Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 25, 2012 in Uncategorized |

Christus Dominus

Christus Dominus

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

ID-DIGRIET CHRISTUS DOMINUS

Tal- Konċilju Vatikan II Dwar id-dmirijiet Pastorali tal-Isqfijiet

 

Daħla:

1. Kristu l-Mulej, Iben t’Alla ħaj, li ġie biex isalva l-poplu tiegħu mid-dnubiet (1) u biex iqaddes il-bnedmin kollha, kif Huwa ġie mibgħut mill-Missier, hekk ukoll bagħat l-Appostli tiegħu (2) li huwa qaddes billi tahom l-Ispirtu Santu, sabiex huma wkoll jagħtu ġieħ lill-Missier fuq l-art u jsalvaw il-bnedmin ‘’għat-twaqqif tal-Ġisem ta’ Kristu’’ (Ef 4:12) li hija l-Knisja.

 

2. F’din il-Knisja ta’ Kristu, il-Papa, bħala suċċessur ta’ Pietru, li lilu Kristu mar jafda in-nagħaġ u l-ħrief tiegħu biex jirgħahom, huwa b’istituzzjoni divina, mlibbes b’setgħa fuqanija, sħiħa, immedjata u universali għall-ġid tal-erwieħ. Għalhekk, peress li huwa ġie mqiegħed ragħaj tal-wemmiena kollha, biex iġib il-quddiem il-ġid komuni tal-Knisja universali, kif ukoll il-ġid ta’ kull waħda mill-knejjes, għandu f’idejh is-setgħa suprema ordinarja fuq il-knejjes kollha.

Anke  l-Isqfijiet, mqegħdin mill-Ispirtu Santu, jiġu wara l-Appostli bħala ragħajja tal-erwieħ (3) u flimkien mal-Papa u taħt l-awtorità  tiegħu, għandhom il-missjoni li jkomplu għal dejjem il-ħidma ta’ Kristu, Ragħaj etern (4). Infatti Kristu ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom l-ordni u s-setgħa li jgħallmu l-ġnus kollha, li jqaddsu lil bnedmin fil-verità u li jiddiriġuhom (jirgħuhom). Għalhekk l-Isqfijiet bil-qawwa ta’ l-Ispirtu Santu li ġie mogħti lilhom, saru tabilħaqq imgħallmin tal-Fidi, Pontefiċi u rgħajja awtentiċi. (5)

 

3. L-Isqfijiet, filwaqt li għandhom sehem mill-premura għall-knejjes kollha, jwettqu l-uffiċċju episkopali tagħhom, li rċevew permezz tal-konsagrazzjoni tagħhom bħala Isqfijiet (6) f’għaqda mal-Papa u taħt l-awtorità tiegħu, f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tagħlim u mat-treġija pastorali, magħqudin kollha flimkien f’kulleġġ jew korp, quddiem il-knisja t’Alla.

Kull wieħed mill-Isqfijiet wettaq dan ministeru rigward dawk l-oqsma tal-merħla tal-Mulej, li ġew lilhom assenjati u hekk kull wieħed jieħu ħsieb il-knisja partikolari li ġiet afdata lilu. Xi drabi però, uħud mill-Isqfijiet jistgħu bi ftehim bejniethom, jirrimedjaw għal xi ħtiġijiet komuni għal diversi knejjes. Għaldaqstant dan l-Imqaddes Konċilju, wara li kkunsidra l-kondizzjonijiet tas-soċjetà umana, li fiż-żminijiet tagħna miexja lejn ordni ġdid (7) billi jrid jiddetermina b’reqqa akbar id-dmirijiet pastorali ta’ l-Isqfijet, jagħti dawn id-disposizzjonijiet li ġejjin.

 

 

 

 

KAPITLU I.

DWAR L-ISQFIJIET FIL-KNISJA UNIVERSALI

(1)                Fuq il-pożizzjoni tal-isqfijiet quddiem il-Knisja Universali

4. L-Isqfijiet bis-saħħa tal-konsagrazzjoni sagramentali tagħhom u f’għaqda ġerarkika mal-Kap u mal-membri tal-Kulleġġ huma kostwiti membri tal-Korp episkopali (1) ‘’L-ordni tal-Isqfijiet, li jisuċċiedi l-Kulleġġ tal-Appostli fit-tagħlim u fit-tmexxija pastorali, li fiha anzi jitkompla għal dejjem il-Korp Apostoliku flimkien mal-Kap tiegħu l-Papa u qatt mingħajr dan il-kap, hu wkoll suġġett ta’ setgħa suprema u sħiħa fuq il-Knisja kollha, għalkemm din is-setgħa ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ir-rieda tal-Papa.’’ (2) Din is-setgħa infatti ‘’tiġi eżerċitata b’mod solenni fil-Konċilju Ekumeniku’’ (3), u għalhekk dan l-Imqaddes Konċilju jiddikjara illi l-Isqfijiet kollha li jkunu membri tal-Kulleġġ Episkopali, għandhom id-dritt li jintervienu fil-Konċilju Ekumeniku.

‘’L-istess setgħa kolleġġjali flimkien mal Papa tista tiġi eżerċitata mill-Isqfijiet imxerrda mad-dinja kollha, sakemm il-Kap tal-Kulleġġ isejħilha għall-azzjoni kolleġġjali, jew almenu japprova jew jaċċetta minn rajh l-azzjoni magħquda tal-Isqfijiet imxerrdin, sabiex minnu jirriżulta veru att kolleġġjali.’’ (4).

 

5. Kollaborazzjoni iktar effikaċi lir-Ragħaj Suprem tal-Knisja, jistgħu jagħtuha, bil-modi diġà stabiliti jew li għad jiġu stabiliti mill-Papa, l-isqfijiet magħżula minn diversi naħħiet tad-dinja, mlaqqgħin f’kunsill imsejjaħ propjament ‘’Sinodu tal-Isqfijiet’’ (5) sinodi li fil-waqt li jirrapreżenta l-Episkopat kollu, juri li l-Isqfijiet kollha għandhom sehem f’għaqda ġerarkika mill-ħsieb tal-Knisja universali. (6)

 

6. L-Isqfijiet kemm bħala suċċessuri leġittimi tal-Appostli kif ukoll bħala membri tal-Kulleġġ Episkopali, jagħrfu jkunu dejjem magħqudin bejniethom u juru premura għall-knejjes kollha filwaqt li jaħsbu li b’dispożizzjoni divina u bi kmand tal-uffiċċju apostoliku kull wieħed minnhom, flimkien mal-Isqfijiet l-oħra huwa sa ċertu punt, responsabbli tal-Knisja. (7) B’mod partikulari jieħdu interess f’dawk il-partijiet tad-dinja, fejn il-kelma t’Alla għada ma ġietx imħabbra, jew fejn minħabba l-għadd skars tas-saċerdoti, l-insara huma fil-periklu li jitbegħdu mill-prattika tal-ħajja nisranija, anzi li jitilfu l-istess fidi.

Iħabirku għalhekk l-Isqfijiet, sabiex il-fidili bil-ħeġġa kollha jagħtu l-appoġġ tagħhom u jġibu l-quddiem l-opri ta’ evanġelizzazjoni u ta’ apostolat. Barra minn hekk, jaħsbu biex jippreparaw saċerdoti denji, u awżiljari kemm reliġjużi  kif ukoll lajċi, mhux biss għall-Missjonijiet imma wkoll għall-inħawi, fejn hemm nuqqas ta’ kleru. Għandhom jagħmlu wkoll ħilithom, sabiex xi wħud mis-saċerdoti tagħhom imorru jew fl-art tal-Missjoni jew fid-djoċesijiet imsemmija, biex hemmhekk jeżerċitaw il-ministeru tagħhom għal ħajjithom kollha jew għall-inqas għal perjodu ta’ żmien determinat.

Jiftakru l-Isqfijiet li anke fl-użu tal-beni ekkleżjastiċi, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħteġijiet mhux biss tad-djoċesi tagħhom, imma wkoll ta’ dawk il-knejjes partikolari oħra, għaliex anke dawna jagħmlu parti mill-unika knisja ta’ Kristu. U fl-aħħarnett jitfgħu il-ħsieb tagħhom sabiex itaffu n-nuqqasijiet li bihom huma imħabbtin djoċesijiet u nħawi oħra.

 

7. Fuq kollox l-Isqfijiet għandhom isegwu b’imħabba fraterna u bil-premura attiva tagħhom dawk l-Isqfijiet l-oħra li minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Kristu, saru oġġett ta’ kalunnji u ta’ persekuzzjonijiet jew qegħdin fil-ħabs jew huma mfixklin li jeżerċitaw il-ministeru tagħhom. Ifittxu, hekk, li bit-talb u bl-għemil, jnaqqsu u jtaffu d-dwejjaq tal-konfratelli tagħhom.

 

(II)           L-Isqfijiet u s-Santa Sede.

8. a) Lill-Isqfijiet, bħala suċċessuri tal-Appostli, fid-djoċesi afdati lilhom, bid-dritt tmiss is-setgħa ordinarja, propja u mmedjata li hija meħtieġa għat twaqqif tal-ministeru pastorali tagħhom, filwaqt li tibqa’ bla mittiefsa f’kull kamp is-setgħa tal-Papa li jirriserva xi kważi għalih innifsu jew għal xi awtorità oħra.

(b) Lil kull wieħed mill-Isqfijiet djoċesani, f’kas partikolari, hija mogħtija l-fakoltaà li jiddispensa minn xi liġi ġenerali tal-Knisja, lil fidili li fuqhom, leġittimament jeżerċità l-awtorità tiegħu, kull darba li jiġġudika li dan jiswa għall-ġid spiritwali tagħhom, basta ma tkunx saret xi riserva speċjali f’dil-ħaġa mill-Awtorità Suprema tal-Knisja.

 

9. Fit-twettiq tal-potestà tiegħu suprema, sħiħa u mmedjata fuq il-Knisja kollha, il-Papa jinqeda bid-dikaseri tal-Kurja Rumana, li għalhekk  jwettqu il-ħidma tagħhom f’ismu u bl-awtorità tiegħu, b’vantaġġ tal-knejjes u għas-servizz tar-Ragħajja mqaddsa.

Madankollu, il-Padri ta’ dan l-Imqaddes Konċilju jesprimu x-xewqa li dawn id-dikasteri, li bla dubbju sal-lum taw għajnuna prezzjuża lill-Papa u lir-Ragħajja tal-Knisja, jingħatalhom  ordinament ġdid, li jaqbel iżjed għall-ħtieġa taż-żminijiet, tal-artijiet u tar-riti diversi, speċjalment f’dak li jirrigwarda n-numru tagħhom, kif jissejħu, il-kompetenza tagħhom, il-proċedura u l-koordinament tax-xogħol tagħhom. (8) Jixtiequ wkoll (il-Padri tal-Konċilju) li waqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-ministeru pastorali tal-Isqfijiet, jiġi definit b’eżattezza ikbar, l-uffiċċju tal-Legati tal-Papa.

