Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 25, 2012 in Uncategorized |

Dei Verbum

Dei Verbum

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

KOSTITUZZJONI DOMMATIKA DWAR

IR-RIVELAZZJONI DIVINA

“DEI VERBUM’’

Konċilju Vatikan II

18 ta’ Novembru 1965

Daħla

1.       Il-Konċilju Mqaddes, filwaqt li jisma’ bil-qima l-kelma ta’ Alla u jipproklamaha b’fiduċja , jimxi fuq il-kliem ta’ San Ġwann li jgħid:  “Qegħdin inxandrulkom  il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna , u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu’’ (1 Ġw 1, 2-3). Għalhekk, filwaqt li jimxi fuq il-passi tal-Konċilju ta’ Trentu u tal-Vatikan I, fi ħsiebu juri t-tagħlim ġenwin dwar ir-rivelazzjoni divina u kif għaddiet fiż-żmien, biex bl-aħbar tas-salvazzjoni d-dinja kollha, meta tisma’ temmen, meta temmen tittama u meta tittama tħobb.¹

 

Kap I

 

IR-RIVELAZZJONI

 

Natura u oġġett tar-rivelazzjoni

2.       Fit-tjieba u l-għerf tiegħu Alla għoġbu jirrivela lilu nnifsu u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (cf. Ef 1,9) li bih il-bnedmin, permezz ta’ Kristu, il-Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu s-Santu jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta’ Alla (cf. Ef 2, 18; 2 Pt 1,4). U sewwasew b’din ir-rivelzzjoni Alla li ma jidhirx (cf.  Koħ 1,15; 1 Tim 1,17) fl-imħabba kbira  tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb (cf. Eż 33,11; Ġw 15, 14-15) u jgħix magħhom (cf. Bar 3,38) biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu. Dan il-pjan tar-rivelazzjoni jsir bi ġrajjiet u kliem magħqudin sewwa flimkien, b’mod li l-ħidmiet li Alla għamel fl-istorja tas-salvazzjoni  juru u jsaħħu t-tagħlim u l-ħwejjeġ imfissra mill-kliem, u l-kliem ifisser l-opri u jiċċara l-misteru moħbi fihom. Il-verità profonda mbagħad, fuq Alla u fuq is-salvazzjoni tal-bnedmin, b’din ir-rivelazzjoni kollha kemm hi.²

 

Tħejjija tar-rivelazzjoni evanġelika

3.   Alla li jaħlaq u jżomm il-ħwejjeġ kollha permezz tal-Verb (cf. Ġw 1,3) jagħti lill-bnedmin fil-ħwejjeġ maħluqa xhieda li ma tiqafx tiegħu nnifsu (cf. Rum 1, 19-20); u barra minn dan, billi ried jiftaħ it-triq tas-salvazzjoni tas-sema, sa mill-bidu għarraf lilu nnifsu lill-ewwel  missier u omm. Wara l-waqgħa tagħhom, bil-wegħda tal-fidwa, refagħhom mill-ġdid fit-tama tas-salvazzjoni (cf. Ġen 3,15) u baqa’ l-ħin kollu jieħu ħsieb tal-bnedmin biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li jfittxu s-salvazzjoni  billi jżommu sħiħ fl-għemil  it-tajjeb (cf. Rum 2,6-7). Fiż-żmien magħżul minnu sejjaħ lil Abraham biex jagħmel minnu poplu kbir (cf. Ġen 12,2-3); wara l-patrijarki, Alla qajjem lil Mosè u l-profeti biex permezz tagħhom il-poplu jitgħallem jagħraf lilu bħala Alla waħdieni, ħaj u veru, Missier ħanin u mħallef ta’ ħaqq, u jibqa’ jistenna s-Salvatur imwiegħed. Hekk ħejja matul is-sekli  t-triq għall-Evanġelju.

 

Ġesù jtemm ir-rivelzzjoni

4.      Wara li Alla ħafna drabi u b’ħafna manjieri tkellem permezz tal-profeti, “f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu’’ (Lhud 1, 1-2). Għaliex huwa bagħat  ‘l  Ibnu, jiġifieri l-Verb etern, li jdawwal il-bnedmin kollha, biex jgħammar  fost  il-bnedmin u jgħarrfilhom il-misteri l-aktar profondi  kollha, biex jgħammar  fost  il-bnedmin u għarrfilhom il-misteri l-aktar profondi ta’ Alla (Ġw 1, 1-18). Għalhekk Ġesù Kristu,  l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, mibgħut bħala “bniedem  lill-bnedmin’’,³ jitkellem il-kliem ta’ Alla (Ġw 3,34) u jwassal sat-tmiem l-opra tas-salvazzjoni li fdalu l-Missier (cf. Ġw 5,36; 17,4). Għalhekk hu, li min jara lilu jara lill-Missier (cf. Ġw 14,9), bil-għemil, bis-sinjali u bil-mirakli, u l-aktar bil-mewt u bil-qawmien  glorjuż  tiegħu  mill-imwiet, u fl-aħħarnett billi bagħat l-Ispirtu tal-verità, ikompli u jikkompleta r-rivelazzjoni u jsaħħaħha bix-xhieda ta’ Alla,  jiġifieri li Alla hu magħna biex jeħlisna mid-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt u jqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem.

Dak li ġara fl-inkarnazzjoni ta’ Kristu skond il-Pjan ta’ Alla, in kwantu hu alleanza ġdida u definittiva,  ma  jgħaddi qatt iżjed, u ma għandna nistennew l-ebda rivelazzjoni  pubblika oħra qabel  id-dehra glorjuża ta’ Sidna Ġesù Kristu (cf. 1 Tim 6,14; Tit 2,13).

