Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 26, 2012 in Uncategorized |

Dignitatis Humanae

Dignitatis Humanae

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

STQARRIJA FUQ IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA

fuq id-dritt tal-persuna u tal-komunitajiet għal-libertà soċjali u ċivili fi ħwejjeġ reliġjużi

PAWLU ISQOF

QADDEJ TAL-QADDEJJA TA’ ALLA

FLIMKIEN MAL-PADRI TAL-KONĊILJU MQADDES

IFAKKAR GĦAL DEJJEM*

 

 

 

DAĦLA

 

is-sehem tad-dinjità tal-bniedem

 1. Il-bniedem tal-lum qed jagħraf aktar u aktar it-tifsira tad-dinjità tal-persuna umana[1], u qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li jitolbu bil-jedd li l-bnedmin meta jaġixxu igawdu u jagħmlu użu mill-ġudizzju personali u mil-libertà responsabbli tagħhom, u mhux imġiegħla mill-forza, imma mmexxija minn sens ta’ dmir. Iridu wkoll limitazzjoni ġuridika tas-setgħa pubblika biex ma jkunx hemm restrizzjonijiet żejda fil-libertà kif għandha tkun tal-persuna kif ukoll tal-għaqdiet. Din l-esiġenza tal-libertà fis-soċjetà umana tmiss l-aktar il-ġid tal-ispirtu tal-bniedem, u l-ewwel nett dak li għandu x’jaqsam mal-prattika ħielsa tar-reliġjon fis-soċjetà. Dan il-Konċilju Vatikan, waqt li jagħti kas bir-reqqa ta’ dawn ix-xewqat tal-bniedem u jipproponi li jistqarr kemm jaqblu mal-verità u mal-ġustizzja, jistħarreġ bir-reqqa t-tradizzjoni qaddisa u t-tagħlim tal-Knisja mnejn juri ħwejjeġ ġodda li dejjem jaqblu mal-qodma.

 

Għalhekk, l-ewwel nett, il-Konċilju Mqaddes jistqarr li Alla nnifsu għarraf lill-bnedmin liema hi t-triq li biha, waqt li jaqdu ‘l Alla, jistgħu isalvaw u jsibu l-hena fi Kristu. Aħna nemmnu li din l-unika vera reliġjon tinsab fil-Knisja Kattolika w Appostolika u lilha l-Mulej Ġesù fdalha d-dmir li xxerridha fost il-bnedmin kollha, meta qal lill-Appostli: “Morru mela għallmu lill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, għallmuhom iħarsu kulma għidtilkom.” (Mt 28: 19-20). Iżda l-bnedmin kollha għandhom ifittxu l-verità, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam m’Alla u mal-Knisja Tiegħu, u meta jagħrfuha, iħaddnuha u jħarsuha.

Dan il-Konċilju Mqaddes jistqarr ukoll bl-istess mod li dawn id-dmirijiet imissu u jorbtu l-kuxjenza tal-bnedmin, u li l-verità ma timponix lilha nnifisha xort’oħra jekk mhux bil-qawwa tal-verità nfisha, li tidħol fl-imħuħ ħelu ħelu imma fl-istess ħin bil-qawwa. Il-libertà reliġjuża, li l-bnedmin iridu biex iqimu ‘l Alla, tikkonsisti filli jkunu ħielsa minn pressjoni fis-soċjetà ċivili. Għalhekk tħalli sħiħ it-tagħlim tradizzjonali kattoliku fuq id-dmir morali tal-bnedmin u tas-soċjetajiet lejn il-vera reliġjon u lejn il-Knisja waħdanija ta’ Kristu. Barra minn dan, waqt li qed jitratta fuq din il-libertà reliġjuża. Il-Konċilju Mqaddes bi ħsiebu jiżviluppa t-tagħlim tal-aħħar Papiet dwar id-drittijiet invjolabbli tal-persuna umana u dwar l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà.

 

Is-sisien tal-libertà reliġjuża

 2. Dan il-Konċilju Vatikan jistqarr li l-persuna umana għandha dritt għal-libertà reliġjuża. Din il-libertà tikkonsisti filli l-bnedmin kollha għandhom ikunu ħielsa minn pressjoni min-naħa kemm ta’ individwi u kemm ta’ gruppi soċjali u ta’ kull setgħa umana, u hekk li fi ħwejjeġ reliġjużi lanqas ħadd ma jkun imġiegħel li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu jew li jkun imfixkel milli jimxi skont il-kuxjenza tiegħu fil-ħajja privata u pubblika, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, fil-limiti li jixirqu. Barra minn dan, il-Konċilju jistqarr li d-dritt għal-libertà reliġjuża għandu tabilħaqq is-sisien tiegħu fid-dinjità nfisha tal-persuna umana, hekk kif hi magħrufa mill-kelma rivelata ta’ Alla u mir-raġuni nfisha[2]. Dan id-dritt tal-persuna umana għal-libertà reliġjuża hekk għandu jkun magħruf fl-ordinament ġuridiku tas-soċjetà li jsir dritt ċivili.

Skont id-dinjità tagħhom il-bnedmin kollha, minħabba li huma persuni, jiġifieri mżejnin bir-raġuni u bir-rieda ħielsa u għalhekk mogħnijin bir-responsabbiltà personali, huma mqanqlin min-natura tagħhom infushom u marbuta wkoll bi dmir morali li jfittxu l-verità, u l-ewwel nett dik li għandha x’taqsam mar-reliġjon. Għandhom ukoll iħaddnu l-verità li jkunu għarfu, u skont dak li titlob il-verità ifasslu ħajjithom kollha. Imma l-bnedmin ma jistgħux jaqdu dan id-dmir b’mod li jaqbel man-natura tagħhom infushom jekk ma jkollhomx libertà psikoloġika kif ukoll immunità minn pressjoni esterna. Għalhekk id-dritt għal-libertà reliġjuża għandu s-sisien tiegħu mhux fid-dispożizzjoni soġġettiva tal-persuna, imma fin-natura tagħha nfisha. Għaldaqstant id-dritt għal din l-immunità jibqa’ hemm anke f’dawk li ma jwettqux dmirhom li jfittxu l-verità u jħaddnuha; il-prattika ta’ dan id-dritt ma tistax tkun imfixkla kemm-il darba jinżamm l-ordni pubbliku ġust.