U billi dawn id-dikasteri ġew imwaqqfin għall-ġid tal-Knisja universali, ġiet murija wkoll ix-xewqa li l-membri tagħhom, l-uffiċjali u l-konsulturi, kif ukoll il-Legati tal-Papa, sakemm huwa possibbli, jiġu magħżula iktar ta’ spiss minn diversi inħawi tal-Knisja hekk li l-uffiċċji jew organi ċentrali tal-Knisja, jieħdu sura verament universali.

Huwa mixtieq ukoll li fost il-membri tad-Dikasteri jkunu magħduda xi Isqfijiet speċjalment djoċesani, sabiex ikunu jistgħu b’mod aħjar jirrapreżentaw quddiem il-Papa, il mentalità, ix-xewqat u l-ħtiġijiet tal-knejjes kollha.

Fl-aħħarnett, il-Padri konċiljari jqisuha ħaġa utli ħafna li s-sagri dikasteri jitolbu iżjed milli sar fl-imgħoddi l-parir tal-lajċi li jiddistingwu ruħhom għall-virtù, tagħlim u esperjenza tagħhom, sabiex anke huma jkollhom post xieraq fil-ħajja tal-Knisja.

 

 

 

 

 

KAPITLU II

FUQ L-ISQFIJIET, RIGWARD IL-KNEJJES PARTIKOLARI JEW DJOĊESI

 

I.  l-Isqfijiet Djoċesani.

1. Id-djoċesi hija parti mill-Poplu t’Alla, afdata għall-kura pastorali tal-Isqof, mgħejjun mill-prebyterium tiegħu, hekk illi fil-waqt li tibqa’ marbuta mar-raagħaj tagħha, u magħquda fl-Ispirtu Santu permezz tal-Vanġelu u tal-Ewkaristija Mqaddsa, tifforma knisja prtikolari li fiha tinsab preżenti u attiva il-Knisja ta’ Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u Apostolika.

Kull wieħed mill-Isqfijiet, li għandu f’idejh il-ħsieb ta’ knisja partikolari, taħt l-awtorità tal-Papa, jirgħa f’isem il-Mulej, bħala ragħaj propju, ordinarju mmedjat il-ħrief tiegħu u għall-ġid tagħhom iwettaq l-uffiċċju ta’ tagħlim, ta’ tqaddis u ta’ treġija. L-Isqfijiet però, għandhom jirikonoxxu l-jeddijiet li jmissu leġittmament lill-Patrijarki u lill-Awtoritajiet l-oħra ġerarkiċi (1).

L-Isqfijiet għandhom ikomplu l-uffiċċju apostoliku tagħhom bħala xhieda ta’ Kristu quddiem il-bnedmin kollha u jieħdu interess mhux biss f’dawk li huma diġà dixxipli tal-Prinċep tar-Ragħajja, imma għandhom  jiddedikaw ruħhom bil-ħila tagħhom kollha għal dawk li b’mod jew ieħor tbegħdu, mit-triq tas-sewwa jew li għadhom ma jagħrfux il-Vanġelu ta’ Kristu u l-ħniena tiegħu li ssalva; sakemm il-bnedmin kollha jimxu fit-triq ‘’ta’ kull tieba, ġustizzja u verità’’ (Eph. 5:9

Fit-twettiq tal-ministeru tagħhom ta’ tagħlim, jħabbru lil bnedmin il-Vanġelu ta’ Kristu, li huwa wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-Isqof (2) u dana jagħmluh billi jħajjru lil bnedmin bil-qawwa tal-Ispirtu jew billi jwettquhom b’fidi ħajja. Għandhom ipoġġu quddiem il-bnedmin, il-misteru ta’ Kristu kollu kemm hu, jiġifieri dawk il-veritajiet li min ma jafhomx ma jagħrafx lil Kristu u fl-istess ħin, juru lil-erwieħ it-triq rivelata minn Alla li twassal il-bnedmin għall-glorifiazzjoni tas-Sinjur u fl-istess waqt għall-hena ta’ dejjem tagħhom. (3)

Għandhom jispjegaw ukoll li l-ħwejjeġ tad-dinja stess u l-istituzzjonijet umani skond il-pjani t’Alla huma ordnati għas-salvazzjoni tal-bnedmin u jistgħu għalhekk, jgħinu mhux ftit għall-edifikazzjoni tal-Ġisem ta’ Kristu.

Igħallmu, għaldaqstant, liema huwa skond id-dottrina tal-Knisja, il-valur tal-persuna umana, tal-libertà tal-bniedem u ta’ l-istess ħajja tiegħu fiżika; il-valur tal-familja, tal-unità u l-istabilità tagħha, tal-prokreazzjoni u l-eduazzjoni ta’ l-ulied; il-valur tas-soċjetà ċivili bil-liġijiet tagħha u bid-diversi professjonijiet li jinsabu fiha; il-valur tax-xogħol u tal-mistrieħ, tal-arti u tat-teknika, il-valur tal-faqar u tal-kotra tal-ġid materjali. Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet għandhom ifissru kif għandhom jiġu maħlula il-problemi gravi ħafna li għandhom x’jaqsmu mal-pussess tal-beni materjali, ma’ l-iżvilupp u mat-tqassim ġust tagħhom, mal-paċi u mal-gwerra u mal-ħajja flimkien (konvivenza – bħala aħwa tal-popli kollha. (4).

It-tagħlim nisrani, l-isqfijiet għandhom jispejawh b’mod li jaqbel mal-ħtiġijiet taż-żmien li ngħixu fih; b’mod ċioe li tingħata tweġiba għad-diffikultajiet u l-problemi li bihom jinsabu mħabbtin u nkwetati l-bnedmin tal-lum. Dan it-tagħlim mhux biss għandhom jiddefenduh l-Isqfijiet nfushom, imma għandhom iqanqlu wkoll lill-insara biex jiddefenduh u jxerrduh. Il-mod li bih isir dan it-tagħlim, imbagħad għandu jkun hekk li juri t-tħabrik tal-Knisja bħala omm, lejn il-bnedmin kollha, nsara u m’humiex, filwaqt li jippreferixxu bi premura speċjali il-foqra u d-debboli, għax l-Isqfijiet għandhom jiftakru li għal dawn, huma ġew mibgħuta mill-Mulej, biex iħabbrulhom il-Vanġelu.

U peress li l-Knisja ma tistgħax ma tiltaqax mas-soċjetà umana (5) li fostha tgħix, l-Isqfijiet għandhom l-ewwelnett id-dmir li javviċinaw il-bnedmin u magħhom jiftħu djalogu u jissoktawh. Imma sabiex f’dawn it-taħdidiet siewja, il-verità tibqa’ msieħba mall-karità, u l-komprensjoni ma’ l-imħabba, huwa meħtieġ mhux biss li f’dawn id-djalogi d-diskors ikun ċar, bl-umiltà u bil-ħlewwa, imma wkoll li fihom il-prudenza neċessarja ma tkunx mifruda mill-fiduċj f’xulxin, għaliex din il-fiduċja filwaqt li tgħin biex tinbet il-ħbiberija, twassal ukoll biex il-fehmiet jersqu lejn xulxin. (6)

Għat-tixrid tad-duttrina nisranija, l-Isqfijiet jirrikorru għal mezzi li llum hawn disponibbli u qabel xejn għall-predikazzjoni u l-istruzjoni katekistika li għandhom dejjem importanza kapitali; imbagħad jirrikorru għat-tifsir tal-istess duttrina fl-iskejjel, fl-universitajiet, fil-konferenzi u fil-laqgħat ta’ kull għamla; u fl-aħħarnett f’dikjarazzjonijet pubbliċi, fl-okkażjoni ta’ xi ġrajja speċjali, magħmulin fl-istampa u bil-meżżi l-oħra tal-komunikazzjoni soċjali, li bihom jixraq li wieħed jinqeda għat-tħabbir tal-Vanġelu ta’ Kristu. (7)

Iħabirku sabiex b’żelu u premura jiġi mgħallem mhux biss lit-tfal u liż-żgħażagħ, imma anke lil kbar il-katekiżmu, li għandu l-iskop li jqanqal il-fidi fil-bnedmin li jagħmilha koxjenti u attiva permezz ta’ istruzzjoni konvenjenti. Jieħdu ħsieb li dan it-tagħlim ikun magħmul b’dak l-ordni u b’dak il-metodu li jaqbel mhux biss għall-materja li tiġi ttrattata, imma wkoll għall-mentalità, kapaċità, età u kondizzjoni tal-ħajja tas-semmiegħa; u għandu jkun mibni fuq l-Iskrittura Mqaddsa, fuq it-Tradizzjoni, fuq il-Liturġija fuq il-Maġisteru u l-ħajja tal-Knisja.

Jaħsbu wkoll sabiex il-katekisti jkunu ppreparati kif jixraq għall-uffiċju tagħhom, sabiex huma jkunu jafu profondament id-dottrina tal-Knisja u jitgħallmu fit-teorija u fil-prattika l-liġijiet tal-psikoloġija u tas-suġġetti pedagoġiċi.       Ifittxu wkoll li jibdew mill-ġdid jew jaddattaw aħjar għaż-żminijiet tagħna, l-istitut tal-katekumeni Adulti.

Fit-twettiq tal-ministeru tagħhom ta’ taqdis, l-Isqfijiet għandhom jiftakru sewwa li huma ġew magħżula minn fost il-bnedmin u li ġew imlibbsin bid-dinjità tagħhom għal bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam m’Alla, sabiex joffru doni u sagrifiċċi għad-dnubiet. Infatti l-Isqfijiet għandhom il-milja tas-Sagrament tal-Ordni u minnhom jiddependu fit-twettiq tas-setgħa tagħha, kemm il-presbiteri, li ġew huma wkoll ikkonsagrati veri saċerdoti tat-Testment il-Ġdid sabiex ikunu kooperaturi providenzjali tal-ordni episkopali, kif ukoll id-djakni li f’għaqda mal-Isqof u fis-servizz tal-presbyterium tiegħu, huma destinati għall-ministeru tal-poplu t’Alla. L-Isqfijiet għalhekk huma d-dispensaturi ewlenin tal-misteri t’Alla u fl-istess ħin dawk li jirregolaw u jġibu l-quddiem il-ħajja liturġika fil-knisja afdata lilhom (8).

Jagħmlu għalhekk ħilithom kollha, sabiex il-fidili, permezz ta’ l-Ewkaristija Mqadds, jagħarfu dejjem iktar fil-fond u jgħixu l-misteru tal-Għid, sabiex jifformaw Ġisem mibni f’għaqda sħiħa, fl-unità tal-karità ta’ Kristu (9).