 

Għandna nilqgħu r-rivelzzjoni b’fidi

 5.   Lil Alla li jirrivela ruħu għandna nagħtu l-ubbidjenza tal-fidi (cf. Rum 16,26; cf. Rum 1,5;  2 Kor 10,5-6) li biha  l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla billi  ” lil Alla li jirrevela ruħu jagħtih,  għax irid, il-qima kollha ta’ l-intellett u tar-rieda ‘’ ⁴ u  jilqa’ bil-qalb ir-rivelazzjoni  mogħtija minnu.  Biex wieħed  jista’ joffri (‘l Alla) din il-fidi, jeħtieġ il-grazzja ta’ Alla li taħdem fih minn qabel u li tgħinu;  jeħtieġ  l-għajnuniet  interjuri ta’ l-Ispirtu s-Santu li jċaqlaq il-qalb u jdawwarha lejn Alla, jiftaħ għajnejn  l-intelliġenza u jagħti lil “kulħadd il-ħlewwa li tiġi meta nilqgħu u nemmnu l-verità.’’⁵Biex imbagħad nifhmu aktar profondament ir-rivelazzjoni,  l-istess Spirtu s-Santu jipperfezzjona bla heda l-fidi permezz  tad-doni  tiegħu.

 

Il-veritajiet rivelati

 6.           Bir-rivelazzjoni Alla ried juri u jikkomunika  lilu nnifsu u d-digrieti eterni tar-rieda tiegħu dwar is-salvazzjoni  tal-bnedmin;  ”jiġifieri  biex jagħtihom sehem tal-ġid divin li jisboq għal kollox il-fehma ta’ l-intelliġenza tal-bniedem.’’⁶

Il-Konċilju  Mqaddes  jistqarr  li “Alla,  prinċipju u tmiem tal-ħwejjeġ kollha, jista’ jingħaraf b’ċertezza   mill-ħwejjeġ  maħluqa  bid-dawl  naturali tar-raġuni tal-bniedem’’ (cf. Rum 1,20); u jgħallem ukoll li hu permezz  tar-rivelazzjoni li “fil-ħwejjeġ ta’ Alla, kulħadd jista’, ukoll fil-kondizzjonijiet ta’ ġens il-bnedmin kif inhu issa,  jagħraf bil-ħeffa, b’ċertezza sħiħa u mingħajr taħwid ta’ żbalji, dak kollu li r-raġuni  tal-bniedem  tista’ tifhem.’’⁷

 

¹ Cf. S. Wistin. De catechizandis rudlibus, c IV, 8; Pt. 40,316

² Cf. Mt 11,27;  Ġw 1, 14,17; 14,6; 17,1-3; 2 Kor 3,16 u 4,6; Ef 1,3-14.

³ Epist. Ad Diognetum, c VII 4; FUNK, Patres Apostolici, 1, p.403.

⁴ VAT. 1. KD dwar il-fidi kattolika, kap 3 dwar il-fidi; DENZ. 1789 (3008).

⁵ Konċ ta’ Orange II, kan.7; DENZ. 180 (377); VAT. 1, 1e; DENZ. 1791 (3010).

⁶ VAT 1 KD dwar il-fidi kattolika, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni; DENZ. 1786 (3005).

⁷Ibid: DENZ 1785 u 1786 (3004 u 3005).

 

KAP II

 

IT-TRASMIZZJONI TAR-RIVELAZZJONI DIVINA

 

 7.                    Alla, b’tjieba l-aktar kbira, iddispona biex dak kollu li huwa kien irrivela għas-salvazzjoni   tal-ġnus kollha jibqa’ dejjem sħiħ u jitwassal minn nisel  għal nisel. Għalhekk Kristu l-Mulej, li fih tintemm ir-rivelazzjoni  kollha  tal-kbir Alla (cf. 2 Kor 1,30; 3,14-46), ordna lill-Appostli li jippridkaw lil kulħadd l-evanġelju  bħala  l-għajn ta’ kull verità li issalva u ta’ kull regola morali¹ u b’hekk  iqassmu d-doni  ta’ Alla. Dan l-Evanġelju  kien  qabel  imwiegħed mill-profeti u wara ntemm u xxandar minn Kristu nnifsu. L-Appostli  temmew  bil-fedeltà  l-kmand  ta’  Kristu.  Bix-xandir  tal-fomm, bl-eżempju u bl-istituzzjonijiet huma  għaddew  kemm  dak  li  kienu  rċevew  minn fomm Kristu, mill-ħajja li għaddew miegħu u minn dak li kien  għamel, kemm dak li kienu tgħallmu mill-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-kmand ta’ Kristu ntemm  ukoll  minn dawk l-Appostli u n-nies ta’ madwarhom li, bl-ispirazzjoni ta’ l-istess Spirtu s-Santu, xandru bil-kitba l-aħbar tas-salvazzjoni.²

L’Appostli, mbagħad, biex  l-Evanġelju  jinżamm dejjem  sħiħ  u ħaj fil-Knisja, ħallew bħala suċċessuri  tagħhom, ‘l Isqfijiet “billi fdawlhom il-post  ta’ għalliema“. ³ Din it-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Kitba  Mqaddsa  taż-żewġ  Testmenti  huma  bħal mera li fiha l-Knisja li għadha miexja fuq l-art tikkontempla ‘l Alla li minnu tirċievi kollox sakemm tasal biex tarah wiċċ imbwiċċ kif inhu (cf. 1 Ġw 3,2).

 

It-Tradizzjoni  Mqaddsa

8.            Għalhekk il-predikazzjoni ta’ l-Appostli, li b’mod speċjali  hi mfissra fil-kotba ispirati, kellha tibqa’ mħarsa b’suċċessjoni li ma taqta’ qatt sa l-aħħar tad-dinja. L-Appostli għalhekk, filwaqt li għaddew dak li huma kienu rċevew, iwissu ‘l-insara biex iżommu  t-tradizzjonijiet  li kienu  tgħallmu sew bil-kelma sew bil-kitba (cf. 2 Tes 2,15), u biex jissieltu għal dik il fidi li ngħatatilhom darba għal dejjem

(cf. Ġuda 3).⁴  Dak imbagħad li għaddew l-Appostli  jiġbor  fih kull ma jservi  għall-ħajja qaddisa tal-Poplu ta’ Alla u għat-tkattir  tal-fidi. Hekk il-Knisja,  fit-tagħlim,  il-ħajja  u l-kult  tagħha,  iżżomm dejjem ħaj dak kollu li hija  hi u dak kollu li hija temmen u tgħaddih  lill-ġenerazzjonijiet  kollha.

