Pages Menu
TwitterFacebook
Categories Menu

Posted on Nov 25, 2012 in Uncategorized |

Apostolicam Actuositatem

Apostolicam Actuositatem

  • Facebook
  • Twitter
  • Delicious
  • LinkedIn
  • StumbleUpon
  • Add to favorites
  • Email
  • RSS

ID-DIGRIET TAL-KONĊILJU VATIKAN II

DWAR L-APOSTOLAT TAL-LAJĊI

  

 

(Apostolicam Actuositatem)

 

18 Novembru 1965

 

 

 


L-INTRODUZZJONI

 

1.     Il-Bżonn tal-lum għall-Apostolat Kbir tal-Lajċi

Biex igħin aktar il-ħidma apostolika tal-Poplu t’Alla, (1) is-Sagru Konċilju ħaseb b’ħerqa fis-sekulari Nsara dwar is-sehem proprju tagħhom, li hu tant meħtieġ, fil-missjoni tal-Knisja, diġà ttrattata f’postijiet oħra (2). L-apostolat tal-lajċi li ġej mill-istess sejħa Nisranija tagħhom, ma jista’ jonqos qatt fil-Knisja.

Din il-ħidma kienet spontanea fl-ewwel żminjiet tal-Knisja u tat ħafna frott kif jidher ċar mill-Kotba Mqaddsa (3).

Iż-żminijiet tagħna jitolbu wkoll dan iż-żelu tas-sekulari, anzi l-kondizzjonijiet tal-lum jitolbu apostolat aktar imħeġġeġ u aktar wiesa’. Aktar ma l-lum jiżdiedu l-bnedmin, aktar ma jsir progress fix-xjenzi u fit-teknika, aktar jitwessa l-qasam ta’ l-apostolat tas-sekulari bil-problemi ġodda li jitolbu minnhom attenzjoni u studju. Dan l-apostolat tas-sekulari sar aktar urġenti billi ħafna postijiet ħadu l-indipendenza u kibret il-pluralità tal-ħajja umana li kultant tbegħdet mill-ordni morali u reliġjuż bi ħsara tal-ħajja Nisranija.

Mhux biss, iżda f’ħafna postijiet fejn l-għadd ta’ saċerdoti hu żgħir, jew, kif ħafna drabi qiegħed jiġri, is-saċerdoti huma mċaħħda  mil-libertà tal-ministeru tagħhom, il-Knisja mingħajr il-ħidma tas-sekulari bilkemm tista’ tkun preżenti u bilkemm tista’ twettaq il-missjoni tagħha.

Minn dan jidher li quddiem il-problemi differenti u urġenti, l-opra ta’ l-Ispirtu Santu trid li l-lajċi l-lum iħossu r-responsabbiltà tagħhom u jiġu mħeġġin għas-servizz ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

F’dan id-Digriet, il-Konċilju jrid li jfisser in-natura, il-kwalità u l-varjetà ta’ l-apostolat tal-lajċi u jagħti direttivi pastorali biex dan l-apostolat jaħdem b’riżultati tajbin. Dan kollu li ġej għandu jitqies bħala regola magħrufa mil-liġi  kanonika dwar l-apostolat tas-sekulari.

L-EWWEL KAPITLU

 

IL-VOKAZZJONI TAL-LAJĊI GĦALL-APOSTOLAT

 

2.     Is-Sehem tal-Lajċi fil-Missjoni tal-Knisja

Il-Knisja ġiet mwaqqfa biex ixxerred is-saltna ta’ Kristu mad-dinja kollha għall-glorja t’Alla l-Missier, u biex il-bnedmin kollha jieħdu sehem (4) fil-fidwa għas-salvazzjoni tagħhom u biex permezz tal-bnedmin id-dinja kollha temmen fi Kristu. Il-ħidma kollha tal-Ġisem Mistiku biex jintlaħqu dawn l-iskopijiet tissejjaħ ‘apostolat’ li l-Knisja permezz tal-membri kollha tagħha teżerċita b’diversi modi, is-sejħa Nisranija, min-natura tagħha, hija wkoll vokazzjoni għall-apostolat. Kif fil-ġisem ħaj, ebda parti ma tista’ tibqa’ passiva, iżda tieħu sehem fil-ħajja u l-ħidma tal-ġisem, hekk ukoll fil-Ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja, ˝il-ġisem kollu… skond il-ħidma ta’ kull biċċa, jaħdem il-kobor tiegħu” (San Pawl lill-Efesin 14:16). Infatti dan il-Ġisem hu tant ‘magħqud u msaħħaħ bl-irbit’ (Efesin 4:6), li jekk xi membru ma jieħux sehem fil-ħidma tal-Knisja dan la jista’ jiswa lill-Knisja kif lanqas lilu nnifsu.

Fil-Knisja hemm ministerji differenti, iżda missjoni waħda. Lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom minn Kristu ġie mogħti d-dmir li f’ismu u bis-setgħa tiegħu jgħallmu, jqaddsu u jiggvernaw. Il-laċi ġew mogħtija sehem mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u regali ta’ Kristu u għalhekk iwettqu l-parti tagħhom fil-missjoni tal-poplu kollu t’Alla fil-Knisja u fid-dinja (5). Dan l-Apostolat huma jwettquh bil-ħidma tagħhom billi jxerrdu l-Vanġelu u jqaddsu l-bnedmin u billi fl-affarijiet ta’ din id-dinja jdaħħlu u jsaħħu  l-Ispirtu tal-Vanġelu, b’tali mod li din il-ħidma tagħhom fid-dinja tkun xhieda ħajja ta’ Kristu għas-salvazzjoni tal-bnedmin. Is-sekulari huma msejħin biex waqt li jgħixu fost l-affarijiet tal-ħajja tad-dinja, imħeġġa bi spirtu Nisrani, jagħmlu apostolat li jservi ta’ ħmira fid-dinja.

 

3.     Il-Pedamenti ta’ l-Apostolat tal-Lajċi

Is-sekulari  jiksbu d-dmir u d-dritt għall-apostolat mill-istess għaqda tagħhom ma’ Kristu li hu r-Ras tal-Ġisem Mistiku. Infatti, permezz tal-Magħmudija huma jsiru parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, permezz tal-Griżma ta’ l-Isqof, imsaħħa mill-qawwa ta’ l-Ispirtu Santu, jiġu maħtura minn Kristu stess għall-apostolat. Huma jiġu konsagrati biex jiffurmaw saċerdozju regali u ġens qaddis (cfr. 1. Pietru 2:4-10) biex b’kull ħidma joffru opri spiritwali u jkunu fid-dinja kollha xhieda ta’ Kristu. Permezz tas-Sagramenti, l-aktar permezz ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa, tiġi mogħtija lilhom u mkattra fihom dik l-imħabba li hi r-ruħ ta’ l-apostolat kollu (6).

L-apostolat jitwettaq fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba li l-Ispirtu Santu jnissel fil-qlub tal-membri kollha tal-Knisja. Anzi, bil-qawwa tal-preċett ta’ l-imħabba, li hu l-ikbar kmandament tal-Mulej. L-insara kollha huma msejħa biex jagħtu glorja  ‘l Alla permezz tal-wasla tas-saltna tiegħu u ħajja eterna lill-bnedmin kollha biex jagħrfu ‘l Alla wieħed u veru u Ġesù Kristu  mibgħut fid-dinja minn Alla. (cfr. San Ġwann 17:3).

Għalhekk l-Insara kollha għandhom id-dmir għoli li jaħdmu biex il-bxara divina tas-salvazzjoni tiġi magħrufa u milqugħa mill-bnedmin kollha f’kull rokna tad-dinja.

Għat-twettiq ta’ dan l-apostolat, l-Ispirtu Santu li diġà jqaddes il-Poplu t’Alla permezz tal-ministeru u tas-sagramenti, jagħti lill-fidili doni speċjali u jqassamhom lil kulħadd skond kif irid hu (cfr. 1, Kor. 12: 7-11), biex ipoġġi lil ‘kull wieħed biex jaqdi lill-oħrajn, kull wieħed skond id-don li ħa, bħala amministratur tajjeb tal-grazzja t’Alla li hi ta’ ħafna xorta’, (1. Petr. 4:10) għall-ġid tal-ġisem kollu fl-imħabba (Eph 4:16).

Kull Nisrani, għaliex jirċievi dawn id-doni, anki l-aktar sempliċi, ikollu d-dritt u d-dmir li jeżerċitahom għall-ġid tal-bnedmin u tal-Knisja, kemm fl-istess Knisja u fid-dinja, bil-libertà ta’ l-ispirtu, li ‘jonfoħ fejn irid’ (San Ġwann 3:8) u fl-istess ħin fl-għaqda ma’ l-aħwa fi Kristu; l-aktar mar-rgħajja proprji, li għandhom id-dmir li jiġġudikaw dak li huwa ġenwin u ordinat fil-ħidma, mhux biex jintefa’ l-Ispirtu, iżda biex jiġi eżaminat kollox u jinżamm dak li hu tajjeb (cfr. 1. Tess 5: 12, 19, 21) (7).