‘’Perseveranti fit-talb u fil-ministeru tal-kelma’’ (Act. 6,4) jagħmlu l-impenn tagħhom kollu, sabiex dawk kollha li huma afdati għall-kura tagħhom ikunu għalenija fit-talb (10) u sabiex filwaqt li jiffrekwentaw is-Sagramenti Mqaddsa, jikbru fil-grazzja u jkunu xhieda fidili tal-Mulej.

Peress li huma mqabbdin biex jipperfezzjonaw il-merħla tagħhom, l-Isqfijiet għandhom ifittxu li jmexxu l-quddiem fil-ħajja tal-qdusija s-saċerdoti tagħhom, ir-reliġjużi u is-sekulari, skond il-volazzjoni partikolari ta’ kull wieħed minnhom (11), persważi mill-obligu li għandhom li jagħtu huma minn ta’ l-ewwel l-eżempju tal-qdusija, fil-karità, fl-umiltà u fis-sempliċità tal-ħajja. Għandhom iwasslu l-Knejjes afdati lilhom sa dak il-grad ta’ qdusija li fihom ikun jirrisplendi s-sens tal-Knisja universali ta’ Kristu. Bħala konsegwenza, jfittxu li jkattru kemm huwa possibbli, l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u b’mod partikolari l-vokazzjonijiet missjunarji.

Fit-twettiq tal-uffiċċju tagħhom ta’ missierijiet u rgħajja fost il-fidili tagħhom, l-Isqfijiet iġibu ruħhom bħal dawk li jagħtu servizz (12), bħala ragħajja tajbin li jagħrfu n-nagħġiet tagħhom u huma magħrufin minnhom, bħala veri missirijiet li jispikkaw għall-ispirtu tagħhom ta’ karità u ta’ zelu għal kulħadd; b’mod tali illi l-insara kollha minn qalbhom jissottemetu ruħhom għall-awtorità li l-Isqfijiet irċievew mingħand Alla. Jiġbru madwarhom il-familja sħiħa tal-merħla tagħhom u jagħtuha dik il-formazzjoni, biex kollha kemm huma, filwaqt li jagħarfu d-dmirijiet tagħhom, igħixu u jaħdmu f’għaqda ta’ karità.

U biex jilħqu skop bħal dan, l-Isqfijiet ‘’disposti għall kull opra tajba’’ (2 Tim 2,21) u ‘’  filwaqt li jissaportu kollox għall-imħabba tal-magħżulin’’ (2 Tim, 2 10) jorjentaw il-ħajja tagħhom b’mod li tkun tista’ taqbel mal-ħtiġijiet ta’ żminijietna.

Jittrattaw dejjem b’karità partikolari s-saċerdoti, bħala dawk li fil-limiti tal-poteri tagħhom, jieħdu parti mill-ministeri u l-preokkupazzjonijiet tal-Isqfijiet u jwettquhom b’tant ħeġġa fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Jikkonsidrawhom bħala wliedhom u ħbiebhom (13) u għalhekk ikunu disposti li jisimgħuhom u jittrattawhom b’fiduċja u benevolenza, bil-għan li toktor l-attività pastorali fid-djoċesi kollha.

Bl-ikbar premura jieħdu interess fil-kondizzjonijiet tagħhom spiritwali, intellettwali u materjali sabiex huma (s-saċerdoti) b’ħajja qaddisa u twajba, jistgħu jwettqu l-ministeru tagħhom b’fedeltà u jiksbu frott abbundanti. Għal dan il-għan jiffavorixxu dawk l-inizjativi u dawk il-laqgħat partikolari intiżi sewwa għat-tiġdid tal-ħajja tagħhom b’korsi itwal ta’ eżerċizzi spiritwali, kif  ukoll għall-approfondament tax-xjenzi ekklesjatiċi u speċjalment tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-Teoloġija, tal-problemi soċjali l-iktar importanti u tal-metodi ġodda tal-attività pastorali. Isegwu b’mogħdrija msieħba bil-fatti, dawk is-saċerdoti li għal xi raġuni kienet x’kienet qegħdin fil-perikolu jew b’xi mod naqsu mid-dmirijiet tagħhom.

Sabiex ikunu jistgħu jaħsbu aħjar għall-ġid tal-fidili, skond il-bżonn ta’ kull wieħed, jħabirku sabiex jagħrfu sewwa (intimament), il-ħtiġijiet tagħhom, u l-kondizzjonijet soċjali li jgħixu fihom u jirrikorru għaldaqstant għall-mezzi kollha opportuni u speċjalment għar-riċerki (inkjesti) soċjali. Juru premura lejn kulħadd, nies ta’ kull età, kondizzjoni u nazzjonalità, sew  jekk  ikunu mill-pajjiż kif ukoll jekk ikunu għal żjara jew frustieri. Fit-twettiq ta’ din l-attività pastorali, jirrispettaw il-kompiti li jmissu lid-djoċesani tagħhom fil-ħwejjeġ tal-knisja u jirrikonoxxu lilhom ukoll id-dmir u l-jedd li jikkollaboraw attivament għall-edifikazzjoni tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.

Għandhom iħobbu l-aħwa mifrudin minna, u jirrikmandaw anke lil fidili tagħhom li jittrattawhom bl-ikbar ġentilezza u karità, u hekk jiffavorixxu l-ekumeniżmu, mifhum fis-sens li tgħallmu l-Knisja (14). Għandhom jestendu ż-żelu tagħhom anki għal dawk li m’humiex mgħammdin, sabiex lilhom ukoll tiġi murija l-karità ta’ Kristu, li tagħha l-Isqfijiet huma xhieda quddiem kulħadd.

Għandhom jiġu żviluppati d-diversi għamliet ta’ apostolat, u fid-djoċesi kollha kif ukoll f’kull parti tagħha, dawn opri tal-apostolat għandhom ikunu ko-orinati kif jixraq u magħqudin intimament bejniethom, taħt it-tmexxija tal-Isqof: b’mod tali li l-inizjativi u l-attivitajiet kollha ta’ għamla katekistika, missjunarja, karitativa, soċjali, familjari, skolastika u kull xogħol ieħor intis għal skopijiet pastorali, jwasslu għall-ħidma għalenija, li biha tkun murija iktar fid-dieher, l-unità tad-djoċesi.

B’insistenza jiġi mgħarraf illi l-insara, skond il-kondizzjoni u l-kapaċità tagħhom, għandhom id-dmir li jagħmlu apostolat u jiġi rrikmandat lilhom li jieħdu sehem u jagħtu appoġġ lill-opri diversi ta’ Apostolat tal-lajċi u speċjalment, lill-Azzjoni Kattolika. Iżjed ukoll, jiġu mtejba u favoriti l-assoċjazzjonijiet, li direttament jew indirettament iwasslu għall-fini sopprannaturali jew aħjar dawk li bihom tinkiseb ħajja iktar perfetta, jew li bihom jiġi mwassal l-Vanġelu ta’ Kristu fost il-bnedmin, jew li bihom tiġi mxerrda d-duttrina nisranija u jiġi msaħħaħ il-kult pubbliku, jew li għandhom skopijiet soċjali jew it-taħriġ fl-opri tal-pietà u tal-karità.

Dawn l-għamliet ta’ apostolat għandhom jiġu addattati għall-ħtiġijiet ta’ żminijietna, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh l-esiġenzi varji tal-bnedmin; mhux biss esiġenzi spiritwali u morali, imma anke soċjali, demografiċi u ekonomiċi. U biex dan il-għan jiltaħaq b’mod effikaċi u utilment, tista’ tinkiseb għajnuna mhix żgħira mir-riċerki soċjali u reliġjużi, mwettqin permezz tal-uffiċċi tas-soċjoloġija pastorali, li għandhom jiġu rikmandati b’kull ħeġġa.

Għandha tittieħed kura partikolari ta’ dawk il-fidili, li ħtija tal-kondizzjoni tal-ħajja tagħhom, ma jistgħux jibbenefikaw mill-ministeru ordinarju tal-Kappillani jew li huma mċaħħdin minn kull assistenza, bħal ma huma ħafna mill-emigranti, l-eżiljati, il-maħrubin, n-nies tal-baħar, dawk li jaħdmu fit-trasport tal-ajru, in-nomadi u kategori oħra simili ta’ bnedmin, jiġu adottati wkoll sistemi konvenjent ta’ assistenza spiritwali għat-turisti.

Il-Konferenzi Episkopali u speċjalment dawk nazzjonali, għandhom jagħtu attenzjoni premuruża għall-problemi l-iktar urġenti li jirrigwardaw lill-kategoriji ta’ nies li semmejna u b’meżżi u direttivi opportuni, b’għanijiet u sforzi għalenija jipprovdu b’mod xieraq għall –assistenza reliġjuża tagħhom, filwaqt li jiftakru qabel xejn, fid-dispożizzjonijiet mogħtija jew li għad jingħataw mis-Santa Sede, (15) li għandhom jiġu addattati kif jaqbel għas-sitwazzjonijiet differenti ta’ żminijiet, pajjiżi u persuni.

Fit-twettiq tal-ministeru apostoliku tagħhom, li għandu bħala skop is-saħħa tal-erwieħ, l-Isqfijiet per se, jgawdu libertà sħiħa u perfetta u indipendenza minn kwalunkwe awtorità ċivili. Għalhekk mhux leċitu li wieħed ifixkel direttament jew indirettament it-twettiq tal-ministeru ekklesjastiku tagħhom jew li jimpedihom milli jkunu jistgħu bil-ħlusija kollha jikkomunikaw mas-Santa Sede, jew ma’ l-Awtoritajiet Ekklesjatiċi l-oħra, jew mas-sudditi tagħhom.

Bla dubbju ta’ xejn, ir-Ragħajja Mqaddsa, filwaqt li jieħdu ħsieb il-ġid spiritwali tal-merħla tagħhom, jiffavorixxu wkoll il-progress soċjali u ċivili u l-prosperità; u għal dan l-iskop igħaqqdu wkoll is-sehem tagħhom ta’ ħidma ma’ dak tal-awtoritajiet pubbliċi – sakemm jippermettu d-dmirijiet u l-pretiġju tal-Isqfijiet – u jinkulkaw fil-fidili tagħhom obbedjenza għall-liġijiet ġusti u rispett lejn l-awtoritajiet imwaqqfin leġittimament.

Peress illi l-ministeru apostoliku tal-Isqfijiet, ġie mwaqqaf mis-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, u jirrigwarda fini spiritwali u sopprannaturali, dan l-Imqaddes Sinodu Ekumeniku  jiddikjara li d-dritt li jinnominaw u jagħzlu l-Isqfijiet huwa propju, pekuljari u perse esklużiv tal-Awtorità Ekklesjastika kompetenti.