Din it-tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu; infatti  sew  il-ħwejjeġ  sew  il-kliem  li  t-tradizzjoni  tgħallem  jinftiehmu  aħjar  b’diversi  modi;  bir-riflessjoni  u  l-istudju  ta’  l-insara  li  jimmeditaw  f’qalbhom  fuqhom (cf. Lq 2,19.51); bil-fehma profonda  li  l-insara  jakkwistaw  tal-ħwejjeġ  spiritwali  bil-predikazzjoni  ta’  dawk  li flimkien mas-suċċessjoni  ta’ l-Isqfijiet  irċevew  id-don  ċert  tal-verità  divina sakemm  il-kliem ta’ Alla jintemm għal kollox  fiha.

Il-kliem tas-Santi  Padri  jagħti  xhieda  tal-preżenza  li tagħti l-ħajja ta’ din it-tradizzjoni,  li t-teżori  tagħha  huma  msawwbin,  fil-prattika  u  fil-ħajja  tal-Knisja  li temmen u titlob. Hija l-istess tradizzjoni  li tgħarraf  lill-Knisja  l-kanoni  sħiħ  tal-Kotba  Mqaddsa;  huwa  fit-Tradizzjoni  li l-Knisja tfiehem  aħjar  u  tħaddem  il-ħin kollu l-istess Kotba Mqaddsa; hekk Alla li tkellem fl-imgħoddi, ma jiqafx jitkellem ma’ l-Għarusa ta’ l-Iben maħbub tiegħu. Hekk l-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu l-leħen ħaj ta’ l-Evanġelju  jinstama’  fil-Knisja, u permezz  tagħha  fid-dinja,  iwassal lil dawk li jemmnu  għall-verità sħiħa u jagħmel  li l-kelma ta’ Kristu tgħammar  fihom  fl-għana kollu tagħha (cf. Kol 3,16).

 

Relazzjoni bejn it-Tradizzjoni u l-Iskrittura Mqaddsa

9.  Għalhekk it-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa huma mqagħqudin sewwa bejniethom u għandhom x’jaqsmu sfieq ma’ xulxin.  Għaliex it-tnejn ġejjin mill-istess  nixxiegħa  divina u b’xi  mod  jagħmlu  ħaġa waħda u jimxu lejn l-istess skop. Infatti l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla inkwantu miktuba bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu ta’ Alla; it-Tradizzjoni Mqaddsa twassal sħiħa l-kelma ta’ Alla, fdata minn Kristu Mulej u mill-Ispirtu Santu lill-Appostli, fis-suċċessuri  tagħhom, biex, mdawwlin mill-Ispirtu tal-verità  bil-predikazzjoni  tagħhom  iżommuha bil-fedeltà ifissruha u jxerrduha. Hekk jiġri li l-Knisja tikseb iċ-ċertezza fuq il-ħwejjeġ  kollha  rivelati mhux mill-Iskrittura biss. Għalhekk il-waħda u l-oħra  għandhom  jintlaqgħu bl-istess  sentiment  ta’ tjieba u qima.⁶

 

Relazzjoni tat-Tradizzjoni u ta’ l-Iskrittura Mqaddsa

 

Mal-Knisja kollha u mal-Maġisteru

10.  It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-iskrittura Mqaddsa jagħmlu depożitu sagru wieħed tal-kelma ta’ Alla fdat lill-Knisja. Meta l-poplu qaddis kollu, magħqud mar-Rgħajja tiegħu, ikun fidil lejh, huwa jżomm  sħiħ bla ma jaqta’ fit-tagħlim ta’ l-Appostli, fl-għaqda ta’ l-aħwa,  fil-ksir tal-ħobż u fit-talb (cf. Atti 2,42 gr). Hekk  Isqfijiet  u fidili jkunu qegħdin isaħħu l-għaqda spiritwali tagħhom meta  jżommu,  iwettqu u jistqarru l-fidi li rċevew.⁷

Id-dmir  imbagħad  li jinterpreta  awtentikament  il-kelma  ta’ Alla miktuba  jew imwassla mit-tradizzjoni⁸ hu fdat biss lill-Maġisteru ħaj tal-Knisja⁹ illi jeżerċita l-awtorità tiegħu f’isem Ġesù Kristu. Dan il-Maġisteru  iżda m’huwiex  aqwa mill-kelma ta’ Alla, imma jaqdiha billi jgħallem biss dak li ngħadda inkwantu,  bil-kmand ta’ Alla u bl-għajnuna  ta’ l-Ispirtu s-Santu,  jisimgħu bit-tjieba, iżommu bil-qdusija u jfissru  bil-fedeltà.  U minn dan id-depożitu waħdieni  tal-fidi  l-Maġisteru  joħroġ  dak  kollu li jipproponi biex  ikun  emmnut  bħala rivelat minn Alla.

⁸⁸⁸           Hi  ħaġa ċara għalhekk  li t-Tradizzjoni Mqaddsa, l-Iskrittura Mqaddsa u l-Maġisteru tal-Knisja, b’dispożizzjoni  l-aktar  għarfa  ta’ Alla,  huma hekk marbutin u magħqudin flimkien li ma jistgħux jeżistu indipendentement,  u  t-tlieta flimkien, taħt  il-ħidma ta’ Spirtu Qaddis wieħed, iservu  effikaċement għas-salvazzjoni  ta’  l-erwieħ.