 

4.     L-Importanza tal-Ħajja Spiritwali u l-Pjan Tagħha

Billi l-bidu ta’ l-apostolat kollu tal-Knisja hu Kristu mibgħut mill-Missier, jidher  ċar li l-frott ta’ l-apostolat tas-sekulari jiddependi mill-għaqda tagħhom ma’ Kristu, skond ma qal il-Mulej stess,  ̋Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jipproduċi ħafna frott, għaliex mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (San Ġwann 15: 4-5).

Din il-ħajja ta’ għaqda intima ma’ Kristu titkattar fil-Knisja permezz tal-

Għajnuniet spiritwali komuni għall-fidili kollha, l-aktar bis-sehem attiv fil-Liturġija Mqaddsa (8). Is-sekulari għandhom jagħmlu użu minn dawn l-għajnuniet b’tali mod li waqt li jkomplu bir-reqqa d-dmirijiet tad-dinja fil-kundizzjonijiet ordinarji tal-ħajja, ma jifirdux mill-ħajja tagħhom l-għaqda ma’ Kristu iżda jkomplu l-ħidma proprja tagħhom skond ir-rieda t’Alla u jżidu dejjem iżjed l-għaqda ma’ Kristu.

Jeħtieġ li l-lajċi jagħmlu progress f’din it-triq ta’ qdusija billi jfittxu li jirbħu kull diffikultà bil-prudenza u bil-paċenzja (9). Fil-ħsieb tal-familja u fix-xogħol l-ieħor tagħhom fil-ħajja m’għandhomx iħallu fil-ġenb l-ispiritwalità  tal-ħajja tagħhom iżda jiftakru f’dak li jgħid l-Appostlu: ‘Dak kollu li tagħmlu, kemm bil-kliem u kemm bil-għamil, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, waqt li iżżu ħajr ‘l Alla u lill-Missier permezz Tiegħu’(San Pawl lill-Kolossin 3:17). Ħajja bħal din titlob eżerċizzju li qatt ma jaqta’ ta’ fidi, tama u mħabba.

Biss fid-dawl tal-fidi u tal-meditazzjoni tal-kelma t’Alla hu possibbli, dejjem u kullimkien, li nagħrfu ‘l Alla li fih  ̋ngħixu, niċċaqalqu u ninstabu ”(Atti ta’ l-Appostli, 17:28). F’kull ħaġa għandna nfittxu r-rieda t’Alla; f’kull bniedem, fil-qrib u fil-bogħod, għandna naraw lil Kristu. Għandna niġġudikaw sewwa l-veru sens u l-veru valur li l-affarijiet ta’ din id-dinja għandhom fihom infushom u fl-ordni tal-fini tal-bniedem.

Min għandu fidi bħal din igħix fit-tama tar-rivelazzjoni ta’ wlied Alla, fit-tifkira tas-salib u tal-qawmien minn bejn l-imwiet tal-Mulej.

Fil-pellegrinaġġ tal-ħajja preżenti, il-lajċi, misturin ma’ Kristu f’Alla u ħielsa mill-jasar tal-għana, waqt li jħarsu lejn il-ġid etern, bil-ġenerożità kollha, għandhom jiddedikaw ruħhom kollha għat-tixrid tas-Saltrna t’Alla u biex iħeġġu u jipprefezzjonaw bl-ispirtu nisrani l-ordni tad-dinja. Fit-tfixkil tal-ħajja għandhom isibu l-qawwa fit-tama billi jaħsbu li  ̋t-tbatijiet taż-żmien preżenti ma huma xejn ħdejn il-glorja ġejjiena li trid tidher fina ” (San Pawl lir-Rumani 8:18).

Imħeġġin mill-imħabba li ġejja minn Alla, il-lajċi għandhom igħinu lil kulħadd u l-aktar lil ħuthom fil-fidi (cfr. San Pawl lill-Galatin 6:10), billi  ̋jwarrbu kull malizja u kull qerq, l-ipokresiji u l-għira u kull ħażen ieħor ” (1 San Pietru 2:1) u b’hekk jiġbdu lill-bnedmin lejn Kristu.

L-imħabba t’Alla, ̋imxerrda fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu Santu, li ġie mogħti lilna ” (Rom. 5:5) tagħmel lil-lajċi kapaċi li jfissru bir-realtà l-ispirtu tal-Beatitudni fil-kors tal-ħajja tagħhom. Meta jimxu wara Ġesù fqir, ma jitilfux il-kuraġġ quddiem in-nuqqas tal-ġid tad-dinja, lanqas ma jimtlew bihom infushom jekk ikollhom abbundanza ta’ dan il-ġid. Jekk jimitaw lil Ġesù umli, ma jimtlewx bil-vanaglorja (cfr. Gal. 5:26), iżda jfittxu li jogħġbu aktar ‘l Alla milli lill-bnedmin, lesti dejjem biex iħallu kollox għal Kristu (cfr. Luqa 14:26) u li jissaportu l-persekuzzjoni għall-Kristu (cfr. Luqa 14:26) u li jissaportu l-persukuzzjoni għall-imħabba tal-ġustizzja (cfr. Mattew 5:10), waqt li jiftakru fil-kliem tal-Mulej: ‘jekk xi ħadd irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jigi miegħi’ (Matt 16:24).

Meta jikkoltivaw il-ħbiberija Nisranija bejniethom il-lajċi jagħtu għajnuna lil xulxin f’kull neċessità.

Din l-ispiritwalità tas-sekulari għandha tieħu wkoll karatteristika partikulari mill-istat taż-żwieġ u tal-familja jew miċ-ċelibat jew mill-istat tar-romol, mill-mard jew mill-ħidma professjonali jew soċjali. Għalhekk il-lajċi għandhom bla waqfien jikkultivaw il-kwalitajiet u d-doti tagħhom u li jikkorrispondu mal-kondizzjonijiet tal-ħajja tagħhom u jagħmlu użu mill-grazzji li jirċievu mill-Ispirtu Santu.

Fuq kollox, dawk is-sekulari, li waqt li jimxu fuq il-vokazzjoni partikolari tagħhom, huma miktubin f’xi għaqda jew istitut approvat mill-Knisja, għandhom jagħmlu minn kollox biex jipprattikaw dik l-ispiritwalità li hi mitluba minn dawn l-għaqdiet jew istituti.

Is-sekulari kollha għandhom jagħtu wkoll każ tal-ħila professjonali, tas-sens tal-familja u tas-sens ċiviku u ta’ dawk il-virtujiet li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjonijiet soċjali, jiġifieri l-ispirtu ta’ ġustizzja, sinċerità, kortesija, qawwa ta’ l-ispirtu. Mingħajr dawn il-virtujiet lanqas ma jista’ jkun hemm vera ħajja Nisranija.

Xempju perfett ta’ din il-ħajja spiritwali u apostolika hija l-Beata Verġni Marija, Reġina ta’ l-Appostli, li waqt li kienet tgħix fid-dinja ħajja komuni bħal ta’ l-oħrajn, mimlija b’imħabba għall-familja u għax-xogħol, kienet dejjem magħqudin ma’ l-Iben tagħha u kienet tieħu sehem b’mod għal kollox singulari fl-opra tal-Feddej. U issa mtellgħa fis-Sema bir-ruħ u bil-ġisem ‘bl-imħabba tagħha ta’ omm tieħu ħsieb ta’ l-aħwa ta’ l-Iben tagħha li għadhom f’pellegrinaġġ f’din l-art u jinsabu mdawrin mill-perikoli u mid-dwejjaq sakemm jiġu mwasslin fil-patrija beata’ (10).

Is-sekulari kollha għandhom jonoraw lill-Madonna bl-akbar devozzjoni u jafdaw fil-ħarsien tagħha ta’ omm il-ħajja u l-apostolat tagħhom.

 

IT-TIENI KAPITLU

L-ISKOPIJIET TA’ L-APOSTOLAT TAL-LAJĊI

 

5.     Introduzzjoni

L-opra tal-fidwa ta’ Kristu waqt li min-natura tagħha għandha bħala skop is-salvazzjoni tal-bnedmin, tħaddan ukoll it-tiġdid ta’ l-ordni temporali kollu. Għalhekk il-missjoni tal-Knisja mhux biss li twassal il-messaġġ ta’ Kristu u l-grazzja tiegħu lill-bnedmin, iżda wkoll li tagħti l-ħajja u tipperfezzjona l-ordni temporali bl-ispirtu tal-Vanġelu.