Għaldaqstant, sabiex jiddefendi skond il-ġustizzja, il-libertà tal-Knisja, u jġib il-quddiem il-ġid tal-fidili, iżjed bi sħiħ u bil-ħeffa, dan l-Imqaddes Konċilju jesprimi x-xewqa li għal li ġej, ‘l-Awtorità Ċivili ma jingħatawliex iżjed drittijiet u privileġġi ta’ elezzjoni, nomina, preżentazzjoni u ħatra għall-uffiċċju veskovili. Lil dawk l-awtorijetajiet ċivili imbagħad, li bħalissa, qegħdin igawdu dawn id-drittijiet u privileġġi, bis-saħħa ta’ xi ftehim jew konswetudni, dan l-Imqaddes Konċilju, filwaqt li jesprimi rikonoxxenza u apprezzament sinċier għrar-rispett muri minnhom lejn il-Knisja, jitlobhom bil-ħerqa, sabiex wara ftehim mas-Santa Sede, jogħoġobhom jirrinunzjaw minn jeddhom għal dawk id-drittijiet.

La darba l-ministeru pastorali tal-isqfijiet għandu mportanza hekk kbira u jġib miegħu responsabilitajiet gravi, l-Isqfijiet djoċesani u dawk li skond il-liġi huma magħhom ekwiparati, huma mitlubin bil-ħeġġa sabiex, meta ħtija tal-età wisq avanzata tagħhom jew għal xi raġuni oħra, gravi, ma jibqgħux kapaċi li jkomplu d-dmirijiet tagħhom, minn jeddhom jew fuq stedina tal-Awtorità kompetenti jagħtu d-dimissjoni mill-uffiċċju tagħhom. Da parti tagħha, l-awtorità kompetenti, jekk taċċetta d-dimissjoni, tipprovdi kemm għall-manteniment xieraq ta’ dawk li jirrinunzjaw, kif ukoll biex tirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom partikolari.

 

II Id-delimitazzjoni tad-djoċesijiet.

Sabiex ikun jista’ jintlaħaq il-fini propju tad-djoċesi, hu meħtieġ li fil-poplu t’Alla, li qiegħed fiha, tkun tidher ċara n-natura tal-Knisja: meħtieġ ukoll li l-Isqfijiet ikunu jistgħu jkomplu fiha d-dmirijiet pastorali tagħhom b’mod effikaċi; u li fl-aħħarnett b’mod kemm jista’ jkun perfett jittieħed ħsieb tal-assistenza spiritwali tal-poplu t’Alla.

Dan kollu jinvolvi mhux biss determinazzjoni xierqa tal-limiti territorjali tad-djoċesi; imma wkoll tqassim raġjonevoli tal-Kleru u tal-beni, skond kif jitolbu l-esiġenzi tal-apostolat. Dawn il-miżuri jisfaw ta’ vantaġġ mhux biss għas-saċerdoti u għall-fidili konċernati, imma għall-Knisja Kattolika kollha kemm hi.

Għaldaqstant, rigward iċ-cirkoskrizzjonijiet djoċesani, l-Imqaddes Konċilju jiddisponi li fejn dan huwa rikjest mill-ġid tal-erwieħ, bil-prudenza għandha titwettaq kemm jista’ jkun malajr, reviżjoni tal-limiti tat-truf tad-djoċesijiet, billi, issir diviżjoni, dismembrazzjoni jew unjoni tagħhom jew billi jiġu mbidulin il-limit, jew trasferiti għal postijiet iktar adatti s-sedi veskovili, jew fl-aħħarnett meta tkun djoċesi iffurmata minn bliet kbar,  billi tingħatalha regolamentazzjoni interna ġdida.

Fir-reviżjoni taċ-cirkoskrizzjonijiet ekklesjastiċi, għanda tittieħed kura qabel xejn, li tiġi mħarsa l-unità organika tad-djoċesi bħala ġisem ħaj, rigward il-persuni, l-uffiċċi u l-istituzzjonijiet. F’kull kas imbagħad, wara li jiġu studjati b’attenzjoni ċ-ċirkostanzi kollha, jiġu osservati dawn il-kriteri ġenerali li ġejjin:

 

(1)                Meta jiġu stabiliti l-limiti tad-djoċesi, sakemm ikun possibbli, tiġi kkunsidrata l-kompożizzjoni varja tal-poplu t’Alla, għaliex dan jirrendi iżjed faċli t-twettiq tal-ħidma pastorali. Fl-istess ħin isir b’mod li possibilment, dawn l-agglomerati demografiċi jinżammu uniti mal-uffiċċi u l-istituzzjonijiet ċivili, li minnhom hija magħmula l-istruttura organika tagħhom. Għaldaqstant, it-territorju ta’ kull djoċesi għandu jkun dejjem mingħajr interruzzjonijiet.

Jekk iċ-ċirkostanxi jippermettu, jiġu osservati t-truf taċ-ċirkoskrizzjonijet ċivili u l-kondizzjonijiet partikolari, psikoloġiċi, ekonomiċi, ġeografiċi u storiċi tan-nies u tal-post.

 

(2)                Ġeneralment, l-estensjoni tat-territorju u l-għadd tal-abitanti għandu jkun tali, li minn naħa L-waħda l-Isqof, anke bil-għajnuna tal-oħrajn, ikun jista’ jagħmel il-pontifikali, jwettaq il-visti pastorali, jiddirieġi u jikko-ordina b’mod xieraq l-opri kollha tal-apostolat u speċjalment li jkun jaf is-saċerdoti, ir-reliġjusi u l-lajċi li jieħdu sehem b’xi mod fil-ħidmiet djoċesani; minn naħa l-oħra mbagħad jkun hemm kamp suffiċjenti u xieraq li fih, kemm l-isqof, kif ukoll is-saċerdoti jistgħu jimpenjaw utilment l-enerġija kollha tagħhom fil-ministeru, filwaqt li jżommu  quddiem għajnejhom il-ħtiġijiet tal-Knisja universali.

 

(3)                Fl-aħħarnett, sabiex fid-djoċesi jkun jista’ jitwettaq b’mod iktar konvenjenti il-ministeru tal-fidwa, għandha tiġi osservata r-regula li f’kull djoċesi, jkun hemm saċerdoti suffiċjenti fil-għadd u fl-idoneità, biex tittieħed kura spiritwali xierqa tal-poplu t’Alla; m’għandhomx jonqsu l-uffiċċi, l-istuzzjonijiet u l-opri, li huma propji ta’ kull knisja partikolari u li fil-prattika tinħass il-ħtieġa tagħhom kemm għat-tmexxija għaqlija, kif ukoll għat-twettiq tal-appostolat: u fl-aħħar il-mezzi indispensabbli għall-manteniment tal-persuni u tal-istuzzjonijiet djoċesani, jekk mhux diġa jeżistu, wieħed għandu jaħseb minn qabel bil-prudenza sabiex jiġu prokurati minn x’imkien.

Għal dan il-għan, fejn jinsabu fidili ta rit differenti, l-Isqof għandu jipprovdi għal ħtiġijiet tagħhom, kemm permezz ta’ saċerdoti jipprovdi għal ħtiġijiet tagħhom, kemm  permess, ta’ Vigarju Veskovili, li jkollu l-fakultajiet meħtieġa u jekk ikun jaqbel, imżejjen ukoll bil-karattru episkopali; jista’ l-Isqof joqgħod huwa stess bħala Ordinarju tar-riti diversi. Imma jekk dana fil-ġudizzju tas-Santa Sede, għal vari raħunijiet ma jistax isir, titwaqqaf ġerarkija propja għal kull rit. (16)

F’ċirkostanzi bħal dawn, jittieħed ħsieb tal-fidili ta’ lingwi diversi, jew permezz ta’ saċerdoti u parroċċi ta’ l-istess ilsien, jew permezz ta’ Vigarju Veskovili li jkun jaf tajjeb dik il-lingwa, u jekk ikun meħtieġ, mogħni anke bil-karattru episkopali jew b’xi sistemi opportuni oħra.

Rigward id-djoċesijiet, qabel ma jiġu mdaħħlin it-tibdil u t-tiġdid imsemmijin fin-numri 22-23, filwaqt li tibqa’ tgħodd id-drawwa tal-Knejjes Orjentali, jixraq li dawn il-materji jkunu sottoposti għall-eżami tal-Konferenzi Episkopali kompetenti f’dak it-territorju u li, jekk jaħsbu li jaqbel, jinqdew bil-għajnuna ta’ Kummissjoni Episkopali partikolari u jitolbu dejjem il-parir tal-Isqfijiet tal-provinċji u tal-inħawi interessati. Wara dan, jressqu il-pariri u d-deċiżjonijiet tagħhom lis-Santa Sede.

 

IIIIL-KOOPERATURI TA’ L-ISQOF DJOĊESAN FIL-MINISTERU PASTORALI

 

(1)                Fuq l-Isqfijiet Koadjuturi u l-Awżiljari.

Fit-tmexxija tad-djoċesi, jittieħed ħsieb tal-ministeru tal-Isqfijiet, hekk illi l-iskop suprem tiegħu jkun il-ġid tal-merħla tal-Mulej. Issa sabiex jintlaħaq aħjar dan il-ġid, mhux rari li jkun meħtieġ jinħatru Isqfijiet Awżiljari, għaliex l-Isqof Djoċesan, jew għar-raġuni li d-djoċesi tkun vasta jew minħabba l-għadd kbir ta’ abitanti, jew ħtija ta’ ċirkostanzi partikolari tal-apostolat jew għal kawżi oħra ta’ natura diversa, ma jistgħax personalment iwettaq id-dmirijiet kollha tal-ministeru tiegħu, kif jitlob il-ġid tal-erwieħ. Anzi xi drabi ħtiġijiet partikolari jesiġu li lill-istess isqof tingħata wkoll l-għajnuna ta’ Isqof Koadjutur. Dawn l-Isqfjijiet koadjuturi u Awżiljari għandhom ikollhom fakultajiet opportuni, sabiex filwaqt li tibqa’ sseħħ l-unità tat-tmexxija djoċesana u l-awtorità tal-Isqof djoċesan, l-azzjoni tagħhom tisfa iktar effikaċi u tkun imħarsa d-dinjità episkopali tagħhom.

Għaldaqstant, l-isqfijiet Koadjuturi u Awżiljari, peress li ġew imsejħa biex jieħdu sehem fir-responsabilità tal-Isqof djoċesan, għandhom jwettqu sehem fir-responsabilità tal-Isqof djoċesan, għandhom jwettqu l-mandat tagħhom b’mod li kollox jimxi b’armonija perfetta. Dawn għandhom juru dejjem lill-Isqof Djoċesan, obbedjenza u rispett, filwaqt li huwa minn naħa tiegħu, għandu jħobbhom bħal aħwa u jistmahom.

Jekk qatt dan ikun mitlub mill-ġid tal-erwieħ, l-Isqof Djoċesan, ma għandux jsib diffikultàli jitlob l’Awtorità kompetenti awziljarju jew iktar minn wieħed, li jkunu kostitwiti għad-djoċesi mingħajr jedd ta’ suċċessjoni.