 

 

¹ Cf. Mt 28, 19-20 u Mk 16,25; TRENTU, Sess, IV Digr. Dwar il-Kotba Kanoniċi; DENŻ 783 (1501).

² Cf. TRENTU, Ic; VAT. i. Sess III, KD dwar il-fidi Kattolika, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni: DENZ 1787 (3005).

³ S. IRINEW, Adv.haer, III 3,i: PG 7,848; HARVEY. 2, Ġ.9.

⁴ Cf. Konċ. Ta’ Niċċa II: DENZ 303 (602). Konċ ta’ Kostanza IV Sess. X. Kan. I; DENZ  336 (650-652).

⁵ Cf. VAT. 1, KD dwar il-fidi kattolika, kap 4 dwar il-fidi u r-raġuni DENZ. 1800 (3020).

⁶ Cf. TRENTU, Sess IV, i.c: DENZ. 783 (1501).

⁷ Cf. PIJU XII, KA Manifcentissimus Deus. I Nov 1950; AAS 42 91950) p 756; mill-kitbiet miġbura ta’ S.      Ċiprijanu, Ittra 66.8; HARTEL iii p.753; “Il-Knisja (hija) poplu f’għaqda mas-saċerdot u merħla f’rabta mar-ragħaj.’’

⁸ Cf. VAT. I KD dwar il-fidi kattolika, kap 3 dwar il-fidi. DENZ 1792 (3011).

⁹ Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Awi 1950; Aas 42 (1950), pp 568-569: DENZ. 2314 (3886).

 

Kap III

 

L-ISPIRAZZJONI DIVINA U

L-INTERPRETAZZJONI TA’ L-ISKRITTURA MQADDSA

 

Ispirazzjoni u verità  fl-Iskrittura Mqaddsa

11. Il-veritajiet  rivelati minn Alla, li huma miġburin u mfissrin fil-kotba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, nkitbu  bl-ispirazzjoni  ta’  l-Ispirtu  s-Santu. Ommna  l-Knisja  Mqaddsa, b’fidi ġejja  mill-appostli,  iżżomm  bħala sagri u kanoniċi  l-kotba  kollha  sħaħ  sew  tat-Testment  il-Qadim  sew  tat-Testment  il-Ġdid,  bil-partijiet  kollha tagħhom,  għaliex, miktubin bl-ispirazzjoni  ta’ l-Ispirtu s-Santu (cf. Ġw 20,31; 2 Tim 3, 16; 2 Pt 1, 19-21; 3, 15-16), għandhom ‘l Alla bħala awtur u bħala tali kienu mogħtija lill-Knisja.¹ Biex  jinkitbu  l-Kotba  Mqadddsa  Alla għażel xi bnedmin u nqeda bihom waqt li ħalliehom jużaw il-fakultajiet  u  l-kapċitajiet  tagħhom;²  hekk, bil-ħidma  tiegħu fihom u permezz tagħhom,³ imma kitbu, ta’ veri awturi,  dawk  il-ħwejjeġ  kollha u dak biss li huwa ried li jinkitbu.⁴

Għalhekk, billi dak kollu li ntqal li l-awturi ispirati, jew aġjografi,  kitbu  għandna nżommuh bħala dak  li ntqal mill-Ispirtu s-Santu, hekk  ukoll,  bħala konsegwenza,  għandna  nemmnu  li l-kotba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’ċertezza,  b’fedeltà u mingħajr żbalji l-verità  li, għas-salvazzjoni tagħna. Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa.⁵ Għalhekk “l-Iskrittura  kollha  hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed  jgħallem,  iċanfar,  iwiddeb u jrawwem fis-sewwa , biex  hekk  il-bniedem  ta’ Alla jkun perfett, mħejji  għal kull ħidma tajba” (2 Tim 3,16-17 gr).

 

Kif għandha tkun interpretata l-Iskrittura Mqaddsa

12.          Billi Alla  fl-Iskrittura  Mqaddsa  tkellem  permezz  ta’ bnedmin u bi kliem il-bnedmin⁶ min  ifisser l-Iskrittura  Mqaddsa,  biex  jifhem  sewwa dak li Alla ried jgħarrafna, għandu  jfittex  b’attenzjon i  x’fehmu  jfissru  l-kittieba  sagri u x’għoġbu  Alla  jgħarrafna  bi  kliemhom.

Biex  insibu  l-intenzjoni  tal-kittieba  sagri għandna nagħtu  kas ukoll, fost ħwejjeġ oħra,  tal-Forom  letterarji. Għaliex  il-verità  titqiegħed quddiemna u titfissrilna b’modi  differenti,  skond  jekk it-test  ikunx  ta’ storja  jew ta’ profezija  jew  xi  forma  poetika  jew  forom  oħra ta’ espressjoni.  Jeħtieġ mela  li  l-interpretu  jfittex  is-sens  li l-kittieb  sagru ried ifisser  f’ċirkustanzi  determinati,  skond il-kondizzjoni ta’ żmienu u tal-kultura tiegħu permezz tal-forom letterarji użati dak iż-żmien.⁷ Għaliex biex tifhem sewwa dak li l-kittieb sagru ried jgħid bil-kitba, għandna noqogħdu attenti sew għall-manjieri kif kienu soltu jifhmu jew ifissru rwieħhom jew jirrakkuntaw in-nies fiż-żmien tal-kittieb sagru sew għall-mod kif kienu jġibu ruħhom bejniethom il-bnedmin dak iż-żmien.⁸

Imma, billi l-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tkun interpretata bl-għajnuna ta’  l-istess  Spirtu li permezz tiegħu nkitbet,⁹ biex wieħed isib sewwa s-sens tat-testi mqaddsa għandu jħares, mhux b’anqas diliġenza, għal dak li hemm miġbur fl-Iskrittura kollha u għall-unità  tagħha, u jżomm ukoll kif jixraq quddiem għajnejh it-tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha u ta’ l-anoloġija tal-fidi. Huwa xogħol ta’ l-eseġeti li jagħtu sehemhom skond dawn ir-regoli biex is-sens preparatorji jista’ jimmatura ruħu l-ġudizzju tal-Knisja. Dak li ntqal s’issa fuq kif għandna ninterpretaw l-Iskrittura fl-aħħar huwa suġġett għall-ġudizzju tal-Knisja li taqdi d-dmir u l-ministeru tagħha ġej minn Alla li tħares u tinterpeta l-kelma ta’ Alla.¹⁰

 

Il-”kondixxendenza” ta’ għerf ta’ Alla.