Is-sekulari,  għalhekk, meta jwettqu l-missjoni tal-Knisja, jeżerċitaw l-apostolat tagħhom fil-Knisja u fid-dinja, fl-ordni spiritwali u f’dak temporali. L-ordni spiritwali u dak temporali, għalkemm distinti, iżda fl-uniku ħsieb t’Alla, huma hekk magħqudin li Alla stess irid iġedded fi Kristu d-dinja kollha biex jifforma ħolqien ġdid, li jibda fid-dinja, u jsir perfett fl-aħħar taż-żminijiet. Kemm fl-ordni spiritwali, kemm f’dak temporali, is-sekulari, li fl-stess ħin huma fidili u ċittadini, għandhom il-ħin kollu jiġu mmexxija mill-kuxjenza Nisranija.

 

6.     Apostolat ta’ evanġilazzazzjoni u ta’ qdusija.

Il-missjoni tal-Knisja għandha bħala skop is-salvazzjoni tal-bnedmin li tinkiseb bil-fidi fi Kristu u l-grazzja tiegħu. Għalhekk l-apostolat tal-Knisja u tal-membri kollha tagħha hu dirett qabel kollox biex iwassal lid-dinja l-messaġġ ta’ Kristu bil-kelma u bil-fatti u biex jagħti l-grazzja tiegħu. Dan iseħħ fuq kollox bil-ministeru tal-kelma u tas-sagrament, fdat b’mod speċjali lill-kleru, li fih il-lajċi wkoll għandhom sehem importanti xi jwettqu ‘biex ikunu anki huma kooperaturi tal-verità (San Ġwann 3:8). L-aktar f’dan l-ordni, l-apostolat tas-sekulari u l-ministeru pastorali jikkompletaw lil xulxin.

Il-lajċi  jiltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ okkażjonijiet biex jeżerċitaw l-apostolat tat-tixrid tal-Vanġelu u tal-qdusija. L-istess xhieda tal-ħajja Nisranija u l-għemil it-tajjeb magħmul bi spirtu soprannaturali għandhom il-forza li jiġbdu lill-bnedmin lejn il-fidi u lejn Alla, għaliex igħid il-Mulej:  ̋Hekk għandu jiddi dawlkom quddiem in-nies, biex jaraw l-għamil tagħkom tajjeb u jfaħħru ‘l missierkom li hu fis-smewwiet. ” (San Mattew 5:16).

B’danakollu, dan l-apostolat ma jikkonsistix biss fix-xhieda tal-ħajja; l-appostlu veru jfittex l-okkażżjonijiet biex iħabbar lil Kristu bil-kelma kemm lil dawk li ma jemmnux biex iwassalhom għall-fidi, kemm lil dawk li jemmnu biex igħallimhom, isaħħaħhom u jwassalhom għal ħajja aktar ferventi:  ̋għaliex l-imħabba ta’ Kristu trossna biex naħsbu dan ” (2 Kor. 5:14) u  fil-qalb ta’ kulħadd għandhom jidwu l-kelmiet ta’ l-Appostlu: ‘Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju’ (1 Kor. 9:16). (11).

Billi f’dan iż-żmien tagħna jinħolqu kwistjonijiet ġodda u jinxterdu erruri l-aktar gravi li jfittxu li jbattu mill-għeruq lir-reliġjon, l-ordni morali u l-istess soċjetà umana, dan is-sagru Konċilju jeżorta bil-ħeġġa lis-sekulari kollha, biex skond id-doti tal-għerf u tad-duttrina tagħhom, skond il-ħsieb tal-Knisja jwettqu bid-diliġenza kollha s-sehem tagħhom billi jfissru, jiddefendu u japplikaw sewwa l-prinċipji  l-problemi tal-lum.

 

7.     Il-ħajja Nisranija fl-ordni temporali

Dwar id-dinja, dan hu l-ħsieb t’Alla: li l-bnedmin, f’għaqda waħda, iġeddu u jipperfezzjonaw dejjem aktar l-ordni temporali.  Dak kollu li jifforma l-ordni temporali, jiġifieri l-ġid tal-ħajja, tal-familja, il-kultura, l-ekonomija, l-arti u l-professjoni, l-istituzzjonijiet tal-komunità politika, ir-relazzjonijiet tagħhom, mhux biss huma mezzi li bihom il-bniedem jista’ jilħaq l-iskop finali tiegħu, iżda għandhom ‘valur’ proprju, imqiegħed fihom minn Alla, kemm jekk kunsidrati fihom infushom, kemm jekk kunsidrati bħala parti mill-ordni temporali kollu.  ̋U Alla ra dak kollu li għamel u kienu tajba ħafna ”(Ġen 1:31). Din it-tjubija naturali ta’ l-affarijiet maħluqin, tirċievi dinjità speċjali mir-relazzjoni li għandhom mal-persuna umana li għas-servizz tagħha ġew maħluqin.

Fl-aħħarnett  għoġob ‘l Alla li jgħaqqad fi Kristu Ġesù l-affarijiet kollha,

naturali u soprannaturali, ‘biex Hu jkollu l-primat fuq l-affarijiet kollha’ (Kol.1:18). Din id-destinazzjoni, però, mhux biss ma ċċaħħadx l-ordni temporali mill-awtonomija tiegħu, mill-fini proprja tiegħu, mil-liġijiet proprji  tiegħu, mill-mezzi proprji tiegħu, mill-importanza tiegħu, għall-ġid tal-bniedem, iżda anzi tipperfezzjonah fis-sbuħija u fl-eċċellenza proprja u fl-istess ħin tadattah għall-vokazzjoni sħi]a tal-bniedem fl-art.

Fil-kors ta’ l-istorja, l-użu ta’ l-affarijiet ta’ din id-dinja ġie mtabba’ minn nuqqasijiet serji, għaliex il-bnedmin, bħala konsegwenza tad-dnub oriġinali, ħafna drabi waqgħu f’bosta żbalji dwar il-veru Alla, dwar in-natura tal-bniedem u dwar il-prinċipji tal-liġi morali. Minn dan ġew imħassrin il-kostumi  u l-istituzzjonijiet umani u spiss ġiet imżebilħa l-istess persuna umana.

Ukoll fi żminjietna, ħafna huma mxaqilbin lejn speċi ta; idolatrija ta’ l-affarijiet ta’ din id-dinja u saru aktar irsiera milli sidien tagħhom, għaliex qegħdin ipoġġu fiduċja  żejda wisq fil-progress tax-xjenzi u tat-teknika.

Hu dmir tal-Knisja kollha li tgħin lill-bnedmin biex ikunu kapaċi jagħmlu użu tajjeb mill-ġid temporali b’mod li jwassal għand Alla permezz ta’ Kristu.

Hu dmir tar-Rgħajja li jfissru b’mod ċar il-prinċipji dwar l-iskop tal-ħolqien u l-użu tal-ħwejjeġ tad-dinja; li jagħtu l-għajnuna morali u spiritwali biex l-ordni temporali  jiġi mġedded fi Kristu.

It-tiġdid ta’ l-ordni temporali hu dmir proprju tal-lajċi  li, immexxijin mid-dawl tal-Vanġelu u mid-Duttrina tal-Knisja u mqanqlin mill-karità Nisranija, għandhom jaħdmu f’dan il-qasam direttament u b’mod prattiku. Bħala ċittadini jikkooperaw maċ-ċittadini l-oħrajn skond il-ħila partikolari tagħhom u bir-responsabbiltà  proprja: ifittxu kullimkien u f’kull ħaġa l-ġustizzja tas-Saltna t’Alla.

L-ordni temporali għandu jiġġedded b’mod li jiġu rispettati għal kollox il-liġijiet ta’ din l-ordni u jitjieb skond il-prinċipji tal-ħajja Nisranija u jiġi adattat skond il-kundizzjonijet differenti tal-post, taż-żmien u tal-popli. Fost l-opri ta’ dan l-apostolat hija meħtieġa ħafna l-ħidma soċjali ta’ l-insara li l-Konċilju  jixtieq li l-lum tixtered f’kull fergħa ta’ l-ordni temporali anki f’dik tal-kultura. (12).

 

8.     Il-ħidma ta’ karità

Għalkemm kull ħidma ta’ apostolat tibda u tissaħħaħ mill-imħabba, ċerti opri min-natura tagħhom stess jistgħu jsiru tifsira ħajja ta’ l-istess imħabba u Kristu Sidna ried li dawn l-opri jkunu sinjal tal-Missjoni tiegħu ta’ Messija (cfr. San Mattew, 11:4-5).

L-ikbar fost il-kmandamenti tal-Liġi hu li tħobb ‘l Alla b’qalbek kollha u lill-proxxmu bħalna nfusna (cfr. San Mattew 22:37-40). Iżda dan il-preċett ta’ mħabba lejn il-proxxmu. Kristu għamlu tiegħu u żejnu b’tifsira ġdida billi ried li jidentifika lilu nnifsu ma’ ħutu bħala oġġett ta’ l-imħabba meta qal:  ̋Kulma għamiltu ma’ l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi ”. (San Mattew 25:40).

