Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Dec 14, 2012 in Avvent 2013 |

Avvent | 3 Ħadd Qari tal-Vanġelu

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

QARI TAL-LITURĠIJA TAL-ĦADD

IT-TIELET ĦADD TA’ L-AVVENT

[SENA Ċ]

 

L-Ewwel Qari

[Sof 3, 14-18a]

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,
Iżrael, samma’ leħnek!
Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,
keċċa l-għedewwa tiegħek.
Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;
ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.

Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:
“Tibżax, Sijon,
tħallix idejk jintelqu!
Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,
gwerrier li jsalva;
minħabba fik jithenna b’hena kbir,
fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ,
bħalkieku f’jum ta’ festa.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

R/. Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael

Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.

R/. Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael

“Roddu ħajr lill-Mulej, sejjħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli.

R/. Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf ma’ l-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!”

R/. Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael

 

It-Tieni Qari

[Fil 4, 4-7]

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob!

Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.

U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah.
R/. Hallelujah.

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

Hallelujah.

 

L-Evanġelju

[Lq 3, 10-18]

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?” U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.”

Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.”

Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor  il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”

U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu  l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Niżżel it-test bħala pdf. [Sors: www.liturġijamalta.org]

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web