13.        Mela fl-Iskrittura Mqaddsa, filwaqt li tibqa’ dejjem sħiħa l-verità u l- qdusija ta’ Alla, jidher kemm hi ta’ l-għaġeb il-”kondixxendenza” ta’ għerf etern ““aħna nistgħu naraw it-tjieba ta’ Alla li l-kliem ma jistax ifisser u kemm huwa jaħseb u jipprovdi għan-natura tagħna l-bnedmin li jasal biex idaqqas il-kelma tiegħu”¹¹. Għaliex il-kliem ta’ Alla, mogġti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta’ bniedem, sar jixbah lill-bniedem.

 

 

 

¹ CT.VAT.1, KD dwar il-fidi kattolika.kap 2 dwar ir-rivelazzjoni :D ENZ 1787(3006), Kumm Bibblika, Digr.

   18 {un 1915 DENZ. 2180 (3629): EB 420; Sagra Kongr. Tas-Sant’Uffizzju. I 22 Diċ 1923: EB 499.

²CT. PIJU XII. IE Divina afflante, 30 Set 1943: AAS 35 (1943), p.314 EB 556.

³Fil-bniedem u permess tal-bniedem, cf. Lhud 1,1 u 4.7 (fil-bniedem). 2 Sam 23.2; Mt 1,22 u passim        (permezz tal-bniedem); VAT I: Skema dwar it-tagħlim kattoliku, nota 9; Coll. Lac. VII. 522.

⁴LJUN XIII, IE Providentissimus Deus, 18 Nov 1893: DENZ. 1952 (3293); EB 125.

⁵Cf.S.WISTIN, Gen ad litt. 2.9.20: PL 34,270-271:1.82.3:PL 33,277:CSEL 34,2,p.354 – S. TUMAS.

De Ver., q.12.a.2C – TRENTU. Sess. IV. Dwar il-Kotba Kanoniċi DENZ. 783 (1501) – LJUN XIII.

IE Providentissimus: EB 121,124.126-127 – PIJU XII. IE Divina afflante. EB 539.

⁶S.WISTIN. De Civ. Dei. XVII,6.2:PL 41,537: CSEL. XL., 2,228.

⁷S.WISTIN, De Doctr. Christ., III. 18,26; PL 34,75-76.

⁸ PIJU XII. 1c: DENZ. 2294 (3829-3830); EB 557-561.

⁹CT.BENEDITTU XV. Ie Spiritus Paraclitus, 15 Set 1920; EB 469 – S. GIROLMU, In Gal. 5,19-21: PL 26,417A.

¹⁰ CT>VAT> I>KD dwar il-fidi kattolika, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni DENZ 1788 (3007).

¹¹ S.ĠANNK RIŻOSTOMU. In. Ġen. 3,8(hom. 17,1): PG 53.134. “Attemperatio”, bil-Grieg synkatàbasis.

 

 

 

 

KAP IV

IT-TESTMENT IL-QADIMl

L-istorja tas-salvazzjoni fil-Kotba tat-Testment il-Qadim

Alla, meta fl-imħabba kbira tiegħu ħaseb u ħejja s-salvazzjoni tal-bnedmin, bi ħsieb speċjali għażel poplu biex jafdalu l-wegħdiet. Għaliex bil-patt ma; Abraham (cf. Ġen 15, 18) u mal-poplu ta’ Iżrael permezz ta’ Mosè (cf. Eż 24,8) huwa rrivela lilu nnifsu, bi kliem u għemil, lill-poplu li kien kiseb għalih, irrivela lilu nnifsu bħala l-uniku Alla ħaj u veru, b’tali mod li Iżrael għaraf liema kienu t-triqat ta’ Alla mal-bnedmin. U hekk, billi Alla kien jitkellem bil-fomm tal-profeti, Iżrael fehemhom aktar fil-fond u aktar ċar u għarrafhom aktar fil-wisa’ lill-ġnus (cf. SS 21,28-29; 95,13; Is 2,1-4; Ġer 3,17). L-ekonomija tas-salvazzjoni, mħabbra, irrakkuntata u mfissra mill-kittieba sagri, tinsab bħala vera kelma ta’ Alla fil-kitba tat-Testment il-Qadim; għalhekk dawk il-Kotba, ispirati minn Alla, jibqgħu jiswew  għal dejjem. “Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama” (Rum 15,4).

 

Importanza tat-Testment il-Qadim għall-Insara

15. L-ekonomija tat-Testment il-Qadim kienet fuq kollox maħsuba biex tħejji l-miġja ta’ Kristu Feddej tad-dinja kollha tiegħu tas-Saltna Messjaika, tħabbarhom profetikament (cf. Lq 24,44’ Ġw 5,39; 1 Pt 1, 10) u tfissirhom b’diversi tipi (cf. Ċ Kor 10,11). Il-kotba tat-Testment il-Qadim, skond il-kondizzjoni tal-ġens tal-bnedmin qabel iż-żminijiet tas-salvazzjoni nwettqa minn Kristu, jgħinu biex kulħadd jagħraf ‘l Alla u jifhem il-bniedem u l-mod li bih Alla, ġust u ħanin, iġib ruħu mal-bnedmin. U dawn il-kotba, għad li għandhom ukoll ħwejjeġ imperfetti u li jgħoddu għal ftit żmien, b’danakollu juru tassew il-pedagoġija ta’ Alla.¹. Għalhekk l-insara għandhom jilqgħu b’devozzjoni dawn il-kotba, li juru sens ħaj ta’ Alla; fihom jinsab tagħlim għoli fuq Alla, għerf ta’ saħħa għall ħajja tal-bniedem u teżori ta’ l-għaġeb ta’ talb; fihom, fl-aħħarnett, hu moħbi l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.