Hu,  infatti, meta ħa n-natura umana, b’għaqda sopranaturali, rabat miegħu bħala familja tiegħu lill-umanità kollha, u ried li l-imħabba tkun is-sinjal tad-dixxipli tiegħu billi qal: ‘Minn dan jagħrafkom kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba lejn xulxin’. (San Ġwann 13:35).

Il-Knisja Mqaddsa li sa mill-ewwel żminijiet tal-bidu tagħha, għaqqdet flimkien l-‘agape’ maċ-Ċena Ewkaristika biex tidher magħquda kollha kemm hi fir-rabta ta’ l-imħabba madwar Kristu, f’kull żmien baqgħet tingħaraf minn dan is-sinjal ta’ mħabba, u waqt li tifraħ b’dak li jagħmel ħaddieħor, issostni li l-opri tal-karità u ta’ għajnuna lil xulxin, magħmula biex itaffu l-bżonnijiet tal-bnedmin, huma miżmumin mill-Knisja b’unur partikulari. (13).

Il-lum il-mezzi ta’ komunikazzjoni  saru aktar ħfief, id-distanzi bejn il-bnedmin kważi spiċċaw għal kollox u n-nies tad-dinja kollha saru qishom membri ta’ familja waħda, dawn il-ħidmiet u opri saru aktar urġenti u aktar universali, il-ħidma ta’ karità issa tista’ u għandha tħaddan il-bnedmin kollha u n-neċessitajiet kollha. Kullimkien insibu min hu nieqes mill-ikel, mix-xorb, mill-ħwejjeġ, mid-dar, mill-mediċini mix-xogħol, mit-tagħlim, mill-mezzi meħtieġa biex igħix ħajja tabilħaqq umana; min hu mnikket bid-dwejjaq u b’nuqqas ta’ saħħa, min qiegħed isofri l-eżilju jew il-ħabs. Dawn kollha għandhom jiġu mfittxijin u misjubin mill-karità Nisranija, għandhom jiġu msabbrin b’attenzjoni u mogħtija lilhom kull għajnuna. Dan l-obbligu hu fuq kollox ta’ dawk l-individwi u popli li jgħixu fil-ġid. (14).

Biex din il-ħidma ta’ karità tkun ‘il fuq minn kull suspett u tidher bħala tali, għandna naraw fil-proxxmu x-xbieha t’Alla u lil Kristu Mulej li lilu tabilħaqq jiġi mogħti dak li jingħata lil min hu fil-bżonn, għandna nagħtu każ, bl-aqwa delikatezza, tal-libertà u tad-dinjità tal-persuna li tirċievi l-għajnuna: l-intenzjoni retta m’għandhiex tkun imtappna mit-tfittix ta’ xi utilità proprja jew xi xewqa ta’ ħakma. (15). Qabel kollox għandhom jiġu mwettqa l-obbligi ta’ ġustizzja biex ma jiġrix li jiġi mogħti bħala rigal ta’ karità dak li għandu tkun mogħtija b’tali mod lil dawk li jirċevuha, bil-mod il-mod, jiġu meħlusin mid-dipendenza ta’ ħaddieħor u jsiru kapaċi li jgħixu mingħajr l-għajnuna ta’ l-oħrajn.

Għalhekk il-lajċi għandhom iħobbu l-opri ta’ karità u l-inizjattivi ta’ “assistenza soċjali” privati u pubbliċi anki internazzjonali u jgħinu kemm jistgħu dawn l-opri u inizjattivi li permezz tagħhom tingħata għajnuna ta’ siwi kemm lill-individwi u kemm lill-popli li jinsabu fil-bżonn u b’hekk jikkooperaw mal-popli kollha ta’ rieda tajba. (16).

 

 

 

 

IT-TIELET KAPITLU

OQSMA DIVERSI TA’ APOSTOLAT

9.     Introduzzjoni

Il-lajċi jagħmlu l-apostolat varju ragħhom kemm fil-Knisja u kemm fid-dinja. F’dawn iż-żewġ friegħi hemm oqsma diversi ta’ ħidma apostolika li minnhom irridu hawnhekk insemmu l-prinċipali. Dawn huma l-komunitajiet tal-Knisja, il-familja, iż-żgħażagħ, l-ambjent soċjali, l-ordni nazzjonali u internazzjonali.

Billi, imbagħad, fiż-żminijiet tagħna n-nisa qegħdin jieħdu sehem aktar attiv fil-ħajja soċjali kollha, huwa importanti ħafna li jieħdu sehem aktar anki fl-oqsma differenti ta’ l-apostolat tal-Knisja.

 

10.               Il-komunitajiet tal-Knisja

Il-lajċi għandhom sehem fil-missjoni ta’ Kristu saċerdot, profeta u re u għalhekk għandhom is-sehem attiv fil-ħajja u fil-ħidma tal-Knisja. Fil-ħdan tal-komunitajiet tal-Knisja, il-ħidma tal-lajċi hi hekk meħtieġa li mingħajrha l-istess apostolat ta’ l-Isqfijiet u tas-saċerdoti ma jistax għallinqas jilħaq l-effetti sħaħ tiegħu. Infatti l-lajċi li għandhom veru spirtu apostoliku, bħal per eżempju dak ta’ l-irġiel u n-nisa li kienu jgħinu lil San Pawl fit-tixrid tal-Vanġelu (cfr. Atti ta’  l-Appostli 18: 18-26); Rumani 16:3), jimlew dak li jonqos lil ħuthom u jinkoraġġixxu l-qalb kemm tar-ragħajja u kemm tal-membri l-oħra tal-poplu fidil (cfr. 1 Kor. 16: 17-18).

Imsaħħa mis-sehem attiv fil-ħajja tal-liturġija fil-komunità tagħhom, il-lajċi jieħdu sehem bil-ħerqa fl-opri ta’ apostolat ta’ din il-komunità; iwasslu fil-Knisja lil dawk li forsi huma mbegħdin minnha; jikkooperaw b’ġenerożità li jwasslu l-kelma t’Alla l-aktar permezz tat-tagħlim tal-katekiżmu; jagħmlu użu mill-kapaċità tagħhom biex il-kura ta’ l-erwieħ kif ukoll l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja jkollhom effetti aktar tajbin.

Il-parroċċa toffri eżempju ta’ apostolat ‘tal- komunità billi  tħallat flimkien id-differenzi umani li jeżistu u ddaħħalhom fl-universalità tal-Knisja. (17). Is-sekulari għandhom jidraw jaħdmu fil-parroċċa f’għaqda sħiħa mas-saċerdoti tagħhom; (18) għandhom iwasslu fil-komunità tal-Knisja l-problemi tagħhom u dawk tad-dinja u kull kwistjoni li għandha x’taqsam mas-salvazzjoni tal-bnedmin biex jiġu studjati u maħlulin bis-sehem ta’ kulħadd, il-lajċi għandhom skond il-ħila tagħhom jagħtu sehemhom f’kull inizjattiva ta’ apostolat u ta’missjoni tal-familja ekkleżjastika tagħhom.

Għandhom jikkoltivaw dejjem is-sens tad-djoċesi li tagħha l-parroċċa hija bħala  ċellula u jkunu dejjem lesti li jilqgħu l-istedina ta’ l-Isqof tagħhom biex jgħaqqdu l-forzi tagħhom fl-inizjattivi tad-djoċesi. Anzi biex igħinu l-bżonnijiet ta’ l-ibliet u ta’ l-irħula, (19) ma għandhomx  jilimitaw il-kooperazzjoni  tagħhom għall-parroċċi u  għad-djoċesi, iżda jwessgħu din il-ħidma fl-ambjenti bejn parroċċa u oħra, bejn djoċesi u oħra, u fl-ambjenti  nazzjonali u internazzjonali. Dan għandu jsir għaliex il-lum il-popolazzjonijiet qegħdin imorru minn post għall-ieħor, ir-relazzjonijiet saru aktar faċli u għalhekk ma jippermettux aktar li xi parti tas-soċjetà tibqa’ magħluqa fiha nfisha. Għalhekk ukoll għandhom igħinu lill-opri missjunarji billi jagħtuhom għajnuna materjali u anki personali. Hu, infatti, dmir u unur għall-insara li jroddu ‘l Alla parti mill-ġid li rċevew minn għandu.

 

11.                Il-familja

Billi l-Awtur tal-ħwejjeġ kollha waqqaf iż-żwieġ bħala bidu u pedament tas-soċjetà, u, bil-grazzja tiegħu, għamlu sagrament kbir fi Kristu u fil-Knisja (cfr. Eph 5:32), l-apostolat  tal-miżżewġin u tal-familji jakkwista importanza singulari kemm għall-Knisja u kemm għas-soċjetà ċivili.