 

 

I                       IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA FID-DAWL TAR-RAĠUNI

Dmir il-bniedem li jagħraf ir-rieda ta’ Alla

 

3.   Dawn il-ħwejjeġ jidhru aktar ċar meta wieħed iqis li l-aqwa regola tal-ħajja tal-bniedem hija l-liġi divina nfisha li hi eterna, oġġettiva u għal kulħadd, li biha Alla jmexxi, irieġi u jiggverna l-univers kollu u t-toroq tal-komunità umana fil-ħsieb tiegħu kollu għerf u mħabba. Lill-bniedem Alla tah sehem f’din il-liġi Tiegħu hekk li l-bniedem, taħt it-tmexxija sewwa tal-provvidenza divina, jista’ jagħraf dejjem aktar il-verità li ma titbiddilx. Għal din ir-raġuni kull bniedem għandu d-dmir, u għalhekk id-dritt, li jfittex il-verità fil-ħwejjeġ reliġjużi biex ikun jista’ bil-għaqal jifforma għalih innifsu ġudizzji tajbin u veri tal-kuxjenza bil-mezzi li jixirqu.

Imma l-verità wieħed għandu jfittixha b’mod li jaqbel mad-dinjità tal-persuna umana u man-natura soċjali tiegħu, jiġifieri billi jfittex fil-libertà, bl-għajnuna ta’ tagħlim jew istruzzjoni, komunikazzjoni u djalogu, li bihom il-bnedmin juru ‘l xulxin il-verità li jkunu sabu jew li jaħsbu li jkunu sabu biex hekk jgħinu ‘l xulxin fit-tiftix tal-verità; imma meta jagħrfu l-verità għandhom iħaddnuha bis-sħiħ bil-kunsens personali tagħhom.

Il-bniedem jagħraf u jifhem il-kmandi tal-Liġi Divina bl-għajnuna tal-kuxjenza tiegħu; għandu jimxi magħha bil-fedeltà fil-ħidma kollha tiegħu sabiex jasal għand Alla, li hu l-fini tiegħu. Għalhekk m’għandux ikun imġiegħel li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu. Imma lanqas m’għandu jkun imfixkel milli jimxi skont il-kuxjenza, l-aktar fi ħwejjeġ reliġjużi. Dan kollu għaliex il-prattika tar-reliġjon, min-natura tagħha nfisha, tikkonsisti qabel kollox f’atti interni volontarji u liberi li bihom il-bniedem imexxi lilu nnifsu direttament lejn Alla: atti bħal dawn l-ebda setgħa purament umana ma’ tista’ tikkmanda jew tfixkel[3]. Imma n-natura soċjali fiha nfisha tal-bniedem trid li l-bniedem juri minn barra l-atti interni tar-reliġjon, li jieħu sehem ma’ oħrajn fi ħwejjeġ reliġjużi u li jistqarr ir-reliġjon tiegħu fi ħdan il-komunità.

Għalhekk issir ħsara lill-persuna umana u lill-ordni nnifsu mwaqqaf minn Alla għall-bnedmin. Jekk il-bniedem ikun imċaħħad mill-prattika ħielsa tar-reliġjon fis-soċjetà, kemm-il darba jinżamm l-ordni pubbliku ġust.

Barra minn dan, l-atti reliġjużi, li bihom il-bnedmin, fil-ħajja privata u pubblika, imexxu lilhom infushom skont il-fehma tagħhom lejn Alla, huma minnhom infushom ‘il fuq mill-ordni temporali u ta’ din l-art. Għalhekk is-setgħa ċivili, li qiegħda hemm biex tieħu ħsieb il-ġid temporali ta’ kulħadd, għandha tagħraf u tgħin il-ħajja reliġjuża taċ-ċittadini, imma jkollna ngħidu li tkun qed toħroġ barra mil-limiti tagħha jekk jidhrilha li għandha tmexxi jew tfixkel l-atti reliġjużi.

 

Il-libertà reliġjuża tal-komunitajiet reliġjużi

 

4.   Il-libertà jew il-jedd li wieħed ma jkunx imġiegħel fi ħwejjeġ reliġjużi li kull wieħed għandu jkollu għandha wkoll tkun magħrufa lilhom meta jaġixxu flimkien għax il-komunitajiet reliġjużi huma meħtieġa min-natura soċjali kemm tal-bniedem kif ukoll tar-reliġjon infisha.

Għalhekk kemm-il darba dak li jitlob bil-ġustizzja l-ordni pubbliku ma

jinkisirx, dawn il-komunitajiet għandu jkollhom bi dritt dik l-Immunità biex imexxu lilhom infushom skont il-liġijiet tagħhom, jagħtu qima pubblika lill-Esseri suprem, jgħinu lill-membri tagħhom fil-prattika tal-ħajja reliġjuża, isaħħuhom bit-tagħlim u jmexxu dawk l-istituzzjonijiet fejn il-membri jaħdmu flimkien biex ifasslu ħajjithom bil-fomm u bil-miktub. Imma meta jxerrdu l-fidi reliġjuża u jdaħħlu d-drawwiet tagħha, għandhom dejjem iżommu ruħhom lura minn kull xorta ta’ ħidma li tidher qisha pressjoni jew persważjoni qarrieqa jew anqas tajba, l-aktar meta għandhom x’jaqsmu ma’ nies bla tagħlim jew foqra. Imġiba bħal din għandha tkun meqjusa bħala abbuż ta’ jeddhom u ksur tal-jedd tal-oħrajn.