 

Għaqda bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid

16. Alla, mela, li ispira l-kotba taż-żewġ Testmenti u li hu l-awtur tagħhom, iddispona b’għerf li t-Testment il-Ġdid ikun moħbi fil-Qadim, u li l-Qadim isir magħruf fil-Ġdid.² Għaliex, ukoll jekk Kristu waqqaf il-Patt il-Ġdid bid-demm tiegħu (cf. Lq 22,20; 1 Kor. 11,25), b’danakollu l-kotba tat-Testment il-Qadim, meħudin sħaħ fil-predikazzjoni ta’ l-Evanġelju,³ jiksbu t-tifsira sħiħa tagħhom u juruha fit-Testment il-Ġdid (cf. Mt 5,17; Lq 24,27; Rum 16,25-26; 2 Kor 3, 14-16) li, min-naħa tagħhom, huma jdawwlu u jfissru.

 

 

¹ PIJU XI. IE Mit brennender Sorge,  14 Mar 1937) p.151

² S. WISTIN Quaest. In Hept., 2.73: PL 3

³ S.IRENEW. Adv. Haer.. III.21.3; PG 7,950, (=25,1; HAEVEY 2.p.115). S.CIRILLU ta’Ġ{erusalemm.     

Catec, 4.35: PG 33,497, TEODORU ta’ Mopsuesitia, In Soph. 1,4-6 PG 66, 4521) – 453A

 

KAP V

 

IT-TESTMENT  IL-ĠDID

 

Il-kobor tat-Testment  il-Ġdid

17.          Il-Kelma ta’ Alla, li hi l-qawwa ta’ Alla, li hi l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ kull min jemmen (cf. Rum 1,16), tippreżenta ruħha u turi l-qawwa tagħha b’manjiera l-aktar għolja fil-kitba tat-Testment il-Ġdid. Infatti, meta waslet il-milja taż-żminijiet (cf. Gal 4,4). Il-Verb sar bniedem u għammar fostna mimli bil-grazzja u l-verità  (cf. Ġw 1,14). Kristu waqqaf is-Salltna ta’ Alla fuq l-art, irrivela bl-għemil u bil-kelma lil Missieru u lilu nnifsu, u temm il-ħidma tiegħu bil-mewt, bil-qawmien mill-mewt u bit-tlugħ glorjuż tiegħu fis-sema, u billi bagħat l-Ispirtu s-Santu. Merfugħ mill-art jiġbed lil kulħadd lejh (cf. Ġw 12,32, gr), hu li waħdu għandna l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (cf. Ġw 6,88). Imma dan il-misteru ma ntweriex lill-ġenerazzjonijiet l-oħra kif issa ntwera bil-Appostli qaddisin tiegħu u lill-Profeti fl-Ispirtu s-Santu (cf. Ef 3,46 gr) biex ixandru l-Evanġelju, iqajjmu l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u jgħaqqdu l-Knisja. Ta’ dan kollu l-kitba tat-Testment il-Ġdid hija xhieda divina għaż-żminijiet kollha.

 

Oriġini Appostolika ta’ l-Evanġelji

18.          Kulħadd jagħraf li fost il-kotba mqaddsa kollha, ukoll dawk tat-Testment il-Ġdid,   l-Evanġelji  jisbqu bir-raġun il-kotba l-oħra billi huma x-xhieda ewlenija tal-ħajja u t-tagħlim tal-Verb magħmul Bniedem, is-Salvatur tagħna.

Il-Knisja dejjem u kullimkien żammet u żżomm li l-erba’ Evanġelji ġejjin mill-Appostli. Infatti  dak li l-Appostli xandru bil-kmand ta’ Kristu, wara, bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, kien minnhom stess u minn nies ta’ madwarhom mgħoddi lilna bil-kitba bħala fundament tal-fidi, jiġifieri l-Evanġelisti li semmejna, f’erba’ forom, skond Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni.¹

 

L-evanġelji huma storiċi

19.          Ommna l-Knisja Mqaddsa żammet u żżomm bis-sħiħ u bla heda li l-erba’ Evanġelisti semmejna, li fuqhom tistqarr bla tlaqliq ta’ xejn li huma storiċi, jgħaddulna bil-fedeltà dak li Ġesù, l-Iben ta’ Alla, matul ħajtu fost il-bnedmin tassew għamel u għallem għas-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom sa dakinhar li tela’ s-sema (cf. Atti, 1-2). L-Appostli mbagħad, wara li l-Mulej tela’ s-sema, għaddew lil dawk li kienu jisimgħuhom dak li Huwa kien qal u għamel. Mgħallmin mill-ġrajjiet glorjużi ta’ Kristu u mdawwlin mill-Ispirtu tal-verità², dan għamluh b’dak l-għarfien iżjed sħiħ li huma b’hekk kienu kisbu.³U l-kittieba sagri kitbu l-erba’ Evanġelji billi għażlu xi ħwejjeġ fost il-ħafna li kienu mxandrin bil-kelma jew ukoll bil-kitba, billi għamlu sinteżi ta’ xi wħud minnhom jew billi fissruhom skond is-sitwazzjoni tal-Knejjes, waqt li żammu l-karattru ta’ predikazzjoni imma dejjem b’mod li jgħallmu fuq Ġesù bis-sinċerità  u l-verità.⁴ Għaliex huma, meta qagħdu jew fuq dak stess li huma kienu jiftakru, jew fuq ir-rikordji tagħhom, jew fuq ix-xhieda ta’ dawk li ”mill-bidu raw b’gaħjnejhom stess u saru ministri tal-kelma’’, kitbu bl-intenzjoni li jgħallmuna l-“verita” (cf. Lq 1,2-4) tal-kliem li fuqhom konna mgħallmin.