Il-miżżewġin insara huma kooperaturi tal-grazzja  u xhieda tal-fidi bejniethom, ma’ wliedhom u ma’ dawk li jgħixu magħhom.  Il-ġenituri huma l-ewwel ħabbara tal-fidi u edukaturi ta’ wliedhom, jiffurmawhom għall-ħajja Nisranija u apostolika bil-kelma u bl-eżempju, igħinuhom, bl-attenzjoni kollha, fil-vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża jekk jaraw li din tnisslet fihom.

Kienu dejjem dmirijiet tal-miżżewġin,  u l-lum huma l-parti prinċipali ta’ l-apostolat tagħhom; (a) li juru u jwettqu bl-eżempju tal-ħajja tagħhom, li l-għaqda taż-żwieġ ma tinħallx u hi qaddisa; (b) li jiddefendu bil-qawwa d-dritt u d-dmir li għandhom min-natura l-ġenituri u t-tuturi li jedukaw b’mod Nisrani l-ulied; (ċ) li jiddefendu d-dinjità u l-awtonomija leġittima tal-familja.

Għalhekk il-ġenituri u l-fidili l-oħra,  jaħdmu mal-bnedmin ta’ rieda tajba, biex bil-liġijiet ċivili jiġu mwettqin u mħarsa dawn il-jeddijiet sagri. Fit-tmexxija tas-soċjetà għandu jingħata każ tal-ħtiġijiet tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam mad-djar, l-edukazzjoni tat-tfal, il-kundizzjonijiet  tax-xogħol, is-sigurezza soċjali u l-piżijiet fiskali. Fil-kontroll ta’ l-emigrazzjoni għandha assolutament tiġi assigurata l-għaqda tal-familja. (20).

Il-familja rċeviet mingħand Alla l-missjoni li tkun l-ewwel ċellula vitali tas-soċjetà. U din il-missjoni twettaqha meta bl-imħabba lejn xulxin tal-membri tagħha u bit-talb magħmul ‘l Alla flimkien, il-familja ssir santwarju tal-Knisja fid-dar; meta tħaddan il-ġustizzja u tagħmel opri tajbin ta’ għajnuna lil ħutna li jinsabu fil-bżonn.

Fost il-ħafna opri ta’ apostolat tal-familja rridu nsemmu dawn: li jiġu adottati bħala wlied it-tfal abbandunati; li jiġu milqugħin bi tjubija l-barranin; li  jiġu mgħejunin il-mexxejja ta’ l-iskejjel; li jiġu mgħejjunin iż-żgħażagħ bil-pariri u bil-mezzi ekonomiċi; li jiġu mgħejjunin l-opri tat-tagħlim tal-katekiżmu; li jiġu mgħejjunin il-miżżewġin u l-familji li jkunu materjalment jew moralment f’periklu; li x-xjuħ ikollhom mhux biss dak li jinħtieġu, iżda anki li jieħdu sehem mill-frott tal-progress  ekonomiku.

Il-familji Nsara li fil-ħajja kollha tagħhom jagħtu eżempju ta’ ħajja skond il-Vanġelu u juru xi jfisser iż-żwieġ Nisrani, jagħtu lid-dinja xhieda Nisranija l-aktar prezzjuża, dejjem u kullimkien, iżda l-aktar fil-postijiet fejn jiġi mħabbar għall-ewwel darba l-Vanġelu, jew fejn il-Knisja tinstab fil-bidu tagħha jew fejn il-Knisja qiegħda f’periklu serju. (21).

Biex il-familji jkunu jistgħu b’aktar ħeffa jilħqu l-iskop ta’ l-apostolat tagħhom,  ikun xieraq li jieħdu sehem f’xi għaqda. (22).

 

12.                 Iż-Żgħażagħ

Iż-żgħażagħ għandhom l-influwenza ta’ l-aqwa importanza fis-soċjetà moderna. (23). Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħhom, il-mentalità u l-istess relazzjonijiet ma’ l-istess familja tagħhom tbiddlu ħafna. Ħafna drabi jgħaddu wisq bil-ħeffa għall-qagħda soċjali u ekonomika ġdida. Waqt li qiegħda tiżdied dejjem aktar l-importanza tagħhom soċjali kif ukoll politika, jidhru qishom mhux imħejjijin biżżejjed għad-dmirijiet ġodda tagħhom.

Il-piż tagħhom li żdied fis-soċjetà jitlob minn għandhom ħidma apostolika li taqbel ma’ din ir-responsabbilità fis-soċjetà. Fl-aħħar mill-aħħar il-karattru tagħhom naturali jagħmilhom kapaċi għal din il-ħidma apostolika. Aktar ma tiżviluppa fihom il-kuxjenza tal-personalità tagħhom u jixtiequ li jieħdu posthom fil-ħajja soċjali u kulturali. Dan iż-żelu, imħeġġeġ mill-ispirtu ta’ Kristu u mill-ubbidjenza u mħabba lejn ir-rgħajja tal-Knisja jqanqal tamiet ta’ frott l-aktar abbundanti.

Huma għandhom isiru l-ewwel appostli taż-żgħażagħ billi jwettqu bejniethom l-apostolat waqt li jżommu quddiem għajnejhom l-ambjent soċjali li jgħixu fih. (24).

Il-kbar għandhom ifittxu li joħolqu maż-żgħażagħ djalogu ta’ ħbiberija, mingħajr ma jagħtu każ tad-differenzi ta’ l-età; li jifhmu lil xulxin u li jgħaddu lil xulxin l-għana ta’ ruħhom.  Il-kbar għandhom iħeġġu liż-żgħażagħ għall-apostolat l-aktar bl-eżempju, u meta jkun jeħtieġ anki bil-parir għaqli u b’għajnuna ta’ siwi. Iż-żgħażagħ għandhom juru rispett u fiduċja lejn il-kbar u għalkemm naturalment iħossuhom miġbudin lejn l-affarijiet ġodda, hu xieraq li japprezzaw it-tradizzjonijiet tajbin.

Anki t-tfal għandhom il-ħidma apostolika tagħhom. Skond il-forzi proprji tagħhom huma xhieda ħajja ta’ Kristu fost sħabhom.

 

13.               L-Ambjent Soċjali

L-Apostolat ta’ l-ambjent soċjali, jiġifieri l-impenn biex issawru bi spirtu Nisrani l-mentalità u l-kostumi, il-liġijiet u l-forom kollha tal-komunità li fiha wieħed igħix, hu dmir u obblligu tal-lajċi  għaliex minn oħrajn ma jistax jiġi mwettaq kif imiss. F’dan il-qasam il-lajċi jistgħu jwettqu l-apostolat fost sħabhom. Huma jagħtu xhieda tal-ħajja bix-xhieda tal-kelma (25). Fil-qasam tax-xogħol jew tal-professjoni jew ta’ l-istudju jew tad-dar,  fil-ħin liberu u fl-għaqdiet, il-lajċi  jistgħu jgħinu ħafna lil ħuthom.

Is-sekulari jwettqu din il-missjoni tal-Knisja fid-dinja; (a) qabel kollox billi jgħixu skond il-fidi tagħhom u permezz ta’ din il-fidi jsiru dawl tad-dinja, u billi jkunu onesti f’kull xogħol tagħhom u b’hekk jiġbdu lil kulħadd għall-imħabba tas-sewwa u tat-tajjeb li jwasslu fl-aħħar għall-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja; (b) bl-imħabba ta’ aħwa għall-imħabba tas-sewwa u tat-tajjeb li jwasslu fl-aħħar għall-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja; (b) bl-imħabba ta’ aħwa li permezz tagħha jieħdu sehem fil-kondizzjoni ta’ ħajja, tax-xogħol, tat-tbatijiet u tax-xewqat ta’ ħuthom u b’hekk bil-mod il-mod iħajru l-qalb ta’ kulħadd għall-ħidma tal-grazzja; (c) billi jifhmu sewwa s-sehem li għandhom fil-fini tas-soċjetà li għaliha jaħdmu fid-dar, barra mid-dar u fil-professjoni, b’ġenerożità Nisranija. Hekk il-ħidma tagħhom tidħol bil-ftit il-ftit fl-ambjent tal-ħajja u tax-xogħol.

Dan l-apostolat għandu jħaddan lil kulħadd u ma jiċħad ebda ġid spiritwali jew temporali li jkun possibbli li jsir. Iżda l-veri appostli ma għandhomx jikkuntentaw b’din il-ħidma biss, iżda għandhom iħabbru lil Kristu lill-proxxmu anki permezz tal-kelma. Ħafna bnedmin ma jistgħux jisimgħu l-Vanġelu u jagħrfu lil Kristu jekk mhux permezz tal-lajċi li huma qrib tagħhom.