Il-komunitajiet reliġjużi għandhom ukoll il-jedd li ma jkunux imfixkla b’mezzi legali jew amministrattivi mis-setgħa ċivili meta jagħżlu l-ministri tagħhom, jedukawhom, jaħtruhom u jbiddluhom, meta jikkomunikaw mal-awtoritajiet u l-komunitajiet reliġjużi li jinsabu fi bnadi oħra tad-dinja, meta jtellgħu bini għal skopijiet reliġjużi kif ukoll meta jiksbu u jagħmlu użu mill-ġid li jeħtieġu.

Barra minn dan, għandu x’jaqsam mal-libertà reliġjuża li l-komunitajiet reliġjużi ma jkunux miżmuma milli juru bil-libertà s-siwi speċjali tat-tagħlim tagħhom f’dak li jolqot l-organizzazzjoni tas-soċjetà u l-ispirazzjoni tal-ħidma tal-bniedem. Fl-aħħarnett in-natura soċjali tal-bniedem kif ukoll in-natura nfisha tar-reliġjon huma s-sisien tal-jedd li bih il-bnedmin, imqanqlin mis-sens reliġjuż tagħhom, jistgħu bil-libertà jagħmlu laqgħat jew iwaqqfu għaqdiet edukattivi, kulturali, karitattivi u soċjali.

 

Il-libertà reliġjuża tal-familja

 

5. Kull familja, billi hija soċjetà bil-jedd oriġinali tagħha, għandha l-jedd li tfassal bil-libertà l-ħajja reliġjuża tagħha fid-dar taħt it-tmexxija tal-ġenituri. Dawn għandhom il-jedd jagħżlu liema edukazzjoni reliġjuża jagħtu ‘l uliedhom skont il-fehma reliġjuża tagħhom. Għalhekk is-setgħa ċivili għandha tagħraf il-jedd tal-ġenituri li jagħżlu, bil-libertà kollha, l-iskejjel jew mezzi oħra ta’ edukazzjoni, u lanqas m’għandhom ikunu mgħobbija direttament jew indirettament b’piżijiet inġusti minħabba din il-libertà fl-għażla. Barra minn dan, il-jeddijiet tal-ġenituri jkunu qed jinkisru jekk l-ulied ikunu mġegħlin imorru għal-lezzjonijiet li ma jaqblux mal-fehma reliġjuża tal-ġenituri, jew jekk jimponulhom sistema wieħed ta’ edukazzjoni li titħalla barra minnha għal kollox il-formazzjoni reliġjuża.

 

Dmir il-gvern biex iħares il-libertà reliġjuża

 

6. Il-ġid komuni tas-soċjetà, li hu l-qofol ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom il-bnedmin jistgħu jilħqu l-perfezzjoni tagħhom b’mod aktar sħiħ u ħafif, jikkonsisti l-aktar fil-ħarsien tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuna umana[4]. Għalhekk il-ħarsien tad-dritt għal-libertà reliġjuża jolqot liċ-ċittadini, lill-gruppi soċjali, lis-setgħat ċivili kif ukoll lill-Knisja u lill-komunitajiet reliġjużi l-oħra, bil-mod proprju ta’ kull wieħed minnhom, skont id-dmir tagħhom lejn il-ġid komuni.

Hu dmir essenzjali ta’ kull setgħa ċivili li tħares u tgħin id-drittijiet invjolabbli tal-bniedem[5]. Għalhekk is-setgħa ċivili għandha tieħu ħsieb tħares b’mod effettiv il-libertà reliġjuża taċ-ċittadini kollha b’liġijiet ġusti u b’mezzi oħra xierqa, u għandha toħloq kundizzjonijiet favorevoli biex iħeġġu l-ħajja reliġjuża sabiex iċ-ċittadini jkunu tassew jistgħu jipprattikaw id-drittijiet u jwettqu d-dmirijiet tar-reliġjon u s-soċjetà nfisha tgawdi l-ġid tal-ġustizzja u tal-paċi li l-fedeltà tal-bnedmin lejn Alla u lejn ir-rieda qaddisa Tiegħu ġġib magħha[6].

Jekk minħabba xi ċirkostanzi speċjali fost il-popli lil xi komunità reliġjuża jingħata rikonoxximent ċivili speċjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat, jeħtieġ li fl-istess ħin il-jedd għal-libertà fi ħwejjeġ reliġjużi jkun magħruf u mħares għaċ-ċittadini u għall-komunitajiet reliġjużi kollha.

Fl-aħħarnett, is-setgħa ċivili għandha tieħu ħsieb li l-ugwaljanza taċ-ċittadini quddiem il-liġi, ugwaljanza li għandha x’taqsam mal-ġid komuni tas-soċjetà, qatt ma tkun miksura bil-miftuħ jew bil-moħbi għal raġunijiet reliġjużi, u biex lanqas ma jkun hemm diskriminazzjoni bejniethom.

Minn dan jiġri li s-setgħa pubblika tagħmel ħażin li bil-forza jew bil-biżà jew b’mezzi oħra ġġiegħel liċ-ċittadini jistqarru jew jiċħdu xi reliġjon, jew tfixkel lil xi ħadd li jħaddan jew iħalli xi komunità reliġjuża. Aktar u aktar ikun kontra r-rieda t’Alla u kontra d-drittijiet sagri tal-persuna u tal-familja tal-ġnus, meta b’xi mod tintuża l-forza biex tinqered jew biex titrażżan ir-reliġjon fost il-bnedmin kollha jew f’xi pajjiż jew grupp partikolari.