Jekk dan ma jkunx diġa’ mfisser fl-ittra tan-nomina l-Isqof djo`esan ja]tar lil dan l-awiljarju jew awżiljarji bħala Vigarji Ġenerali tiegħu, jew għall-inqas bħala Vigarji Veskovili, li jiddependu biss mill-awotorità tiegħu, u jikkonsultahom meta jkollu jeżamina problemi ta’ mportanza maġġuri, speċjalment ta’ karattru pastorali.

Meta l-Awtorità kompetenti ma tiddisponix mod ieħor, mal-mewt tal-Isqof djoċesan, ma jieqfux il-poteri u l-fakultajiet tal-isqfijiet Awżiljari. Anzi hija ħaġa mixtieqa li meta s-sede tkun vakanti, jekk ma jkunx jaqbel li jsir mod ieħor għal motivi gravi, l-inkarigu li jrieġi d-djoċesi jiġi afdat lill-Isqof Awżiljarju u jekk ikun hemm iżjed minn wieħed minnhom.

L-Isqof koadjutur, jiġifieri dak li ġie nominat bid-dritt tas-suċċessjoni, għandu dejjem jiġi magħmul Vigarju Ġenerali mill-Isqof Djoċesan. F’każijiet partikolari, jistgħu jiġu mogħtija lilu fakultajiet ikbar mill-Awtorità kompetenti.

Biex jinkiseb ġid ikbar għad-djoċesi, fil-preżent u fil-ġejjieni, l-Isqof koadjuvat u l-Koadjutur, fl-affarijiet ta’ importanza maġġuri, ma jonqsux li jikkonsultaw lil xulxin.

 

(2)                Kurja u Kunsilli Djoċesani.

Fil-Kurja Djoċesana huwa prominenti l-uffiċċju tal-Vigarju Ġenerali. Imma kull meta t-tmexxija għaqlija tad-Djoċesi titlob dan, l-Isqof jista’ jaħtar Vigarju Veskovili jew iktar minn wieħed, li skond il-liġi, jgawdu l-istess setgħa li d-dritt kommuni jagħti lil-Vigarju Ġenerali, f’xi parti determinata tad-djoċesi, jew f’settur magħżul ta’ ħidma, jew rigward il-fidili ta’ xi rit determinat.

Fost il-kollaboraturi tal-Isqof fit-tmexxija tad-djoċesi jingħaddu wkoll is-saċerdoti li minnhom hu magħmul s-Senat jew Kunsill tiegħu; bħal ma huma l-Kapitlu tal-Kattedral, il-Kulleġġ tal-Konsulturi u kunsilli oħra, skond iċ-ċirkostanzi u l-għamla ta’ postijiet diversi. Lil dawn l-istituzzjonijiet u speċjalment lil Kapitlu tal-Kattedrali, jingħataw, meta jkun meħtieġ, regolamenti ġodda li jaqblu mal ħtiġijiet ta’ żmienijietna.

Kemm is-saċerdot kif ukoll is-sekulari li jagħmlu parti mill-Kurja, għandhom jifhmu sewwa li huma qegħdin jikkollaboraw fil-ministeru pastorali tal-Isqof.

Il-Kurja djoċesana tkun organiżżata b’ċertu mod li issir mezz tajjeb mhux biss għall-amministrazzjoni tad-djoċesi, imma wkoll għat-twettiq tal-opri tal-Apostolat.

Hija ħaġa wisq meħtieġa li f’kull djoċesi tiġi mwaqqfa Kummissjoni Pastorali, taħt il-presidenza tal-Isqof djoċesan u li minnha jagħmlu sehem saċerdoti, reiġjużi u lajċi magħżulin b’kura partikolari, ikun d-dmir ta’ din il-Kummissjoni li tistudja u teżamina dak kollu li għandu x’jaqsam mal-opri tal-Apostolat, biex tipproponi imbagħad konklużjonijiet pratiċi.

 

(3)                Il-Kleru Djoċesan.

Peress li s-saċerdoti kollha, djoċesani kif ukoll reliġjużi, f’għaqda mal-Isqof jipparteċipaw mis-Saċerdozju uniku ta’ Kristu u jwettquh, huma għandhom jitqiesu bħala kooperaturi providenzjali tal-Ordni episkopali. Fit-twettiq tal-ministeru mqaddes, ir-responsabilita’ ewlienija taqa fuq is-saċerdoti djoċesani, għaliex la darba huma ġew inkardinati u assenjati għall-knisja partikolari, jiddedikaw ruħhom kollha kemm huma, għas-servizz tagħha, għal kura spiritwali ta’ qasam mill-merħla tal-Mulej. Għalhekk huma jifformaw presbyterium wieħed u familja waħda, li tagħha l-Isqof qisu l-Missier.

Dana, sabiex ikun jista jqassam aħjar u iktar kif jixraq il-ministeri sagri fost is-saċerdoti, tiegħu, għandu jkollu l-libertà neċessarja biex jagħti l-uffiċċi u l-benefiċċi; huma għalhekk aboliti (mneħħija) id-drittijiet u l-privileġġi li bi kwalunkwe mod inaqqsu din l-libertà.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Isqof u s-saċerdoti djoċesani għandhom ikunu mibnija l-iktarnett fuq il-karità soprannaturali, sabiex l-unita tal-ħidma bejn is-saċerdoti u l-Isqof tikseb iktar frott mill-azzjoni pastorali tagħhom. Għal dan l-iskop,  sabiex is-servizz tal-erwieħ jgħaddi l-quddiem, l-Isqof isejjaħ is-saċerdoti għal biex jitkellmu, anke fit-tul, jekk jidirlu sewwa, u jittrattaw kwistjonijiet pastorali, u dan mhux biss darba kull tant, imma f’intervalli regolari, sakemm ikun possibbli.

Barra minn hekk, is-saċerdoti djoċesani kollha għandhom ikun magħqudin bejniethom u jhossuhom ko-responsabbli tal-ġid spiritwali tad-djoċesi kollha. Fil-waqt li jiftakru wkoll li l-ġid materjali, li jiksbu fit-twettiq tal-uffiċċju ekkleżjastiku tagħhom, huwa marbut strettament (intimament) mal-ministeru sagru tagħhom, u għalhekk għandhom jagħtu għajnuna ġeneruża fitl-ħtiġijiet materjali tad-djoċesi, skond id-dispożżizzjonijiet tal-Isqof u sakemm għalihom ikun possibbli.

Bħala kollaboraturi diretti tal-Isqof għandhom jitqiesu ukoll dawk is-saċerdoti li jafdalhom f’idejjhom xi uffiċċju pastorali jew xi opri ta’ għamla superparrokkjali, sia rigward xi territorju determinat tad-djoċesi, sew rigward xi kategorija speċjali ta’ nsara, kif ukoll rigward xi forma partikolari ta’ ħidma.

Jagħtu wkoll kollaborazzjoni prezzjuża dawk is-saċerdoti, li lilhom l-Isqof jafda diversi inkariġi ta’ apostolat, fl-iskejjel, fl-Istituti jew fil-Għaqdiet. Anki s-saċerdoti mogħtijin għall-opri sopradjoċesani, ġaladarba jwettqu ħidma siewja ta’ apostolat jistħoqqilhom konsiderazzjoni partikolari, speċjalment da parti tal-isqof, li fit-territorju tiegħu jkollhom id-domiċilju.

Imma l-kollaboraturi ewlenin tal-Isqof huma l-Kappillani li lilhom bħala ragħajja tabilħaqq tiġi afdata l-kura tal-erwieħ, f’parti determinata tad-djoċesi, taħt l-awtorità tal-istess Isqof.

 

(1)                Fit-twettiq ta’ din il-kura reliġjuża, il-kappillani bil-kooperaturi tagħhom għandhom jkomplu l-missjoni tagħhom ta’ tagħlim u ta’ treġija b’mod li l-insara u l-kommunitajiet parrokkjali jħossuhom realment membri mhux biss tad-djoċesi imma wkoll tal-Knisja universali, jikkollaboraw għalhekk, kemm mal-Kappillani l-oħra kif ukoll mas-saċerdoti li jeżerċitaw il-ministeru pastorali f’dak it-territorju (bħal ma huma per eżempju il-Vigarji Foranei u d-Dekani) jew li huma maħturin għall-opri ta’ għamla superparrokkjali, sabiex il-kura pastorali jkollha l-unità meħtieġa w issir iktar effikaċi.

Il-kura tal-erwieħ għandha tkun wkoll animata bi spirtu missjunarju; hekk li tilħaq l-abitanti kollha tal-parroċċa bl-aħjar mod. U jekk il-kappillani ma jistgħux jilħqu xi kategoriji ta’ nies, għandhom jirrikorru għall-ħidma tal-oħrajn, anke tal-lajċi, sabiex igħinuhom f’dan il-kamp ta’ l-apostolat.

Sabiex il-kura tal-erwieħ issir effikaċi, ta’ min jirrikomanda bil-ħeġġa l-ħajja kommuni tas-saċerdoti u speċjalment ta’ dawk li jkunu addetti għall-istess parroċċa, għaliex din il-ħajja, fil-waqt li tgħin l-attività apostolika, toffri lill-insara eżempju ta’ karità u ta’ għaqda.

 

(2)                F’dak li għandu x’jaqsam mal-ministeru ta’ tagħlim, il-kappillani għandhom; jippriedkaw il-kelma t’Alla, lill-wemmiena kollha sabiex dawna fuq il-pedament tal-Fidi, tat-Tama u tal-karità, jikbru fi Kristu u l-kommunita nisranija tagħtu xhieda tal-karita, li l-Mulej irrikmandalna; (17) kif ukoll bl-istruzzjoni katekistika, addattata għall-età ta’ kull wieħed, jmexxu lill-insara sabiex jagħarfu fil-milja tiegħu, il-misteru tas-salvazzjoni. Meta jagħtu din l-istruzzjoni għandhom jinqdew mhux biss bil-ħidma tar-reliġjużi, imma wkoll bil-kollaborazzjoni tal-lajċi, fil-waqt li jwaqqfu wkoll il-konfraternità tad-Duttrina Nisranija.

Fil-kamp tal-ministeru tat-taqdis, il-kappillani jieħdu ħsieb li l-Quddiesa ssir iċ-ċentru u l-quċċata tal-ħajja kollha tal-komunità nisranija; jitħabtu wkoll sabiex il-fidili jmantnu l-ħajja tagħhom spiritwali billi jersqu bid-devozzjoni u ta’ spiss lejn is-Sagramenti Mqaddsa u billi jieħdu sehem fil-Liturġija billi jifhmu x’ikun isir u jieħdu sehem attiv. Il-kappillani mbagħad jiftakru li s-sagrament tal-Qrar huwa ta’ għajnuna mill-ikbar għall-ħajja nisranija: għalhekk juru ruħhom dejjem disposti u lesti biex jisimgħu l-qrar tal-insara, u jekk ikun meħtieġ jitolbu l-għajnuna ta’ saċerdoti oħra li jafu sewwa diversi lingwi.