 

Il-kotba l-oħra tat-Testment il-Ġdid

20. Il-kanoni tat-Testment il-Ġdid, barra mill-erba’ Evanġelji għandu wkoll l-ittri ta’ San Pawl u kitbiet oħra ta’ l-Appostli miktubin bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Bihom, b’dispożizzjoni għarfa ta’ Alla, jissaħħaħ dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Kristu l-Mulej, jitfisser aħjar it-tagħlim awtentiku tiegħu, tixxandar il-qawwa ta’ salvazzjoni ta’ l-opra divina ta’ Kristu, jingħadu l-ġrajja tal-bidu tal-Knisja u t-tixrid ta’ l-għaġeb tagħha fid-dinja, u jitħabbar minn qabel it-twettiq glorjuż tagħha.

Paraklitu li kellu jwassalhom għall-milja tal-verità (cf. Ġw 16,13).

 

¹ Cf. S. IRENEW. Adv. Haer, III, 11,8: PG 7,885; ed. Sagnard p.194.

²Cf. Ġw. 14,26; 16,13

³Ġw 2,22; 12,16; cf. 14,26; 16.12-13; 7.39

⁴Cf. lIstruzzjoni Sancta Mater Ecclesia, maħruġa mill-Kumm. Bibblika Pontifiċja. AAS 56 (1964).p.715.

 

 

 

Kap VI

 

L-ISKRITTURA MQADDSA FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA

 

Qima tal-Knisja lejn l-Iskrittura Mqaddsa

21.   Il-Knisja dejjem tat-qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili. Flimkien mat-Tradizzjoni Mqaddsa, il-Knisja dejjem żammet u żżomm il-kotba mqaddsa bħala r-regola ewlenija tal-fidi tagħha; ispirati kif  inhuma minn Alla, huma miktuba darba għal dejjem, jgħallmu bla tibdil il-kelma ta’ Alla nnifsu u jsemmgħu fi kliem il-profeti u l-appostli l-leħen ta’ l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ mela li l-predikazzjoni kollha tal-Knisja, bħar-reliġjon nisranija nnifisha, tieħu l-ikel tagħha u tkun regolata mill-Iskrittura Mqaddsa. Għax fil-Kotba Mqaddsa l-Missier li hu fis-smewwiet jiltaqa’ b’imħabba kbira ma’ wliedu u jidħol f’konservazzjoni magħhom; fil-kelma ta’ Alla, mbagħad, jinsabu saħħa u qawwa hekk kbar li hija żżomm lill-Knisja u tagħtiha enerġija; u għall-ulied tal-Knisja hija qawwa tal-fidi, ikel tar-ruħ, għajn safja li ma tonqosx ta’ ħajja spiritwali. Għalhekk għandu jinftiehem fuq kollox għall-Iskrittura Mqaddsa dak li ntqal: “il-kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija”(Lhud 4,12), “ li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu”.(Atti 20.32, cf. 1 Tes 2,13).

 

It-traduzzjonijiet għandhom ikunu magħmulin tajjeb

22.          Jeħtieġ li l-insara jkunu jistgħu jersqu b’ħeffa lejn l-Iskrittura Mqaddsa. Għalhekk il-Knisja sa mill-bidu laqgħat bħala tagħha t-traduzzjoni Griega l-aktar qadima tat-Testment il-Qadim, msejjħa “tas-Sebgħin”u dejjem iżżomm fil-ġieħ il-verżjonijiet l-oħra orjentali u l-verżjonijiet bil-Latin, l-aktar dik li tissejjaħ il-Vulgata. Imma billi l-kelma ta’ Alla għandha tkun għal idejn kulħadd u f’kull żmien, il-Knisja tieħu ħsieb, b’ħerqa ta’ omm , li jsiru traduzzjonijiet  xierqa u tajbin fl-ilsna differenti, u l-aktar mit-testi oriġinali tal-Kotba Mqaddsa. U jekk dawn, fil-waqt  tajjeb u bil-kunsens ta’ l-awtorità tal-Knisja, isiru b’ħidma waħda flimkien ma’ l-aħwa mifrudin, jistgħu jintużaw mill-insara kollha.

 

Impenn appostoliku ta’ l-istudjużi

23.          L-Għarusa tal-Verb magħmul bniedem, il-Knisja, mgħallma mill-Ispirtu s-Santu, taħdem biex tasal ħalli tifhem dejjem aktar profondament l-Iskrittura Mqaddsa biex tkun tista’ tgħajjex bla heda ‘l uliedha bil-kliem ta’ Alla; għalhekk bir-raġun tinkoraġġixxi wkoll l-istudju tas-Santi Padri tal-Lvant u tal-Punent u tal-liturġiji sagri. Jeħtieġ li l-eseġeti kattoliċi u dawk li jistudjaw it-teoloġija mqaddsa, waqt li jaħdmu flimkien bil-ħerqa, ifittxu li taħt il-ħarsien tal-maġisteru sagru jistudjaw u jfissru bil-mezzi addattati l-kotba divini biex hekk għadd kemm jista’ jkun kbir ta’ ministri tal-kelma ta’ Alla jistgħu bi frott iressqu quddiem il-Poplu ta’ Alla l-ikel ta’ l-Iskrittura li jdawwal l-intelliġenza, isaħħaħ ir-rieda, jixgħel il-qlub tal-bnedmin bl-imħabba ta’ Alla.¹ Il-Konqilju  Mqaddes jinkoraġġixxi lil dawk l-ulied tal-Knisja li jħaddnu x-xjenzi li għandhom x’jaqsmu mal-Bibbja biex, b’enerġija dejjem ġdid, jipperseveraw fix-xogħol li qed jagħmlu daqshekk tajjeb b’kull studju u b’fedeltà lejn dak li tifhem il-Knisja.²