 

Normi morali u ġuridiċi li jirregolaw il-libertà reliġjuża

 

7.   Id-dritt għal-libertà fi ħwejjeġ reliġjużi hu prattikat fis-soċjetà umana u għalhekk il-prattika tiegħu taqa’ taħt xi regoli li jikkontrollawh.

Fil-prattika ta’ kull libertà għandu jinżamm il-prinċipju morali tar-responsabbiltà personali u soċjali: fil-prattika tad-drittijiet tagħhom kull bniedem u kull grupp soċjali jaqa’ taħt il-liġi morali biex jagħtu kas kemm tad-drittijiet tal-oħrajn kif ukoll tad-dmirijiet tagħhom infushom lejn l-oħrajn u tal-ġid komuni ta’ kulħadd. Wieħed għandu jimxi ma’ kulħadd bil-ġustizzja u t-tjieba.

Barra minn dan, billi s-soċjetà ċivili għandha l-jedd tħares lilha nfisha mill-abbużi li jistgħu isiru bl-iskuża tal-libertà reliġjuża,huwa dmir fuq kollox tas-setgħa ċivili li tħares dan. Iżda dan għandu jsir mhux kif ġie ġie jew b’mod ħażin billi żżomm ma’ naħa aktar milli ma’ oħra. Imma skont ir-regoli ġuridiċi li jaqblu mal-ordni morali oġġettiv; dawn ir-regoli huma meħtieġa għall-ħarsien effikaċi tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha u għall-ftehim paċifiku bejniethom, għall-ħarsien li hu biżżejjed ta’ din il-paċi pubblika ġenwina li jkun hemm fejn il-bnedmin jgħixu flimkien fl-ordni u fil-ġustizzja vera, kif ukoll għall-ħarsien xieraq tal-moralità pubblika. Dan kollu jagħmel sehem fundamenatli mill-ġid komuni u jidħol f’dak li jissejjaħ ordni pubbliku. Mill-bqija, għandha tinżamm fis-soċjetà d-drawwa tal-libertà sħiħa hekk li l-libertà għandha tkun magħrufa kemm jista’ jkun lill-bniedem u m’għandhiex tkun imrażżna jekk mhux meta u kemm ikun meħtieġ.

 

L-edukazzjoni tal-bnedmin għar-responsabbiltà

 

8.   Il-bnedmin ta’ żmienna huma magħfusin minn ħafna bnadi u jiġu fil-periklu li jkunu mċaħħdin mill-ġudizzju ħieles tagħhom infushom. Iżda min-naħa l-oħra, mhumiex ftit dawk li jidhru mxaqilbin biex bl-iskuża tal-libertà jiċħdu kull sottomissjoni u jistmerru l-ubbidjenza li għandu jkollhom.

Għaldaqstant dan il-Konċilju Vatikan iħeġġeġ lil kulħadd imma l-aktar lil

dawk li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tal-oħrajn, biex jagħmlu ħilithom kollha biex jiffurmaw bnedmin li waqt li jirrispettaw l-ordni morali jobdu lill-awtorità leġittima u jħobbu l-libertà ġenwina; fi kliem ieħor, bnedmin li jifhmu l-affarijiet skont il-ġudizzju tagħhom, fid-dawl tal-verità, imexxu l-ħidmiet tagħhom b’sens ta’ responsabbiltà u jħabirku biex jagħmlu dak kollu li hu veru u ġust waqt li b’rieda tajba jaħdmu flimkien mal-oħrajn.

Il-libertà reliġjuża għalhekk għandha wkoll isservi u timmira għal dan il-għan sabiex il-bnedmin fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-ħajja soċjali jaġixxu b’responsabbiltà akbar.

 

 

II                      IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA FID-DAWL TAR-RIVELAZZJONI

Id-dinjità tal-bniedem fil-kobor tagħha

 

9.   L-istqarrija ta’ dan il-Konċilju Vatikan fuq id-dritt tal-bniedem għal-libertà reliġjuża għandha s-sisien tagħha fid-dinjità tal-persuna; ir-raġuni tal-bniedem għarfet aħjar x’titlob din id-dinjità b’esperjenza ta’ mijiet ta’ snin. Barra minn dan, dan it-tagħlim dwar il-libertà għandu l-għeruq fir-Rivelazzjoni Divina, u għalhekk aktar u aktar għandha tkun imħarsa bir-reqqa mill-Insara. Għax għalkemm ir-Rivelazzjoni ma tistqarrx bil-miftuħ id-dritt li wieħed ikun ħieles mill-pressjoni esterna fi ħwejjeġ reliġjużi, madankollu turi ċar id-dinijità tal-persuna umana fil-kobor kollu tagħha, turi wkoll kemm Kristu kien jgħożż il-libertà tal-bniedem fil-qadi ta’ dmiru li jemmen fil-Kelma t’Alla, u tgħallimna sewwa xi spirtu d-dixxipli ta’ Mgħallem bħal dan għandhom jagħrfu u jimxu bih f’kollox. Minn dan kollu jidhru ċar il-prinċipji ġenerali li huma s-sisien tat-tagħlim ta’ din l-istqarrija dwar il-libertà reliġjuża. Fuq kollox il-libertà reliġjuża fis-soċjetà taqbel għalkollox mal-libertà tal-att tal-fidi nisranija.