 

Fit-twettiq tad-dmir tagħhom ta’ ragħajja, il-kappillani jfittxu li jsiru jafu il-merħla tagħhom. U ġaladarba huma l-qaddejja tal-insara kollha, jħabirku sabiex jkattru l-ħajja nisranija f’kull nisrani, fil-familji, fl-għaqdiet li huma b’mod speċjali dedikati għall-apostolat, kif ukoll fil-kommunità parrokkjali. Għalhekk għandhom jżuru d-djar u l-iskejjel skond kif jitlob minnhom il-mandat pastorali tagħhom; jieħdu ħsieb bil-premura kollha tal-adolexxenti u taż-żgħażagħ; b’karità ta’ missier jinteressaw ruħhom mill-fqajrin u mill-morda,  jagħtu kura partikolari lil-ħaddiema u jqanqlu lill-insara sabiex jappoġġjaw l-opri tal-Apostolat.

Il-vigarji parrokkjali bħala kollaboraturi tal-kappillan, ta’ kuljum jagħtu għajnuna siewja u attiva fit-twettiq tal-ministeru pastorali, taħt l-awtorità tal-kappillan. Għalhekk bejn il-kappillan u l-vigarji tiegħu, għandu jkun hemm dejjem relazzjonijiet ta’ aħwa, karità u rispett reċiproku. Kappillan u vigarji jwieżnu lil xulxin bil-parir, bil-għajnuna u bl-eżempju; u flimkien jaffrontaw ix-xogħol tal-parroċċa, għalenija fil-fehma u fil-ħidma tagħhom.

 

(3)                Meta l-Isqof ikollu jiġġudika dwar l-idoneità tas-saċerdot biex irieġi parroċċa, għandu jżomm quddiem għajnejh mhux biss l-element tad-dottrina (għerf) li jkollu dak il-qassis, imma wkoll dak tal-pieta, tal-ħeġġa apostolika, u ta’ doti u kwalità oħra, meħtieġin biex l-ħsieb tal-erwieħ isir sewwa.

Barra minn dan, peress li l-iskop fondamentali tal-ministeru parrokkjali huwa l-ġid tal-erwieħ, sabiex l-Isqof ikun jista jasal iktar bil-ħefffa u b’mod xieraq biex jimla parroċċa vakanti, b’eċċezzjoni tad-dritt tar-reliġjużi, jiġu aboliti tant id-drittijiet kollha ta’ preżentazzjoni, tan-nomina u ta’ riserva kif ukoll fejn għada teżisti l-liġi tal-konkors ġenerali u partikolari.

Il-Kappillani fil-parroċċa tagħhom għandhom jitħallew igawdu dik l-istabilità fl-uffiċċju tagħhom kif jitlob il-ġid tal-erwieħ. Għalhekk fil-waqt i tiġi mneħħija kull distinzjoni bejn kappillani amovibbli u inamovibbli, meta jiġu trasferiti jew mwarrbin il-kappillani, jiġi applikat u magħmul iktar sempliċi s-sistema, li bih l-Isqof jista jaħseb fil-ġid tal-erwieħ b’mod iktar konvenjenti, fil-waqt li tiġi mħarsa l-ekwità naturali u kanonika.

Imbagħad il-Kappillani li jew ħtija tal-età avanzata tagħhom jew għal xi raġuni oħra gravi, ma jistgħux jwettqu iżjed b’riżultati tajba il-ministeru tagħhom, huma mitlubin sabiex jakkonsentu li minn rajhom jew fuq stedina tal-Isqof jirrinunzjaw għall-uffiċċju tagħhom. Da parti tiegħu, l-Isqof jieħu ħsieb għall-manteniment xieraq ta’ dawk li jkunu irrinunzjaw.

 

(4)                Fl-aħħarnett, is-salvazzjoni tal-erwieħ ha tkunl-unika raġuni, li mħabba fiha, jiġu deċiżi u rikonoxxuti t-twaqqif u s-soppressjoni tal-parroċċi u tiġdid ieħor simili, li l-Isqof jesegwixxi bis-setgħa tal-awtorità tiegħu.

 

4) Ir-Reliġjużi.

33.  Ir-reliġjużi kollha – li magħhom fil-materji li ġejjin huma ekwiparati l-membri tal-Istituti l-oħra, li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi – skond il-vokazzjoni partikolari ta’ kull istitut, għandhom l-obbligu li jaħdmu bl-impenn u bil-ħeġġa kollha, għall-edifikazzjoni u t-tkabbir tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u għall-ġid tal-knejjes partikulari.

Huma obbligati li jilħqu dan il-għan fuq kollox bit-talb, bl-opri ta’ penitenza u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom: u dan l-Imqaddes Konċilju jħeġġiġihom sabiex ikattru dejjem fihom infushom l-istima u l-ħeġġa għall-ħwejjeġ spiritwali. Imma fl-istess ħin huma għandhom jieħdu sehem dejjem iżjed bil-premura fl-opri esterni tal-apostolat, fil-waqt li jżommu quddiem għajnejhom l-karatteristika propja ta’ kull istitut.

Ir-reliġjużi saċerdoti, li huma mlibbsin bil-karattru presibiterjali sabiex ikunu huma wkoll kollaboraturi providenzjali tal-Ordni episkopali, illum iżjed milli fl-imgħoddi, jistgħu jkunu ta’ għajnuna siewja lill-Isqfijiet, la darba l-ħtiġijiet tal-erwieħ żdiedu. Għaldaqstant, mħabba l-fatt li jieħdu sehem fil-kura tal-erwieħ u fl-opri tal-apostolat taħt it-treġija tar-Ragħajja Mqaddsa, huma għandhom jiġu ikkunsidrati qishom jappartienu għall-kleru djoċesan.

Anke ir-reliġjużi l-oħra sewwa rġiel kif ukoll nisa, jappartienu huma wkoll taħt aspett partikolari għall-familja djoċesana, jagħtu għajnuna ġmielha lill-Ġerarkija mqaddsa, u peress li l-ħtiġijiet tal-apostolat kibru, fil-ġejjieni jistgħu u għandhom jagħtuha għajnuna ikbar.

Però sabiex l-opri tal-apostolat f’kull djoċesi jiġu dejjem imwettqin bi ftehm, u tiġi mħarsa l-unità tal-ħajja, djoċesana, huma stabbiliti il-prinċipji fondamentali li ġejjin:

 

(1)                Ir-reliġjużi kollha, fil-waqt li jħarsu lejn l-Isqfijiet bħala suċċessuri tal-Appostli, għandhom juruhom dejjem rispett u qima, iktar ukoll, meta huma leġittimament imqabbdin għal xi atttivita’ apostolika, għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod li jsiru l-ajjutanti tal-Isqfijiet. (18) Anzi r-reliġjużi ħa jwettqu fil-pront u bil-fedelta’, it-talbiet u x-xewqat tal-Isqfijiet, sabiex jieħdu f’idejhom responsabilitajiet dejjem ikbar fil-ministeru tal-erwieħ, fil-waqt li jirrispettaw n-natura u l-kostituzzjonijiet ta’ kull Istitut. Dawn il-kostituzzjonijiet, jekk ikun meħtieġ, jiġu adattati għall-iskop li semmejna, fil-waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-prinċipji ta’ dan id-degriet konċiljari.

Speċjalment quddiem l-ħtiġijiet urġenti tal-erwieħ u peress li l-kleru djoċesan huwa ftit, l-Istituti Reliġjużi, li ma humiex mogħtija esklusivament għall-ħajja kontemplativa, jistgħu jiġu mistiednin mill-Isqfijiet sabiex jikkollaboraw f’ministeri pastorali varji; madankollu jeħtieġ li ma jiġux minisja l-karatteristiċi ta’ kull istitut. U s-superjuri reliġjużi, sakemm huwa possibli, jħeġġu lil dawk li jiddependu minnhom sabiex jagħtu din il-kollaborazzjoni, anke billi jaċċettaw it-treġija tal-parroċċi, għall-inqas temporanjament.

 

(2)                Ir-reliġjużi dedikati għall-apostolat estern ħa jżommu l-Ispirtu tal-Istitut Reliġjuż  tagħhom u jibqgħu fidili għall-osservanza tar-regola u sottomessi għas-superjuri tagħhom. U l-Isqfijiet ma jonqsux li jfakkru lir-reliġjużi f’dan l-obbligu tagħhom.

 

(3)                L-eżenzjoni, li bis-saħħa tagħha r-Relliġjużi jiddependu mill-Papa jew xi Awtorita’ Ekkleżjastika oħra, u huma meħlusa mill-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet, tirrigwarda prinċipalment l-ordini interna tal-istituti, sabiex fih kollox ikun unit, mqassam sewwa u jwassal għat-tkattir u għall-perfezzjonament tal-ħajja reliġjuża (19). Din l-istess eżenzjoni tippermetti lil Papa li jiddisponi mir-Reliġjużi għall-ġid tal-Knisja universali (20) u lill-Awtoritajiet kompetenti oħrajn li jinqdew bil-ħidma tagħhom b’risq il-knejjes li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Imma din l-eżenzzjoni ma tfixkilx li f’kull waħda mid-djoċesijiet, r-reliġjużi jkunu soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet skond il-liġi, kif jirrikjedu sewwa l-ministeru pastorali tal-Isqfijiet, kif ukoll il-kura tal-erwieħ magħmula bir-reqqa (21).

 

(4)                Ir-reliġjużi kollha, eżenti u m’humiex huma soġġetti għall-awtorita’ tal-Isqfijiet, f’dak kollu li jirrigwarda l-eżerċizzju pubbliku tal-kult divin, għad li għandha tiġi mħarsa d-diversita’ tar-Riti, il-kura tal-erwieħ, il-predikazzjoni lill-Poplu, l-edukazzjoni reliġjuża u morali tal-insara speċjalment tat-tfal; t-tagħlim katekistiku u l-formazzjoni liturġika; il-prestiġju tal-istat klerkali u fl-aħħarnett l-opri varji li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-apostolat mqaddes. Anke l-iskejjel kattoliċi tar-reliġjużi huma soġġetti għall-Ordinarju tal-post, f’dak li jirrigwarda l-ordinament ġenerali tagħhom u l-kontroll fuqhom, fil-waqt li jibqa mħares id-dritt tar-Reliġjużi dwar id-direzzjoni tal-iskejjel. Hekk ukoll ir-reliġjużi huma obbligati josservaw dawk id-dispożizzjonijiet li l-Konċilju jew il-Konferenzi Episkopali leġittimament jistabilixxu għal kulħadd.