 

14.               L-Ordni Nazzjonali u Internazzjonali

Il-qasam ta’ l-apostolat fl-ordni nazzjonali u internazzjonali hu immens l-aktar fejn il-lajċi huma ministri tal-għerf Nisrani. Fl-imħabba tal-patrija u fit-twettiq kuxjenzjuż tad-dmirijiet ċivili, il-Kattoliċi jħossuhom obbligati li jmexxu ‘l quddiem il-veru ġid komuni u għandhom iġegħelu lil ħaddieħor iħoss il-piż ta’ l-opinjoni tagħhom b’tali mod li s-setgħa ċivili titħaddem skond il-ġustizzja u l-liġijiet isiru skond il-liġijiet morali u għall-ġid komuni.

Il-Kattoliċi mħarrġin fil-politika u, kif hu naturali, marbutin b’rabta soda mal-fidi u mad-duttrina Nisranija, għandhom jaċċettaw il-karigi pubbliċi billi b’hekk jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom għall-ġid komuni u fl-istess ħin jiftħu t-triq għall-Vanġelu.

Il-Kattoliċi għandhom jagħmlu minn kollox biex jaħdmu flimkien mal-bnedmin kollha ta’ ried tajba biex dak kollu li hu veru, dak kollu li hu ġust, dak kollu li hu qaddis, dak kollu li jistħoqqlu l-imħabba jiġi mmexxi ‘l quddiem. Jagħmlu l-Kattoliċi d-djalogu mal-bnedmin l-oħra bil-prudenza u bil-ġentilezza u jagħmlu tfittix dwar istituzzjonijiet soċjali u pubbliċi biex daw  jiġu perfezzjonati skond l-ispirtu tal-Vanġelu.

Fost is-sinjali taż-żminjiet tagħna, ta’ min isemmi b’mod speċjali s-sens ta’ għaqda bejn il-popli kollha. Hu dmir ta’ l-apostolat tal-lajċi li jgħinu dan is-sens tas-solidarjetà billi jbiddluh f’imħabba vera u sinċiera ta’ aħwa.

Barra dan il-lajċi għandhom jinteressaw irwieħhom fil-qasam internazzjonali u fil-kwistjonijiet u soluzzjonijiet kemm dottrinali u kemm prattiċi l-aktar dwar il-popli li qegħdin fit-triq ta’ l-iżvilupp. (26).

Jiftakru  dawk  kollha li jaħdmu f’nazzjonijiet oħra jew jagħtuhom għajnuna li r-relazzjonijiet bejn il-popli għandhom ikunu bħal relazzjonijet bejn l-aħwa b’mod li l-parti u l-oħra jagħtu u jieħdu fl-istess ħin.

Dawk imbagħad li jivvjaġġaw biex jaqdu dmirijiet internazzjonali, jew għall-kummerċ, jew biex jagħtu xi għajnuna jiftakru li kullimkien huma anki messaġġiera ta’ Kristu u għandhom iġibu eweiħhom bħala tali.

 

 

 

IR-RABA’ KAPITLU

DIVERSI MANJERI TA’ APOSTOLAT

15.               Introduzzjoni

Il-lajċi  jistgħu jwettqu l-ħidma apostolika jew weħedhom jew magħqudin b’komunitajiet u għaqdiet diversi.

 

16.               Importanza ta’ apostolat individwali

L-apostolat li kull individwu jista’ jwettaq jiġi bl-abbundanza minn ħajja tabilħaqq Nistanija. Dan hu l-ewwel għamla u l-kondizzjoni ta’ kull apostolat tal-lajċi anki ta’ dawk magħqudin fħgħaqda. Mingħajr ħajja tassew Nisranija ma jistax ikun hemm veru apostolat.

Għal dan l-apostolat li jagħti frott dejjem u kullimkien u li f’ċerti ċirkostanzi hu l-uniku tajjeb u possibbli, huma msejħin u obbligati l-lajċi kollha, ta’ kull kondizzjoni, avolja ma jkollhomx l-okkażjoni jew il-possibilità li jagħtu s-sehem tagħhom fl-għaqdiet.

Ħafna huma l-għamliet ta’  apostolat li bihom il-lajċi jgħinu lill-Knisja u jqaddsu lid-dinja bl-ispirtu ta’ Kristu.

Għamla partikulari ta’ apostolat individwali u sinjal l-aktar xieraq anki fi żminijietna biex nagħtu xhieda ta’ Kristu li jgħix fil-fidili tiegħu, huwa li l-lajċi jgħixu bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba. F’ċerti każi mbagħad hu għal kollox meħtieġ, l-apostolat tal-kelma li permezz tagħha l-lajċi jħabbru lil Kristu, ifissru u jxerrdu d-duttrina tiegħu skond il-kondizzjoni u l-kapaċità ta’ kull wieħed u jipprofessaw fedelment din id-duttrina.

Bis-sehem tagħhom, bħala ċittadini ta’ din id-dinja, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġid u l-kura ta’ l-affarijiet ta’ din l-art, il-lajċi għandhom  fil-ħajja tal-familja, tal-professjoni, tal-kultura u fil-ħajja soċjali jfittxu, fid-dawl tal-fidi, l-iskopijiet lil ħaddieħor. B’hekk isiru kollaboraturi ta’ Alla ħallieq. Feddej u awtur tal-grazzji u b’hekk jigglorikawh.

Fl-aħħarnett, il-lajċi għandhom iqaddsu l-ħajja tagħhom b-imħabba u skond kemm jistgħu juruha bl-opri.

Kulħadd għandu jiftakar li bil-kult pubbliku u bit-talb, bil-paċenzja u billi nilqgħu malajr iit-taħbit u d-dwejjaq tal-ħajja nsiru nixbhu lil Kristu li bata (cfr. 2. Kor. 4: 10; Kol 1:24) u nistgħu nilħqu lill-bnedmin kollha u nagħtu s-sehem tagħna għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

 

17.               L-apostolat  individwali  f’ċirkostanzi partikulari

Dan l-apostolat individwali hu ta’ ħtieġa u urġenza f’dawk l-inħawi fejn il-libertà tal-Knisja hi mfixkla serjament. F’ċirkostanzi  hekk diffiċli, il-lajċi jissuplixxu kif jistgħu lis-saċerdoti billi, bil-periklu li jitilfu l-libertà tagħhom u kultant anki ħajjithom, igħallmu d-duttrina. Nisranija lil dawk li jgħixu  magħhom, imexxihom fil-ħajja tar-reliġjon u fil-ħsieb Kattoliku, iħajruhom jirċievu spiss is-Sagramenti u jkunu devoti l-aktar lejn l-Ewkaristija. (27).

Il-Konċilju mqaddes waqt li bil-qalb kollha jirringrazzja ‘l Alla li, anki fiż-żminijiet tagħna ma jonqosx li jagħti lajċi ta’ qawwa erojka fost uk-persekuzzjonijiet, iħaddan lil dawn il-lajċi b’imħabba ta’ missier u b’rikonoxxenza.

L-apostolat individwali jitwettaq l-aktar f’dawk l-inħawi fejn il-Kattoliċi huma ftit u mferxin. Hemmhekk il-lajċi li jistgħu jeżerċitaw l-apostolat għal rashom biss, kemm għar-raġunijiet fuq imsemmijin u kemm għal  raġunijiet ki jiġu anki fil-ħidma tagħhom professjonali, għandhom f’kull tant żmien jiltaqgħu flimkien fi gruppi żgħar biex jiddiskutu bejniethom mingħajr ebda għamla stretta ta’ għaqda jew organizzazzjoni, iżda biss biex juru lill-oħrajn li huma magħqudin fil-Knisja u biex jagħtu xhieda ta’ mħabba. B’dan il-mod ta’ ħbiberija, billi jfissru lil xulxin l-esperjenzi tagħhom u billi jgħinu lil xulxin spiritwalment jissaħħu biex jirbħu t-tfixkil ta’ ħajja u ta’ ħidma wisq iżolati u biex jagħtu frott dejjem aktar abbundanti.

 

18.               L-importanza ta’ l-apostolat fl-għaqdiet

Il-fidili huma msejħin biex iwettqu l-apostolat indvidwali fid-diversi kondizzjonijiet tal-ħajja tagħhom, iżda għandhom jiftakru li l-bnedmin min-natura tiegħu, irid igħix ma’ l-oħrajn u jogħġob ‘l Alla li jgħaqqad lil dawk li jemmnu fi Kristu biex isiru l-Poplu t’Alla (cfr. 1 Petr. 2: 5-10) u biex ikunu ġisem wiħed (cfr. 1. Kor. 12:2). Għalhekk l-apostolat fl-għaqdiet jaqbel mal-bżonnijiet umani u Nsara tal-fidili u fl-istess waqt hu sinjal tal-għaqda u ta’ l-unità tal-Knisja fi Kristu li qal: ̋Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jiena nkun fosthom”. (San Mattew 18:20).