 

Il-libertà tal-att tal-fidi

 

10.  L-ewlieni fost l-aqwa artikli tad-duttrina kattolika, li jinsab fil-kelma t’Alla u li

s-Santi Padri ppritkawh bla ma jaqtgħu[7], jgħidilna li t-tweġiba tal-bniedem lil Alla bil-fidi għandha toħroġ mir-rieda Tiegħu; għalhekk ħadd kontra r-rieda tiegħu m’għandu jkun hemm imġiegħel biex iħaddan il-fidi[8]. Dan għaliex l-att tal-fidi hu minnu nnifsu volontarju, billi l-bniedem, mifdi minn Kristu l-Feddej u msejjaħ biex b’Ġesù Kristu jkun iben adottiv[9], ma jistax jingħaqad m’Alla li jirrivela lilu nnifsu, jekk waqt li l-Missier ikun qed jiġbdu[10] ma joffrix ‘l Alla sottomissjoni raġonevoli u ħielsa tal-fidi. Għalhekk jaqbel fis-sħiħ man-natura tal-fidi li, fi ħwejjeġ reliġjużi, titħalla barra kull għamla ta’ pressjoni min-naħa tal-bnedmin. Għaldaqstant il-prinċipju tal-libertà reliġjuża jgħin mhux ftit biex jinħoloq dak l-ambjent fejn il-bnedmin jistgħu ikunu mistednin għall-fidi nisranija bla tfixkil, iħaddnuha minn rajhom u jistqarruha b’għemilhom f’ħajjithom kollha.

 

 

L-imġiba ta’ Kristu u tal-Appostli lejn il-libertà reliġjuża

 

 11.  Alla jsejjaħ lill-bnedmin biex jaqduh bl-ispirtu u bil-verità, u għalhekk huma jintrabtu fil-kuxjenza, imma mhumiex imġegħlin. Dan għaliex Alla jagħti kas tad-dinjità tal-persuna umana maħluqa minnu li għandha tkun immexxija mill-ġudizzju tagħha nfisha u tgawdi l-libertà. Dan deher fl-aqwa tiegħu fi Kristu Ġesù li fih alla wera lilu nnifsu u t-toroq tiegħu b’mod perfett. Dan għaliex Kristu, Mgħallem u Mulej tagħna[11], li huwa wkoll ta’ qalb ħelwa w umli[12], bis-sabar ġibed u stieden lid-dixxipli Tiegħu[13]. Bil-mirakli saħħaħ tabilħaqq u wettaq il-predikazzjoni tiegħu biex iqajjem u jwettaq il-fidi tas-semmiegħa, mhux biex juża pressjoni fuqhom[14]. Tassew li ħadha man-nuqqas ta’ fidi fis-semmiegħa, imma l-vendetta ħallieha f’idejn Alla f’jum il-Ħaqq[15]. Meta bagħat lill-Appostli fid-dinja qalilhom: “Min jemmen u jitgħammed isalva; imma min ma jemminx ikun ikkundannat.” (Mk 16:16). Iżda hu, waqt li jinduna bis-sikrana miżrugħa mal-qamħ, ikkmanda li jħallu t-tnejn jikbru sa żmien il-ħsad li jsir fl-aħħar tad-dinja[16]. Billi ma riedx ikun Messija politiku li jaħkem bil-forza[17], għażel li jsejjaħ lilu nnifsu Bin Alla li ġie “biex jaqdi u jagħti ħajtu bħala fidwa għal ħafna”. (Mk 10:45). Wera lilu nnifsu bħala l-Qaddej perfett ta’ Alla[18], li “qasba mġelġla ma jkissirhiex u ftila ddaħħan ma jitfihiex.” (Mt 12:20). Għaraf is-setgħa ċivili u d-drittijiet tagħha meta ordna li jingħata l-ħaraġ lil Cesare, iżda wissa biċ-ċar li għandhom jinżammu d-drittijiet ogħla ta’ Alla: “Mela agħtu lil Cesare dak li hu ta’ Cesare, u dak li hu ta’ Alla lil Alla.” (Mt 22:21). Fl-aħħar nett, meta temm fuq is-salib l-opra tal-fidwa li biha qala’ s-salvazzjoni u l-libertà vera għall-bnedmin, wassal sat-tmiem ir-rivelazzjoni tiegħu. Ta xhieda għall-verità[19], iżda ma riedx jimponiha bil-forza fuq dawk li ħaduha kontrieh. Is-saltna tiegħu ma tħaqqaqhiex bid-daqqiet[20], iżda tissaħħaħ billi tixhed u tisma’ l-verità u tikber bl-imħabba li biha Kristu merfugħ fuq is-salib jiġbed lejh il-bnedmin[21].

L-Appostli, mgħallmin bil-kelma u bl-eżempju ta’ Kristu, imxew fl-istess triq. Mill-bidu nett tal-Knisja, id-dixxipli ta’ Kristu ħabirku biex jikkonvertu l-bnedmin ħalli jistqarru ‘l Kristu l-Mulej, mhux bil-pressjoni lanqas bil-qerq li ma jixirqux lill-Vanġelu, iżda fuq kollox bil-qawwa tal-kelma ta’ Alla[22]. Bil-qawwa kienu jħabbru ‘l kulħadd il-pjan ta’ Alla l-Feddej “li jrid il-bnedmin kollha jkunu salvi u jaslu biex jagħrfu s-sewwa” (1 Tim 2:4); iżda fl-istess ħin urew rispett lejn id-dgħajfin anki jekk kienu fl-iżball, u hekk kienu juru kif “kull wieħed minna jrid jagħti kont ‘l Alla tiegħu nnifsu” (Rum 14:12)[23] u għalhekk marbut jobdi lill-kuxjenza tiegħu. Bħal Kristu, l-Appostli kienu dejjem mehdijin jagħtu xhieda għall-verità ta’ Alla, u b’kuraġġ akbar ma beżgħux ixandru “il-kelma ta’ Alla bla biżà” (Atti 4:31)[24] quddiem il-poplu u l-kbarat. B’fidi sħiħa kienu jżommu li l-Vanġelu nnifsu kien tabilħaqq il-qawwa ta’ Alla għas-saħħa ta’ kull min jemmen[25]. Għalhekk tefgħu fil-ġenb “l-armi tad-dinja”[26], imxew fuq l-eżempju ta’ Kristu ġwejjed u rżin, xandru l-kelma ta’ Alla b’fiduċja sħiħa fil-qawwa Divina ta’ din il-kelma biex teqred is-setgħat għedewwa ta’ Alla[27] u twassal il-bnedmin biex jemmnu u jobdu ‘l Kristu[28]. Bħall-Imgħallem, hekk ukoll l-Appostli għarfu s-setgħa ċivili leġittima: “M’hemm l-ebda setgħa li mhix ġejja minn Alla” jgħallem l-Appostlu, u għalhekk jikkmanda: “Kull wieħed għandu jkun imtaħħat għal setgħa aktar għolja;…min jieqaf lis-setgħa, ikun qed jeħodha kontra l-ordni ta’ Alla” (Rum 13: 1-2)[29]. Fl-istess ħin ma beżgħux jeħduha kontra s-setgħa pubblika meta din marret kontra r-rieda qaddisa ta’ Alla: “Għandna nisimgħu minn Alla aktar milli mill-bnedmin” (Atti 5:29)[30]. Fuq din it-triq imxew matul is-sekli u fid-dinja kollha martri u fidili bla għadd.