 

(5)                Jingħata appoġġ lill-kollaborazzjoni ippjanata fost l-Istituti Reliġjużi varji, kif ukoll bejn dawn u l-kleru djoċesan. Iżjed ukoll, għandu jsir b’mod li kollha kemm huma l-opri tal-ħidma apostolika jkunu ko-ordinati sewwa bejniethom: dan jinkiseb l-iktarnett billi tiġi mħarsa dik id-dispożizzjoni tal-moħħ u tal-qalb li hija mibnija u (mxenxla) mwaqqfa fuq il-karità. Lis-Santa Sede jmis li tippromowovi dan il-koordinamenti għall-Knisja kollha; lir-Ragħjja Mqaddsa f’kull waħda mid-djoċesi lis-Sinodi Patrijarkali u lill-Konferenzi tal-isqfijiet fit-territorji tagħhom.

F’dak li jirrigwarda l-opri tal-apostolat, mwettaq mir-Reliġjużi, l-Isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali minn naħħa l-waħda u s-Superjuri Reliġjużi jew il-Konferenzi tas-Superjuri Maġġuri minn naħħa l-oħra, ħa jieħdu l-passi meħtieġa wara li jkunu semgħu l-parir ta’ xulxin.

 

(6)                Sabiex jiġu mrawwma relazzjonijiet tajba u li jħallu frott, bejn l-Isqfijiet u r-Reliġjużi, tkun ħaġa tajba li l-Isqfijiet u r-Reliġjużi jiltaqgħu perjodikament jew meta dan ikun meqjus utli, sabiex jiġu ittrattati affarijiet li inġenerali għandhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-apostolat fit-territorju tagħhom.

 

 

 

 

 

KAPITLU III

DWAR L-ISQFIJIET LI JĦINU GĦAL ĠID KOMMUNI TA’ ĦAFNA DJOĊESIJIET

(1)                Dwar is-Sinodi, Konċilju u speċjalment dwar il-Konferenzi Episkopali.

Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-Isqfijiet mqegħdin fuq knejjes partikolari, f’għaqda ta’ karità ta’ aħwa u mqanqlin minn żelu ta’ mħabba għall-missjoni universali afdata lill-Appostli, ġabru flimkien il-ħila u l-fehmiet tagħhom, sabiex iġibu l-quddiem il-ġid kommuni u dak ta’ kull waħda  mill-knejjes. Għal dan l-iskop ġew imwaqqfin kemm is-Sinodi, kemm il-Konċilju Provinċjali kif ukoll fl-aħħarnett il-Konċilju Plenarji, li fihom l-Isqfijiet iddeċidew sistemi kommuni li għandhom jieħdu fit-tagħlim tal-veritajiet tal-Fidi u biex jirregolaw id-dixxiplina ekkleżjastika.

Issa dan l-Imqaddes Sinodu Ekumeniku, jixtieq li l-Istituzzjoni meqjuma tas-Sinodi u tal-Konċilji terġa tieħu ħajja ġdida, sabiex jittieħed ħsieb b’mod iktar xieraq u effikaċi tat-tkattir tal-Fidi, u tal-ħarsien tad-dixxiplina fil-knejjes varji, skond it-tibdil taċ-ċirkostanzi taż-żminijiet.

Speċjalment fiż-żminijiet tagħna, ta’ spiss l-Isqfijiet b’diffikoltà jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod xieraq u bi riżultati tajba, mingħajr il-kooperazzjoni dejjem iżjed mill-qrib u għalenija ta’ l-Isqfijiet l-oħra. U ġaladarba l-Konferenzi Episkopali – diġà mwaqqfin f’ħafna nazzjonijiet – taw prova s’issa ta’ apostolat iktar fejjiedi, dan l-Imqaddes Konċilju jirritieni li tkun ħaġa ferm utili li fid-dinja kollha l-Isqfijiet ta’ l-istess nazzjon jew reġjuni, jiltaqgħu perjodikament  bejniethom, sabiex billi jagħtu u jirċievu esperjenzi u pariri, joħolqu kollaborazzjoni qaddisa għall-ġid kommuni tal-knejjes.

Dan il-Konċilju għalhekk, dwar, il-Konferenzi Episkopali jistabilixxi dan li ġej:

(1) Il-Konferenza Episkopali hija għamla ta’ organiżżazjoni li fiha r-Ragħajja Mqaddsa ta’ nazzjon jew territorju determinat jwettqu f’għaqda flimkien il-ministeru pastorali tagħhom, għat-tkattir tal-ġid li l-Knisja toffri lill-bnedmin, speċjalment għaċ-ċirkostanzi tal-epoka tagħna

(2) Jappartienu lill-Konferenza Episkopali, l-Ordinarji lokali kollha ta’ kull rit – bl-eċċezzjoni tal-Vigarji Ġenerali – il-koadjaturi, l-Awżiljari u l-Isqfijiet l-oħra titulari, inkarigati għal xi uffiċċju speċjali mis-Santa Sede jew mill-Konferenza Episkopali. L-Isqfijiet titulari l-oħra u – in vista tal-uffiċċju partikolari li jwettqu fit-territorju – il-Legati tal-papa, m’humiex bi dritt, membri tal-Konferenza.

L-Ordinari lokali u l-koadjuturi fil-Konferenza, għandhom vot deliberativ. L-istatuti tal-Konferenza jiddiċiedu jekk l-Awżiljari u l-Isqfijiet l-oħra li għandhom dritt jieħdu sehem fiha, jkollhomx vot deliberativ jew konsultiv.

(3) Kull Konferenza Episkopali tfassal l-istatuti tagħha lil għandhom jiġu riveduti mis-Santa

Sede, li fihom – barra minn meżżi oħra – jiġu stabiliti l-uffiċċji li jaqblu l-iktar għall-iskop tagħha, bħal ma huma, per eżempju, il-Kumitat permanenti tal-Isqfijiet, il-Kummisjonijiet Episkopali u s-Segretarjat Ġenerali.

(4) Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza Episkopali, basta jkunu meħuda skond il-Liġi u għall-inqas b’żewġ terzi tal-voti tal-Isqfijiet, li jappartienu lill-Konferenza b’vot deliberativ, u li jkunu ġew sottoposti għall-eżami tas-Santa Sede, għandhom forza li jobbligaw ġuridikament, f’dawl il-każijiet biss, li jirrigwardaw materji tad-dritt kommuni, jew li ġew deċiżi minn xi preskrizzjoni speċjali tas-Santa Sede mogħtija jew b’motu proprju jew wara talba tal-istess konferenza.

(5) Jekk ċirkostanzi speċjali jitolbu dan, l-Isqfijiet ta’ iktar minn nazzjon waħda, bl-approvazzjoni tas-Santa Sede jistgħu jifformaw konferenza unika.

Għandhom  jiġu mogħtija importanza r-relazzjonijiet bejn Konferenzi ta’ diversi pajjiżi, sabiex il-ġid kommuni tal-Knisja jikber u jiġi mħares sewwa.

(6) Huwa irrikmandat bil-ħeġġa kollha li l-Isqfijiet tal-knejjes Orjentali, fil-waqt li jġibu l-quddiem  id-dixxiplina tal-Knejjes tagħhom fi ħdan is-Sinodi, u bil-għan li jiffavurixxu b’mod dejjem iktar effikaċi l-ħidmiet maħsuba għall-ġid tar-reliġjon, jżommu wkoll quddiem għajnejhom il-ġid komuni tat-territorju kollu fejn ikunu jinsabu għadd ta’ knejjes ta’ rit divers, u jqabblu l-opinjonijiet tagħhom fl-laqgħat interterritorjali skond id-direttivi li  jiġu mogħtija mill-Awtorità kompetenti.

 

(II)   Iċ-cirkoskrizzjoni tal-Provinċji Ekklesjastiċi u t-twaqqif ta’ Reliġjonijiet Ekklesjastiċi.

Il-ġid tal-erwieħ jesiġi li jingħataw limiti adegwati mhux biss lid-djoċesi imma wkoll lill-provinċji ekkleżjastiċi; anzi xi drabi juri l-utilità li jitwaqqfu sezzjonijiet ekkleżjastiċi sabiex il-ħtieġijiet soċjali u lokali jiġu milħuqa aħjar u sabiex isiru iktar bil-ħeffa u bi profitt, il-kuntatti tal-Isqfjijiet bejniethom, mal-Metropoliti, u mal-Isqfijiet l-oħra tal-istess nazzjon, kif ukoll mal-Awtoritajiet Ċivili

 

Għaldaqstant dan l-Imqaddes Sinodu, sabiex jiltaħqu l-għanijiet imsemmija, jiddisponi dan li ġej:

(1) Huwa floku li jiġu eżaminati mill-ġdid iċ-ċirkoskrizzjonijiet tal-provinċi ekkleżjastiċ li jiġu definit b’normi ġodda id-drittijiet u l-privileġġi tal-Metropoliti.

(2) Tinżamm bħala regola li d-djoċezijiet kollha u ċ-ċirkoskrizzjonijiet territorjali l-oħra li huma ekwiparati għad-djoċeżijiet, jiġu assenjati lil xi provinċja ekkleżjastika. Għalhekk, dawk id-djoċesijiet, li illum huma immedjatament soġġetti għas-Santa Sede, u li ma humiex diġà magħquda ma djoċesi oħra, jekk hu possibbli jifformaw provinċja ekkleżjastika ġdida, jew jingħaqdu mal-provinċja l-iktar qariba jew li taqbel għalihom u jkunu mqegħda taħt il-jedd metropolitiku ta’ l-Arċisqof, kif jitlob id-dritt komuni.

(3) Jekk tinħass l-utilità, il-provinċji ekkleżjastiċi jiġu mqassmin f’distretti ekkleżjastiċi, u lilhom jiġi mogħti ordinament ġuridiku.

Jixraq li l-Konferenzi Episkopali kompetenti, jeżaminaw ‘l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkoskrizzjoni tal-provinċji u mat-twaqqif tad-distretti, skond in-normi diġa mogħtija fin-numri, 23, 24, għaċ-ċirkoskrizzjoni tad-djoċesijiet, u imbagħad iressqu lis-Santa Sede, il-pariri u d-deċiżjonijiet tagħhom.

 

           (III)  Dwar l-Isqfijiet li għandhom kariga interdjoċesana.

Ġaladarba, il-ħtiġiet pastorali jitolbu iżjed minn qabel li xi karigi pastorali jkollhom unità fil-għan u fit-tmexxija, hija ħaġa siewja li jiġu mwaqqfa xi uffiċċi, li jistgħu jaqdu lid-djoċesijiet kollha jew lill-għadd ta’ djoċesijiet ta’ xi distrett jew nazzjon determinat; uffiċċi li jistgħu jiġu afdati anke lill-Isqfijiet.