Il-fidili għalhekk għandhom iwettqu l-apostolat tagħhom fi spirtu ta’ għaqda. (28). Għandhom ikunu appostli tant fil-familji tagħhom, kemm fl-għaqdiet tal-parroċċa u tad-djoċesi. Dawn l-għaqdiet diġà huma l-espressjoni ta’ karattru ta’ komunità ta’ l-apostolat.

L-apostolat tal-għaqdiet hu ta’ importanza kbira għaliex kemm fil-komunità tal-Knisja, kemm fid-diversi postijiet hu meħtieġ li jkun hemm ħidma ta’ diversi nies flimkien. Infatti l-għaqdiet imwaqqfin għall-ħidma apostolika flimkien, huma ta’ għajnuna lill-istess membri u jħejjuhom għall-apostolat u jmexxuhom fl-azzjoni apostolika b’tali mod li jkun hemm tama ta’ frott aktar abbondanti milli kieku wieħed jaħdem għal rasu.

Fiċ-ċirkostanzi  tal-lum, hu mbagħad assolutament meħtieġ li fil-postijiet tax-xogħol tal-lajċi tiġi msaħħa l-għamla ta’ apostolat permezz tal-għaqdiet u li dan l-apostolat ikun organizzat għaliex biss permezz tal-għaqda tal-forzi jista’ jintlaħaq ikun organizzat għaliex biss permezz tal-għaqda tal-forzi jista’ jintlaħaq sewwa u kif imiss l-iskop ta’ apostolat modern u jista’ jiġi mħares il-ġid li jiġi minn dan l-apostolat (29). F’dan il-qasam hu meħtieġ b’mod speċjali li l-apostolat jilħaq il-metalità komuni u l-kondizzjonijiet soċjali ta’ dawk li għalihom isir dan l-apostolat.   Jekk ma jsirx skond il-mentalità komuni, l-apostolat ma jagħmilx ġid la lill-opinjoni pubblika u lanqas lill-għaqdiet.

 

19.               Diversi għamliet ta’ apostolat tal-għaqdiet

Kbira hija l-varjetà tal-għaqdiet ta’ l-apostolat; (3); xi wħud għandhom l-iskop Apostoliku ġenerali tal-Knisja; oħrajn l-iskop partikulari li jxerrdu t-tagħlim tal-Vanġelu u li jitqaddsu; oħrajn jaħdmu biex idaħħlu l-ħajja Nisranija fl-ordni temporali; oħrajn jagħtu xhieda ta’ Kristu billi b’mod speċjali jagħmlu opri ta’ ħniena u ta’ karità.

Fost dawn l-għaqdiet qabel xejn għandhom jiġu kunsidrati dawk li jfittxu u jsaħħu rabta aktar soda bejn il-ħajja prattika tal-membri u l-fidi agħhom.  L-għaqdiet m’humiex skop fihom infushom, iżda għandhom iservu biex iwettqu l-missjoni tal-Knisja għad-dinja; il-kobor ta’ l-apostolat tagħhom jiddependi mill-ħidma tagħhom skond il-fini tal-Knisja u skond ix-xhieda Nisranija u l-ispirtu evanġeliku ta’ kull membru u tal-għaqdiet kollha.

Il-missjoni universali tal-Knisja; imbagħad, fid-dawl tal-progress tal-għaqdiet u tal-progress imgħaġġel tas-soċjetà moderna, titlob li l-inizjattivi ta’ apostolat tal-Kattoliċi  jiġu dejjem aktar perfezzjonati fl-għamliet magħqudin tagħhom fil-qasam internazzjonali.  L-organiżżazzjonijiet Internazzjonali  Kattoliċi  jilħqu  aħjar l-iskop tagħhom jekk l-għaqdiet li jagħmlu sehem minnhom u l-membri tagħhom   ikunu  magħqudin sewwa fihom.

Mingħajr ma tiġi mwarrba r-relazzjoni meħtieġa ma’ l-awtorità ekkleżjastika (31), il-lajċi  għandhom il-jedd li joħolqu għaqdiet (32) u jmexxuhom u li jissieħbu f’dawk li diġà jeżistu. Iżda jeħtieġ li jiġi evitat it-tixrid tal-forzi  li jiġri jekk jiġu  mwaqqfin mingħajr veru bżonn jew opri ġodda jew jibqgħu jeżistu aktar milli jkun meħtieġ jew  metodi li jkunu għamlu żmienhom. Lanqas ma jaqbel dejjem li għamliet ta’ għaqdiet imwaqqfin f’nazzjon, jiġu  kkupjati  addoċċ  f’nazzjonijiet oħra. (33)

 

20.               L-Azzjoni Kattolika

Minn bosta snin, f’ħafna pajjiżi, il-lajċi li jagħtu rwieħhom għall-apostolat ingħaqdu f’għamliet diversi ta’ ħidma u waqt li żżammew rabta sħiħa mal-Ġerarkija,  ħadmu u  għadhom jaħdmu għal skopijiet veri ta’ apostolat. Fost dawn u fost oħrajn bħalhom ta’ l-imgħoddi ta’ min ifakkar l-aktar dawk l-għaqdiet li għalkemm imxew b’metodi diversi, taw frott l-aktar abbondanti  fis-Saltna ta’ Kristu u bir-raġun ġew rakkomandati u inkoraġġiti mill-Papiet u minn ħafna Isqfijiet li tawhom l-isem ta’ Azzjoni Kattolika u bosta drabi ġiet imsejħa kollaborazzjoni tal-lajċi fl-apostolat ġerarkiku. (34).

Dawn l-għamliet ta’ apostolat, kemm jekk jissejħu Azzjoni Kattolika kemm jekk għandhom xi isem ieħor, li l-lum qegħdin jagħmlu apostolat prezzjuż, għandhom dawn in-noti karatteristiċi miġburin kollha flimkien.

(a)  L-iskop immedjat ta’ dawn  l-organiżżazzjonijiet  huwa  l-iskop apostoliku tal-Knisja, jiġifieri, it-tixrid tal-Vanġelu u l-qdusija tal-bniedmin u l-formazzjoni Nisranija tal-kuxjenza tagħhom biex jirnexxilhom li jdaħħlu l-ispirtu evanġeliku fid-diversi  komunatijiet u ambjent;

 

(b) Il-lajċi  meta jgħinu lill-Ġerarkija skond il-mod proprju tagħhom, jagħtu l-għajnuna ta’ l-esperjenza  tagħhom u jieħdu fuq spallejhom ir-resonsabbilità tat-tmexxija ta’ dawn l-għaqdiet u jistudjaw iċ-ċirkostanzi  li  fihom  għandha  tiġi mwettqa l-ħidma pastorali tal-Knisja u kif għandu jisvolġi  ruħu  l-pjan  tal-ħidma.

 

(c)   Il-lajċi għandhom jaħdmu magħqudin bħal korp  organiku  wieħed biex titfisser aħjar il-komunità tal-Knisja u biex l-apostolat jirnexxi aktar u jagħti iżjed frott;

 

(d) Il-lajċi,  kemm  jekk  joffru  rwieħhom  minn  jeddhom,  kemm jekk jiġu mistednin  għall-ħidma  u għall-kooperazzjoni  diretta ma’ l-apostolat tal-Ġerarkija,  jimxu  taħt id-direzzjoni  superjuri  ta’  l-istess Ġerarkija  li tista’ tawtoriżża  din  il-kooperazzjoni  anke  permezz  ta ‘  ‘mandat’  espliċitu.

L-għaqdiet  li fihom fil-ġudizzju tal-Ġerarkija,  hemm  dawn in-noti  kollha, Għandhom  jiġu  kunsidrati  bħala  Azzjoni  Kattolika, anki jekk,  minħabba ċirkostanzi  tal-post u tal-poplu,  jieħdu  għamliet u ismijiet oħrajn.

Dan l-Imqaddes  Konċilju  jirrikmanda ħafna  dawn  l-Għaqdiet għaliex żgur  li  f’ħafna  pajjiżi  huma meħtieġa għall-apostolat tal-Knisja; jistieden is-saċerdoti u l-lajċi li jaħdmu fihom ħalli jpoġġu dejjem aktar fil-prattika n-noti fuq imsemmijin u jaħdmu bħall-aħwa  fil-Knisja  flimkien mal-għamliet l-oħra kollha ta’ l-apostolat.

 

21.               Stima tal-Għaqdiet

L-Għaqdiet kollha ta’ l-Apostolat għandhom jiġu stmati kif hu xieraq. Dawk imbagħad li  l-Ġerarkija  skond  il-ħtiġijiet taż-żmien u tal-post faħħret jew irrikkmandat  jew  iddeċidiet li  twaqqaf bħala l-aktar urġenti għandhom jiġu murija l-aqwa rispett mis-saċerdoti, mir-reliġjużi,  u  mil-lajċi u mxerrdin skond il-metodu proprju ta’ kull waħda,. Fost dawn, l-aktar il-lum, għandna nsemmu l-għaqdiet u l-gruppi internazzjonali tal-Kattoliċi.