 

L-imġiba tal-Knisja

 

12. Il-Knisja, għalhekk, fidila lejn il-verità tal-Knisja, timxi fuq it-triq ta’ Kristu u tal-Appostli meta tagħraf u tħeġġeġ il-prinċipju tal-libertà reliġjuża li tixraq lid-dinjità tal-bniedem u lir-rivelazzjoni ta’ Alla. Matul iż-żminijiet għasset u wasslitilna t-tagħlim li ħadet mingħand l-Imgħallem u l-Appostli. Għalkemm fil-ħajja tal-Poplu ta’ Alla matul il-pellegrinaġġ tiegħu fit-taqlib ta’ ġrajjiet il-bniedem, xi drabi kien hemm imġiba li ftit taqbel mal-ispirtu tal-Vanġelu, anzi bil-maqlub, madankollu t-tagħlim ta’ Kristu dejjem baqa’ li ħadd m’għandu jkun imġiegħel jemmen.

Hekk il-ħmira tal-Vanġelu ilha żmien taħdem f’moħħ il-bnedmin u tat sehem kbir biex dawn, matul iż-żminijiet, jagħrfu aktar fil-wisa’ d-dinjità tal-persuna u biex tikber il-konvinzjoni li fi ħwejjeġ reliġjużi, il-persuna għandha tinżamm ħielsa fis-soċjetà minn kull xorta ta’ pressjoni umana.

 

 

Il-libertà qaddisa li l-Knisja titlob bħala jedd

 

13.  Fost il-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal-ġid tal-Knisja, anzi mal-ġid tas-soċjetà f’din id-dinja, u li għandhom jinżammu dejjem u kullimkien u jkunu mħarsin minn kull deni, bla ebda dubju hu fuq l-oħrajn kollha l-prinċipju li l-Knisja jkollha dik il-libertà fil-ħidma tagħha daqskemm teħtieġ għas-salvazzjoni tal-bnedmin[31]. Din il-libertà hi qaddisa għax biha l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla żejjen il-Knisja li xtara b’Demmu. Tabilħaqq daqshekk hi ħaġa waħda mal-Knisja li min imur kontra din il-libertà jmur kontra r-rieda ta’ Alla. Il-libertà tal-Knisja hi l-prinċipju fundamentali fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u s-setgħat pubbliċi u l-ordni ċivili kollu.

Fis-soċjetà umana u quddiem kull setgħa pubblika l-Knisja titlob b’jedd għaliha nfisha l-libertà billi hija setgħa spiritwali mwaqqfa minn Kristu l-Mulej li bi kmand divin għandha d-dmir li tmur fid-dinja kollha u tgħallem il-Vanġelu lill-ħlejjaq kollha[32]. Il-Knisja titlob ukoll b’jedd għaliha nfisha l-libertà billi hija wkoll soċjetà ta’ bnedmin li għandhom id-dritt jgħixu fis-soċjetà ċivili skont il-preċetti tal-fidi nisranija[33].

Issa, jekk il-prinċipju tal-libertà reliġjuża jkun mhux biss imxandar bil-kliem jew imwettaq mil-liġi, iżda jkun ukoll imdaħħal fil-prattika b’sinċerità, imbagħad tabilħaqq il-Knisja tkun f’qagħda soda, bid-dritt kif ukoll bl-għemil, biex ikollha l-indipendenza li teħtieġ ħalli taqdi l-missjoni divina tagħha. Dan hu sewwasew dak li l-awtoritajiet tal-Knisja b’insistenza dejjem akbar talbu bħala jedd fis-soċjetà[34]. Fl-istess ħin l-Insara, bħall-bqija tal-bnedmin, għandhom id-dritt ċivili li ma jkunux imfixkla milli jgħixu skont il-kuxjenza. Għalhekk jaqblu tajjeb bejniethom il-libertà tal-Knisja u dik il-libertà reliġjuża li għandha tkun magħrufa bħala dritt lill-bnedmin u lill-komunitajiet kollha kif ukoll imwettqa fl-ordinament ġuridiku.

 

X’għandha tagħmel il-Knisja

 

14.  Sabiex tobdi l-kmand ta’ Alla: “għallmu l-ġnus kollha” (Mt 28:19), il-Knisja Kattolika għandha tħabbar bl-akbar ħrara “biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun imsebbħa” (1 Tess 3:1).

Għaldaqstant, il-Knisja titlob bil-ħerqa biex uliedha qabel xejn jagħmlu “orazzjonijiet, talb, suppliki, radd il-ħajr għall-bnedmin kollha…Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla, Salvatur tagħna, li jrid il-bnedmin kollha jkunu salvi u jaslu biex jagħrfu s-sewwa. (1 Tim 2: 1-4).

