżra’: “Aħna nitkellmu, – kiteb –, nitfgħu ż-żerriegħa, inxerrdu ż-żerriegħa.  Hemm dawk li jiddisprezzaw, dawk li jikkritikaw, dawk li jiddieħku.  Jekk aħna nibżgħu minn dawn, ma jifdlilna xejn x’niżirgħu u meta jasal jum il-ħsad ma jkollna xejn x’naqtgħu.  Għalhekk iż-żerriegħa tiġi minn art tajba” (Diskorsi fuq id-dixxiplina Kristjana, 13,14: PL40, 677-678).  Għalhekk, ir-rifjut m’għandux jaqtgħalna qalbna.  Bħala Nsara aħna xhieda ta’ din l-art li tagħti l-frott: il-fidi tagħna, anki fil-limitazzjonijiet tagħna, turi li teżisti art tajba, fejn iż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tagħti frott abbundanti ta’ ġustizzja, ta’ paċi u ta’ mħabba, ta’ umanità ġdida, ta’ salvazzjoni.  U l-istorja kollha tal-Knisja, bil-problemi kollha tagħha, ukoll turi li teżisti l-art tajba, teżisti żerriegħa tajba, u din tagħti l-frott.

Imma nistaqsu lilna nfusna: Il-bniedem mnejn jikseb dak il-ftuħ tal-qalb u tal-moħħ biex jemmen f’Alla li wera ruħu f’Ġesù Kristu mejjet u mqajjem, biex jilqa’ s-salvazzjoni tiegħu, hekk li Hu u l-Vanġelu tiegħu jsiru l-gwida u d-dawl ta’ l-eżistenza?  It-tweġiba: Aħna nistgħu nemmnu f’Alla għax hu jersaq qrib tagħna u jmissna, għax l-Ispirtu s-Santu, rigal ta’ Kristu Rxoxt, jagħmilna kapaċi nilqgħu lil Alla l-Ħaj.  Għalhekk, il-fidi hi qabel xejn don sopranaturali, don ta’ Alla.  Il-Konċilju Vatikan II jafferma: “Biex wieħed jista’ joffri [’l Alla] din il-fidi, jeħtieġ il-grazzja ta’ Alla li taħdem fih minn qabel u li tgħinu; jeħtieġ l-għajnuniet interjuri ta’ l-Ispirtu s-Santu li jċaqlaq il-qalb u jdawwarha lejn Alla, jiftaħ għajnejn l-intelliġenza u jagħti ‘lil kulħadd il-ħlewwa li tiġi meta nilqgħu u nemmnu l-verità’” (Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, 5).  Fil-bażi tal-mixja tal-fidi tagħna hemm il-Magħmudija, is-sagrament li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, u hekk jagħmilna wlied Alla fi Kristu, u jimmarka d-dħul tagħna fil-komunità tal-fidi, fil-Knisja; ma nemmnux b’xi qawwa tagħna, jekk qabel m’hemmx il-grazzja li tiġi mill-Ispirtu; u ma nemmnux waħidna, imma flimkien ma’ ħutna.  Mill-Magħmudija ’l quddiem, kull min jemmen hu msejjaħ jgħix mill-ġdid u jagħmel tiegħu din l-istqarrija tal-fidi, flimkien ma’ ħutu.

Il-fidi hi rigal ta’ Alla, imma wkoll att profondament ħieles u uman.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dan jgħidu b’mod ċar: “Ma jistax ikun li wieħed jemmen mingħajr il-grazzja u l-għajnuna fir-ruħ mill-Ispirtu s-Santu.  Iżda m’hux inqas veru li t-twemmin hu att li hu tassew uman.  M’hux kontra l-libertà u lanqas kontra l-intelliġenza tal-bniedem” (n. 154).  Anzi, jimplikahom u jgħollihom, f’ħajja li lesta tieħu r-riskju għax hi bħal eżodu, fejn wieħed joħroġ minnu nnifsu, miċ-ċertezzi fejn iħossu komdu, mill-iskemi mentali tiegħu, biex jista’ jafda fl-għemejjel ta’ Alla li jurina t-triq tiegħu li twassal għal-libertà vera, l-identità umana tagħna, il-ferħ veru tal-qalb, il-paċi ma’ kulħadd.  Temmen ifisser tafda ruħek bil-libertà kollha u bil-ferħ f’idejn il-pjan providenzjali ta’ Alla għall-istorja, kif għamel il-patrijarka Abraham, kif għamlet Marija ta’ Nazareth.  Għalhekk il-fidi hi kunsens li bih il-moħħ u l-qalb tagħna jlissnu l-“iva” tagħhom lil Alla, u jistqarru li Ġesù hu l-Mulej.  U din l-“iva” tibdel il-ħajja, tiftħilha t-triq lejn il-milja tas-sens veru, u hekk tagħmilha ġdida, mogħnija bil-ferħ u b’tama li tista’ toqgħod fuqha.

Għeżież ħbieb, iż-żminijiet li qed ngħixu fihom jeħtieġu Nsara li ġew kważi maħtufa minn Kristu, li jikbru fil-fidi għax huma midħla ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u tas-Sagramenti; persuni li huma kważi ktieb miftuħ li jirrakkonta l-esperjenza tal-ħajja ġdida fl-Ispirtu, il-preżenza ta’ dak Alla li jweżinna fil-mixja tagħna u jiftaħna għall-ħajja ta’ bla tmiem.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web