Issa dan l-Imqaddes Konċilju jirrikmanda, li bejn il-Prelati jew Isqfijiet li jrieġu dawn l-uffiċċi minn naħħa l-waħda u l-Isqfijiet djoċesani u l-Konferenzi Episkopali minn naħa l-oħra issaltan dejjem l-unjoni fil-fehmiet u jkunu għalenija għall-ħidma pastorali, fuq prinċipji li għandhom jiġu definiti mid-dritt komuni.

Peress li l-assistenza spiritwali lis-suldati, minħabba l-kundizzjonijiet partikolari tal-ħajja tagħhom, tirrikjedi premura u żelu, f’kull nazzjoni, sakemm ikun possibbli, jiġi mwaqqaf il-Vigarrjat kastensi. Kemm il-Vigarju, kif ukoll il-kappellani militari għandhom jiddedikaw ruħhom b’ħeġġa li ma tgħejjix għal dan ‘l-ministeru diffiċli, fil-waqt li jżommu konsultazzjoni u ftehim mal-Isqfijiet djoċesani. (1)

Għal dan il-għan, l-Isqfijiet djoċesani jikkonċiedu lil Vigarju kastrensi, għadd biżżejjed ta’ saċerdoti tajbin għal dan l-uffiċċju u għandhom jifflavorixxu l-inizjattivi maħsuba għall-ġid spiritwali tas-suldati. (2)

 

MANDAT ĠENERALI

Dan l-Imqaddes Sinodu jiddisponi li fir-reviżjoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, jiġu definiti liġijiet xierqa fuq il-pronċipji deċisi f’dan id-Digriet, u jiġu meħuda f’konsiderazzjoni l-osservazzjonijiet  mressqin mill-Kummissjonijiet u mill-Padri tal-Konċilju.

Dan l-Imqaddes Sinodu jippreskrivi wkoll li jiġu mħejjija Direttorji ġenerali dwar il-kura tal-erwieħ, biex jinqdew bihom kemm l-Isqfijiet kif ukoll il-kappillani, bil-għan li jissuġġerulhom għamliet u metodi ħalli jwettqu aħjar u iktar faċilment il-ministeru pastorali tagħhom.

Jiġi mħejji anki Direttorju speċjali għall-kura pastorali ta’ gruppi partikolari ta’ nsara, li fih jigu meħuda f’konsiderazzjoni l-qagħdiet diversi ta’ kull nazzjon jew distrett; hekk ukoll jiġi mħejji Direttorju għat-tagħlim katekistiku tal-poplu, li fih jitniżżlu mhux biss l-prinċipji fondamentali ta’ dan it-tagħlim, imma wkoll jiġu ttrattati wkoll l-orjentament u tħejjija tal-kotba li għandhom x’jaqsmu ma dil ħaġa. Meta jkunu qed jiġu ifformati dawn id-Direttorji wkoll, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjonijiet u ta’ l-Padri Konċiljari wieħed għandu jżommhom quddiem għajnejh.

Fl-isem tat-Trinità Mqaddsa u indiviżibbli, l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu. Il-ħwejjeġ kollha miġbura f’dan id-Digriet ġew approvati mill-Padri tal-Konċilju Mqaddes.

U aħna, bis-setgħa Apostolika, mogħtija lilna minn Kristu flimkien mal-Venerabbli Padri, fl-Ispirtu Santu napprovawhom nippreskrivuhom u ninponuhom fil-waqt li nordnaw li dak li ġie dekretat b’mod sinodali jiġi promulgat għall-glorja t’Alla.

Ruma, f’San Pietru, it-28 ta’ Ottubru 1965

Jiena Pawlu, Isqof tal-Knisja Kattolika

(Isegwu l-firem tal-Padri Konċiljari).

 

 

 

(1)                Cfr. Matt. 1, 21

(2)                Cfr. Jo. 20, 21

(3)                Cfr. Conċ Vat 1 Sessio IV. Const, Dogm. 1. De Ecclesia Christi, Proem, Denz. 1821 (3061)

(4)                Cfr. Conċ. Vat i. Sessio IV. Const dogm. De ecclesis Christi Proem, Denz. 1821 (3050)

(5)                Cfr. Conċ. Vat II. Const. Dogm. De Ecclesia. Cap III.nn.21.24.25 A.A.S. 57, 1965. Pp.24-25. 29-31

(6)                Cfr. Conċ. Vat. II Const. Dogm. De Ecclesia. Cap III, n.21: A.A.S. 57, 1965. Pp. 24-25.

(7)                Cfr. Jaonnes XXIII.  Sonst. Apost. ‘’Humanae Salutis’’ 25 dec. 1961 A.A.S. 54.1962. p.6.

(8)    Cfr. Conċ. Vat . Conss. Dogm. De Ecclesia. Cap. III.n.22 A.A.5.57 1965. Pp.25-27

(9)    Conċ. Vat. II Const. Dogm. De Ecclesia. Fl-istess. Poss.

(10)  Conċ. Vat. II. Const. Dogm. De Ecclesia, fl-istess.

(11)  Conċ. Vat. II.  Const. Dogm. De Ecclesia. Fl-istess.

(12)  Cfr. Paulus VI. Motu Proprio ‘’Aposolica Solocitudo’’, 15 sept 65.

(13)  Cfr. Conċ. Vat. II. Const. Dogm. De Ecclesia. Cap III. N.23 A.A.S. 56. 1965. Pp.27-28.

(14) Cfr. Pius XII, Litt. Fidei Donum. 21 april 1957: A.A.S. 49. 1957. P.237, u l-paġni li jsegwu:Hekk ukoll Benedictus XV Epist. Ap. Maximum illud. 30 nov. 1919; A.A.S. 11, 1919 p.440; PiusXI, Litt Encyc. Rerum Ecclesias. 28. Febr. 1926: A.A.S. 18. 1926 p.68.

(15)  Cfr. Paulus VI. Allocutio lil Kardinali, Isqfijiet u Prelati u uffiċjali tal-Kurja Romana, 21 Sept. 1963: A.A.S. 55, 1963, p. 793 eċċ.

(16)  Cfr. Conċ. Vat. II. Degr. De Ecclesis Orientalibus Catholicis, 21 nov. 1964. Nn.7.11. A.A.S. 57. 1965 pp. 79-80.

(17)  Cfr. Conċ. Trid. Sess V. Decr. De reform. C.2 Mansi 33, 30; Sess XXIV. Decr.de reform c. Mansi 33, 159 (Cfr. Conċ. Vat II Const. Dogm. De Ecclesia. Cap. III. N. 25. A.A.S. 57, 1965. P. 29 u l-bqija.

(18)  Cfr. Conċ. Vat II. Const. Dogm. De Ecclesia. Cap III. N. 25; A.A.S. 57, 1965 pp. 29-31.

(19)  Cfr. Joannes XXIII. Litt. Encyl. Pacem in terris, ii april. 1963 f’diversi bnadi. A.A.S. 55, 1963. Pp. 257-304.

(20)  Cfr. Paulus VI Litt. Encyl. Ecclesiam Suam, 6, awissu 1964. A>A>S. 56, 1964, p. 639.

(21)  Cfr. Paulus VI, Litt. Encyl. Ecclesiam Suam. 6 Awissu 1964: A.A.S. 56, 1964, pp. 644-645.

(22)  Cfr. Conċ Vat II. Decr. De instrumentis communicationis socialis 4 dec 1963: A.A.S. 56, 1964. Pp. 145-153.

(23)  Cfr. Conċ Vat II Const. De Sacra Liturgia. 4 dec 1963; A.A.S. 56. 1964.p.  97 u l-bqija; Paulus VI. Mosu Proprio Sacram Liturgiam 25 jan. 1964: A.A.S. 56, 1964 pag. 139 u l-bqija.

(24)  Cfr. Pius XII, Encycl. Mediatore Dei. 20 nov. 1947. A.A.S. 39.1947, p. 251 u l-bqija: Paulus VI Litt Encyl ‘’Mysterium Fidei’’ 3 sept 1965.

(25)  Cfr. Act. 1.14 u 2.46.

(26)  Cfr. Conċ Vat. II. Kost Domm. De Ecclesia. Kap VI, n. 44-45: A.A.S. 57, 1965. Pp 50-52.

(27)  Cfr. Luc 22. 26-27.

(28)  Cfr. Jo. 15, 15.

(29)  Cfr. Conċ. Vat II Decr. De Oecumenismo. 21 nov. 1964; A.A.S. 57, 1965. Pp. 90-107.

(30)  Cfr. S. Pius X. Motu Proprio Jampridem. 19 mar. 1914; A.A.S. 6. 1914. P. 174 sqq; Pius XII Const Apost. Exul Familia, 1 t’Awissu 1952: A.A.S. 44.1952 p. 652 sqq. ‘’leges Operis Apostolatus Maris, mogħtija bis-setgħa tal-papa Piju XII 21 Nov. 1957: A.A.S. 50, 1958. P. 375 sqq.

(31)  Cfr. Conċ. Vat. II Degr. De Ecclesiis Orientalibus Catholics, 21 nov. 1964, n.4: A.A.S. 57, 1965. P. 77.

(32)  Cfr. Jo. 13, 35.

(33)  Cfr. Pius XII, Allocutio, 8 dec. 1950: A.A.S. 43, 1951. P. 28: cfr. Wkoll Pawlus VI Allocutio. 23 mejju 1964; A.A.S. 56. 1964. P. 571.

(34)  Cfr. Leone XIII. Const. Ap. Romanos Pontifices. 8 mejju 1891: Acta Leonis XIII, vol 11, 1882; p. 234.

(35)  Cfr. Paulus VII Allocutio, 23 Mejju 1964: A.A.S. 56. 1964. Pp. 570-571.

(36)  Cfr. Pius XII Allocutio, 8 dec. 1950; l.c.

(37)  Cfr. S.C. Consistorialis Instructio de Vicarlis Castrensibus, 23 april 1951; A.A.S. 43, 1951 pp. 562-565. Formula servanda in relations de statu Vicariatus Castrensis conficienda. 20 oct. 1956: A.A.S. 49, 1957; pp 150-163; Decr. De Sacrorum Liminum Visitations a Vicariis Castrensibus paragenda, 28 Frar 1959; A.A.S. 51. 1959, pp. 272-74; Degr. Facultas audiendi confessiones militum Cappellanis extenditur, 27 nov, 1960;A.A.S. 53, 1961 pp. 49-50. Cfr. Ukoll S.C. de Religiosis; Instructio de Cappellanis militum religiosis. 2 frar 1955; A.A.S. 47. 1955. Pp. 93-97.

(38)  Cfr. S.C. consistorialis: Ittra lir-Rev. Mi Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Ordinari tal-artijiet spanjoli. 21 ta; Ġunju 1951; A.A.S. 3, 1951; p.566.

 

 

 

 

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web