L-Insara waqt li jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom għandhom jagħtu kas bir-reqqa tat-tagħlim qaddis u ċert tal-Knisja[35]. Dan għaliex il-Knisja Kattolika kif irid Kristu hija l-għalliema tal-verità u dmirha hu li tħabbar u tgħallem bl-awtorità l-Verità, li hu Kristu, u fl-istess ħin tistqarr u ssaħħaħ bis-setgħa tagħha l-prinċipji tal-ordni morali li joħorġu min-natura nfisha tal-bniedem. Aktar minn dan, l-Insara, waqt li jimxu bil-għerf lejn dawk li jinsabu barra “bl-Ispirtu s-Santu, b’imħabba bla qerq, bil-kelma tas-sewwa” (2 Kor 6: 6-7), għandhom iħabirku biex ixerrdu d-dawl tal-ħajja bil-fiduċja kollha[36] u b’kuraġġ ta’ appostli saċ-ċarċir tad-demm.

Id-dixxiplu hu marbut bi dmir gravi lejn Kristu l-Imgħallem tiegħu li jagħraf dejjem aktar il-verità li ħa mingħandU, li jxandarha bil-fedeltà u jħarisha bil-qawwa mingħajr ma juża mezzi li ma jaqblu mal-ispirtu tal-Vanġelu. Iżda fl-istess ħin l-imħabba ta’ Kristu timbuttah biex jimxi bl-imħabba bil-għaqal u bis-sabar mal-bnedmin li jinsabu fl-iżball jew fl-injoranza dwar il-fidi[37]. Wieħed għalhekk għandu jagħti kas kemm tad-dmirijiet lejn Kristu, Il-Verb (ta’ Alla) li jagħti l-ħajja u li għandu jkun imxandar, kemm tad-drittijiet tal-persuna umana, kif ukoll tal-qies tal-grazzja li Alla bi Kristu jagħti lill-bnedmin li hu mistieden jilqa’ l-fidi minn rajh u jistqarrha.

 

GĦELUQ               

Il-libertà reliġjuża għandha tkun garantita u rispettata kullimkien

 

15.  Kulħadd jaf għalhekk li l-bnedmin ta’ żmienna jixtiequ li jkunu jistgħu bil-libertà jistqarru r-reliġjon fil-ħajja privata u pubblika: anzi l-libertà reliġjuża bħala dritt ċivili ġa jistqarruha l-kotra tal-Kostituzzjonijiet u jagħrfuha solennement id-dokumenti internazzjonali[38].

Iżda għad fadal sistemi ta’ gvern fejn, għalkemm fil-Kostituzzjoni tagħhom il-libertà tal-qima reliġjuża hi magħrufa, madankollu s-setgħat pubbliċi nfushom jippruvaw ibiegħdu ċ-ċittadini milli jistqarru r-reliġjon u jagħmlu l-ħajja għall-komunitajiet reliġjużi tassew iebsa u mwiegħra.

Dan il-Konċilju Mqaddes jilqa’ bil-ferħ dawk is-sinjali ta’ riżq ta’ dan iż-żmien, iżda jiddenunzja bi swied il-qalb il-fatti koroh li semmejna l-aħħar, anzi jħeġġeġ lill-Kattoliċi u jitlob bil-ħerqa lill-bnedmin kollha biex iqisu bl-ikbar reqqa kemm hi meħtieġa l-libertà reliġjuża l-aktar fil-qagħda li l-familja umana tinsab fiha.

Jidher ċar li l-ġnus kollha qed isiru dejjem ħaġa waħda, li l-bnedmin ta’ kultura u reliġjon differenti qed jintrabtu bejniethom b’rabtiet aktar sodi, u li fl-aħħarnett qed jikber is-sens ta’ responsabbiltà personali ta’ kull wieħed. Għalhekk, sabiex jitwaqqfu u jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ paċi u ftehim fost il-bnedmin, jeħtieġ li fid-dinja kollha l-libertà reliġjuża jkollha ħarsien effikaċi bil-liġi u jkunu rispettati l-aqwa dmirijiet u drittijiet tal-bnedmin li jgħixu bil-libertà l-ħajja reliġjuża fis-soċjetà.

Jalla l-Missier ta’ kulħadd jagħmel li l-familja tal-bnedmin iżżomm bir-reqqa l-prinċipju tal-libertà reliġjuża fis-soċjetà u hekk tasal bil-grazzja ta’ Kristu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu “fil-libertà ta’ sebħ ulied Alla” (Rum 8:21), libertà sublimi u bla tmiem.

Dan kollu u kulma deher f’din l-Istqarrija għoġob lill-Padri tal-Konċilju Mqaddes. U Aħna, bis-setgħa Appostolika mogħtija lilna minn Kristu, flimkien mal-Padri Meqjuma, fl-Ispirtu s-Santu dan napprovawh, niddekretawh u nwettquh. Nordnaw li d-deċiżjonijiet tas-Sinodu jkunu promulgati għall-glorja ta’ Alla.

Fil-Bażilika ta’ San Pietru, Ruma, nhar is-7 ta’ Diċembru 1965.

PAWLU, Isqof tal-Knisja Kattolika.

Il-Padri żiedu l-firma tagħhom.

Nota: Il-votazzjoni kienet hekk: 2,308 favur; 79 kontra

 

Ħajr lill-Ms Roberta Tonna tax-xogħol tat-typing.