 

 

L-iskrittura, pedament  tat-teloġija u tal-predikazzjoni

24.    It-Teoloġija mqaddsa għandha bħala pedament tagħha għaż-żmien kollu l-kelma ta’ Alla miktuba u t-Tradizzjoni Mqaddsa; fuq dan il pedament hija tissaħħaħ b’qawwa u ssir iżjed żagħżugħa billi tfittex fid-dawl tal-fidi kull verità moħbija fil-misteru ta’ Kristu. L-Iskrittura Mqaddsa għandha l-kelma ta’ Alla u, għax hija ispirata, hija tassew kelma ta’ Alla; għalhekk  l-istudju tal-Kotba Mqaddsa għandu jkun bħar-ruħ tat-teloġija mqaddsa.³ Il-ministeru tal-kelma wkoll, jiġifieri l-predikazzjoni pastorali, il-katekiżmu u t-tagħlim nisrani kollu, li fih l-omilja liturġika għandu jkollha post priveleġġat, isib ikel tajjeb fil-kelma ta’ l-Iskrittura u jissaħħaħ biha fil-qdusija.

 

Kulħadd imħeġġeg jaqra l-Iskrittura Mqaddsa

25.    Għalhekk jeħtieġ li l-kjeriċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom keġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin ma’ l-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta’ spiss u ta’ studju tajjeb, li ma jsirx “predikatur fieragħ tal-kelma ta’ Alla minn barra, dak li jismagħhiex minn ġewwa”, ⁴filwaqt li għandu jqassam lill-insara fdati lilu l-ġid bla tarf tal-kelma ta’ Alla, l-aktar fil-Liturġija mqaddsa. Hekk ukoll il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ bil-qawwa u b’mod speċjali lir-reliġjużi biex jitgħallmu “il-qligħ kbir li hemm illi nagħraf lil Kristu Ġesù” (Fil 3,8) billi spiss jaqraw il-kotba mqaddsa. “Għax  min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu”,⁵ Jersqu għalhekk bil-qalb lejn il-Kotba Mqaddsa sew fil-Liturġija mqaddsa mogħnija bil-kelma ta’ Alla, sew permezz tal-qari devot, sew permezz ta’ inizjattivi addattati għal dan l-iskop jew għajnuniet oħra li, bl-approvazzjoni u bl-appoġġ ta’ l-Isqfijiet, qegħdin illum, b’mod ta’ min ifaħħru, joktru u jixterdu kullimkien. Imma għandhom jiftakru li l-qari hemm taħdita bejn Alla u l-bniedem; għax “meta nitolbu, aħna nitkellmu miegħu; meta naqraw il-kelma ta’ Alla, aħna nisimgħu lilu”.⁶

Huwa dmir ta’ l-Isqfijiet, ““għandhom f’idejhom it-tagħlim ta’ l-Appostli,”⁷ li jgħallmu meta jkun il-waqt lill-fidili fdati lilhom kif jużsw tajjeb il-kotba divini, l-aktar tat-Testment il-Ġdid u fl-ewwel post l-Evanġelji, bi traduzzjonijiet tat-testi sagri. Dawn għandhom ikunu mogħnija, b’mod suffiċjenti, bit-tifsir meħtieġ biex ulied il-Knisja jkunu jafu sewwa, mingħajr biża’ u bi profitt, l-Iskrittura Mqadds, u jimtlew bl-ispirtu tagħha.

Barra minn dan, għandhom jitlestew edizzjonijiet ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, mogħnija b’noti tajba, biex jistgħu jkunu użati wkoll minn dawk li m’humiex insara u addattati għall-kondizzjonijiet tagħhom. Kemm ir-Rgħajja ta’ l-erwieħ, kemm l-insara ta’ kull stat, għandhom ifittxu li jxerrduhom b’mod għaqli.

 

Tama tal-Knisja

26.          Hekk, mela, bil-qari u bl-istudju tal-Kotba Mqaddsa, jalla “il-kelma ta’ Alla tiġri u tissebbaħ”    (2 Tes 3,1) u t-teżor tar-rivelazzjoni, fdat lill-Knisja, jimla dejjem aktar il-qalb tal-       bnedmin. Kif mis-sehem ta’ sikwit fil-misteru ewkaristiku tikber il-ħajja tal-Knisja, hekk nistgħu nittamaw ħeġġa ġdida fil-ħajja spiritwali jekk tikber il-qima lejn il-kelma ta’ Alla li “tibqa’ għal dejjem”(cf.. Is 40,8; 1 Pt 1,23-25).

 

18 ta’ Novembru 1965                                                              Il-votazzjoni  fuq dan id-dokument  kienet hekk:

Iva 2344, Le 6 (Total 2350).

¹ Cf. PIJU XII IE Divino affiante, 30 Set 1943; EB 551,553,567).-Kumm Bibblika Pontifiċja, Instructio de S. Scrptura in Clericorum Seminartis et Religiosorum Collegus recte docenda, 13 Mej 1950 AAS 42 (193), pp.495-505.

²Cf. PIJU XII, Ibid.: EB 569.

³ Cf. LJUN XIII. IE Providentissimus Deus: EB 114, BENEDITTU XV. IE Spiritus Paraclitus: EB 483.

⁴S.WISTIN, Serm.179,1: PL 38,966.

⁵S.ĠIROLMU, Comm. Prol:  PL 24.17 – Cf. BENEDITTU XV.IE Spiritus Paraklitus : EB 475-480. PIJU XI . IE  Divino  Afflante: EB 544.

⁶S.AMBROĠ DE  officiis ministrorum 1, 20.SS PL 16-20.

⁷S.IRENEW. Adv. Haer. IV,32.3; PG 7,1071;  (=49,2) HARVEY, 2. P.255.

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web