 


* NOTA: It-test bil-Latin jidher fl-Osservatore Romano tal-11 ta’ Diċembru 1965; it-titoli tal-

paragrafi żidnihom aħna għall-kumdità tal-qarrej – (EDITUR)

[1] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: AAS 55. 1963, p.279; ibid. p.265;

Piju XII, Radio Messaġġ, 24 ta’ Diċ 1944: AAS 37,1945, p.14

[2] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: ASS 55. 1963, pp.260-261; Piju

XII Radio Messaġġ, 24 ta’ Diċembru 1942, Aas 35, 1943, p.19; Piju XI, Enċiklika “Mit

brennender Sorge”, 14 ta’ Marzu 1937: AAS 29, 1937, p.160; Ljun XIII, Enċiklika “Libertas

praestantissimum”, 20 ta’ Ġunju 1888: Acta Leonis XIII 8, 1888, pp.237-238

[3] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: AAS 55. 1963, p.270; Pawlu VI,

Radio Meassaġġ, 22 ta’ Diċembru 1964: AAS 57, 1965, pp.181-182

[4] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Mater et Magistra”, 15 ta’ Mejju 1961: AAS 53, 1961 p.417; id.,

Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963; AAS 55, 1963, p.273

[5] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: AAS 55, 1963 p.273-274; Piju XII

Radio Messaġġ, 1 ta’ Ġunju 1941: AAS 33, 1941, p.200

[6] Cf. Ljun XII, Enċiklika “Immortale Dei”, 1 ta’ Novembru 1885: ASS 18, 1885, p.161

[7] Cf. Lactantius, Divinarum Institutionum. Kt. V.19: CSEL 19, pp.463-464,465; PL 6, 614 & 616

(ch.20); S.Ambroġ, Epistola ad Valentianum Imperatorem, Ittra 21: PL 16,1065; Santu Wistin

Contra Litteras Petiliani,Ktieb II, Kap 83: CSEL 52, p.112; PL 43, 315; cf C.23, q.5, c.33

(Friedberg ed., kol. 939) ; id., Ittra 23: PL 33,98; id., Ittra 34; PL 33,132; id., Ittra 35; PL 35; PL

33, 153; San Girgor il-Kbir, Epistola ad Virgilium et Theodorum Episcopos Massiliae Galliarum,

Registrum Epistolarum I, 45: MGH Ittra I, p.72; PL 77, 501-511 (Ktieb I, Ittra 47); id., Epistola ad

Johannem Episcopum Costantinopoliatnum, Registrum Epistolarum III, 52): MGH  Ittra I, 210;

PL 77, 649 (Ktieb III, Ittra 53); cf. D. 45, c.I (Freidberg ed., kol.160); IV Konċilju ta’Toledo, c.57:

Mansi 10, 633; cf. D.45, c.5 (Freidberg ed., kol. 161-162); Klement III: X.,V, 6, 9,: Freidberg ed.,

kol.774; Innoċenz III, Epistola ad Arelatensem Archiepiscopum, X., III, 42, 3: Freidberg ed., kol.

646

[8] Cf. Codex Juris Canonici, c.1351; Piju XII, Diskors lill-Prelati, awdituri w uffiċjali tat-Tribunal Tas-

Sagra Romana Rota, 6 ta’ Ottubru 1946; AAS 38,1946, p.394; id., Enċiklika “Mystici Corporis”,

29 ta’ Ġunju 1943: AAS 35, 1943, p.243

[9] Cf. Efesin 1:5

[10] Cf. Ġwann 6:44

[11] Cf. Ġwann 13:13

[12] Cf. Matt. 11:29

[13] Cf. Matt. 11:28-30; Ġwann 6: 67-68

[14] Cf. Matt. 9: 28-29; Mark 9: 23-24; 6:5-6; Pawlu VI, Enċiklika “Ecclesiam Suam”, 6 t’Awwissu 1964: AAS

36, 1964, pp. 642-643

[15] Cf. Matt. 11:20-24; Rum 12:19-20; 2 Tess 1:8

[16] Cf. Matt.13:39 & 40-42

[17] Cf. Matt. 4:8-10; Ġwann 6:15

[18] Cf. Isaija 42: 1-4

[19] Cf. Ġwanni 18:37

[20] Cf. Matt. 26:51-53: Ġwanni 18:36

[21] Cf. Ġwanni 12:32

[22] Cf. 1 Kor 2: 3-5; 1 Tess 2:3-5

[23] Cf. Rum 14:1-23; 1 Kor 8:9-12; 10:23-33

[24] Cf. Efesin 6:19-20

[25] Cf. Rum. 1:16

[26] Cf. 2 Kor. 10:4; 1 Tess 5:8-9

[27] Cf. Efesin 6:11-17

[28] Cf. 2 Kor 10:3-5

[29] Cf. 1 Pietru 2:13-17

[30] Cf. Atti 4:19-20

[31] Cf. Iljun XIII, Ittra “Officio Sanctissimo”, 22 ta’ Diċembru 1887; ASS 20, 1887, p.269; id. Ittra “ex Litteris”, 7

t’April 1887: ASS 19,1886, p.465

[32] Cf. Mark 16:15; Mattew 28:18-20; Piju XII, Enċiklika “Summi Pontificatus”, 20 ta’ Ottubru 1939: AAS

31,1939, pp.445-446

[33] Cf. Piju XI, Ittra “Firmissimam Constantiam”, 28 ta’ Marzu 1937: AAS 29, 1937, p.196

[34] Cf. Piju XII, Diskors “Ci Riesce”, 6 ta’ Diċembru 1953: AAS 45, 1953, p.802

[35] Cf. Piju XII, Radio Messaġġ, 23 ta’ Marzu 1952: AAS 44, 1952, pp.270-278

[36] Cf. Atti 4:29

[37] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: AAS 55, 1963, pp.299-300

[38] Cf. Ġwanni XXIII, Enċiklika “Pacem in Terris”, 11 t’April 1963: AAS 55, 1963, pp.295-296

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web