 

22.               Fis-servizz tal-Knisja b’titolu speċjali

Fil-Knisja jistħoqqilhom unur u rakkomandazzjoni  partikulari  dawk il-lajċi, għożba  jew  miżżewġin,  li  jikkonsagraw  irwieħhom  għal  dejjem  jew  għal  xi żmien  għas-servizz  tal-għaqdiet  jew  tal-ħidmiet tagħhom bil-kapaċità tal-professjoni  tagħhom. Huwa ta’ sodisfazzjoni kbira tara jiżdied dejjem aktar l-għadd tal-lajċi li joffru s-servizz tagħhom lill-għaqdiet u lill-opri ta’ l-apostolat kemm fil-limiti ta’ pajjiżhom, kemm fil-qasam internazzjonali  l-aktar fil-postijiet tal-missjoni  jew  fejn il-Knisja  għadha  fil-bidu  tagħha.

Ir-Ragħajja tal-Knisja  għandhom  jilqgħu bil-qalb ub’sens ta’ Gratitudni  lil dawn il-lajċi, jaraw li jiġu trattati bl-aħjar mod possibbli skond ma jitolbu l-ġustizzja u l-imħabba l-aktar f’dak li hu meħtieġ għall-għixien tagħhom u tal-familja tagħhom u f’dak li għandu x’jaqsam mal-formazzjoni, konfort u għajnuna spiritwali.

 

 

 

IL-ĦAMES KAPITLU

L-ORDNI LI GĦANDU JIĠI OSSERVAT FL-APOSTOLAT

 

23.               Introduzzjoni

L-apostolat tal-lajċi, kemm  jekk  jitwettaq minn individwi u kemm minn Insara miġburin f’għaqda, għandu  jifforma  sehem,  bl-ordni xieraq, mill-apostolat tal-Knisja kollha. Anzi l-għaqda ma’ dawk li l-Ispirtu Santu ħatar biex imexxu l-Knisja (ara Atti ta’ l-Appostli, 20:28) hi element essenzjali ta’ l-apostolat Nisrani. Hi wkoll ta’ ħtieġa l-kooperazzjoni bejn id-diversi  inizjattivi ta’ apostolat li għandha tiġi ordinata kif jixraq mill-Ġerarkija.

Infatti biex jitwettaq l-ispirtu ta’ unjoni  bil-ħsieb li l-apostolat kollu tal-Knisja jkun imżejjen bl-imħabba ta’ l-aħwa, li jintlaħaq l-iskop komuni, u li jiġu evitati piki ta’ ħsara, huma meħtieġa stima lejn xulxin bejn l-għamliet kollha ta’ l-apostolat fil-Knisja u koordinament xieraq skond in-natura proprja ta’ kull għaqda, (35).

Dan hu l-aktar meħtieġ meta xi ħidma determinata fil-Knisja titlob l-Armonija  u  l-kooperazzjoni  apostolika  tal-kleru, tar-reliġjużi  u  tal-lajċi.

 

24. Relazzjoni mal-Ġerarkija

Hu dmir tal-Ġerarkija li tinkoraġġixxi l-apostolat tal-lajċi, tagħti l-prinċipji u l-għajnuna spiritwali, tmexxi b’ordni t-twettiq ta’ l-istess apostolat għall-ġid komuni tal-Knisja,  tħares biex id-duttrina u l-ordni jiġu rispettati.

L-apostolat tal-lajċi jitlob, bla dubju, għamliet diversi ta’ relazzjoni mal-Ġerarkija skond il-forom varji u l-iskopijiet differenti ta’ l-istess apostolat.

Infatti l-inizjattivi ta’ apostolat li jiġu mwaqqfin mill-volontà libera tal-lajċi u li huma mmexxijin mill-kriterju prudenti tagħhom,  huma ħafna. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi,  f’ċerti ċirkostanzi l-missjoni tal-knisja tista’ titwettaq aħjar u għalhekk jiġu ta’ spiss imfaħħrin jew rakkomandati mill-Ġerarkija. (36). Iżda ebda inizjattiva m’għandha ssejjaħ lilha nfisha ‘Kattolika’ jekk ma jkollhiex il-kunsens ta’ l-awtorità ekkleżjastika.

Xi  għamliet ta’ apostolat tal-lajċi espressament rikonoxxuti mill-Ġerarkija b’manjieri differenti. L-awtorità ekkleżjastika, għall-ġid komuni tal-Knisja, tista’ tagħżel u tinkoraġġixxi b’mod partikulari  xi għaqdiet u inizjattivi li għandhom skop immedjat  spiritwali, li tagħhom l-awtorità ekkleżjastika tieħu responsabbilità speċjali.  Hekk il-Ġerarkija,  skond  iċ-ċirkostanzi,  waqt li tagħti ordni b’manjeri diversi  lill-apostolat, tgħaqqad  b’rabta aktar kbira xi għamliet ta’ ħidma tal-lajċi mal-missjoni  apostolika  tagħha waqt li tkompli  tirrispetta n-natura  proprja  u  d-distinzjoni  ta’  bejniethom ta’ dawn l-għaqdiet. B’dan ma tneħħi xejn mill-libertà ta’ ħidma – li hi meħtieġa – tal-lajċi. Dan l-għemil tal-Ġerarkija, f’diversi dokumenti tal-Knisja, jissejjaħ ‘mandat’.

Il-Ġerarkija  għandha  wkoll  tafda  f’idejn  il-lajċi xi dmirijiet li huma aktar marbutin mad-dmirijiet tar-Ragħajja, bħalma huma t-tagħlim tad-duttrina Nisranija,  xi għemeli tal-liturġija, u l-kura ta’ l-erwieħ. Bis-saħħa ta’ din il-missjoni, il-lajċi  meta  jwettqu dawn id-dmirjiet għandhom  ikunu  għal  kollox  suġġetti għad-direzzjoni  tas-superjur  ekkleżjastiku.

F’dak  li  għandu  x’jaqsam ma’ opri u istituzzjonijiet ta’ ordni temporali, id-dmir tal-Ġerarkija jikkonsisti li jgħallmu u jinterpretaw b’mod awtentiku l-prinċipji ta’ ordni morali li għandhom jiġu rispettati fl-affarijiet temporali. Fuq kollox hu dritt tal-Ġerarkija li tiġġudika, wara li tikkonsidra kollox bir-reqqa u wara li tisserva bl-għajnuna  ta’ esperti,  jekk dawn l-opri u dawn l-istituzzjonijiet ikunux jaqblu mal-prinċipji  morali u li  tistabilixxi liema affarijiet  huma  meħtieġa biex iħarsu u jmexxu ‘l quddiem kull ġid ta’ ordni soprannaturali.

 

Għajnuna tal-kleru lill-apostolat tal-lajċi

L-Isqfijiet, il-kappillani, il-qassisin u l-patrijiet għandhom jiftakru  li  d-dritt u d-dmir ta’ l-apostolat hu komuni għall-fidili kollha, kemm jekk ikunu saċerdoti u kemm jekk ikunu lajċi, u li anki s-sekulari għandhom dmirijiet tagħhom fil-knisja. (37). Għalhekk għandhom jaħdmu bħall-aħwa mal-lajċi fil-Knisja u għall-Knisja u għandhom jieħdu ħsieb speċjali tal-lajċi fix-xogħol tagħhom ta’ l-apostolat. (38).

Għandhom jiġu magħżulin b’attenzjoni  xi saċerdoti mogħnijin bi kwalitajiet meħtieġa u ffurmati  kif jixraq biex igħinu lil-lajċi fl-għamliet diversi ta’ l-apostolat. (39). Dawk li jiddedikaw  irwieħom  għal dan il-ministeru, meta jirċievu l-missjoni tal-Ġerarkija, ikunu r-rappreżentanti  ta’ l-istess Ġerarkija  fil-ħidma tagħhom pastorali u għalhekk għandhom iħabirku biex jitjiebu dejjem aktar ir-relazzjonijiet tal-lajċi  ma’ l-istess Ġerarkija billi s-sekulari jimxu fedelment skond l-ispirtu u d-duttrina tal-Knisja. Dawn is-saċerdoti għandhom jagħtu lilhom infushom biex iħeġġu l-ħajja spiritwali u s-sens ta’ apostolat fl-għaqdiet Kattoliċi li jiġu fdati f’idejhom,  għandhom  igħinuhom  bil-parir għaqli  fil-ħidma apostolika  u jinkiraġġuhom  igħinuhom  bil-parir  għaqli  fil-ħidma apostolika u jinkiraġġuhom fl-inizjattivi  tagħhom.  Filwaqt  li jżommu djalogu kontinwu mal-lajċi huma jistgħu jistudjaw b’attenzjoni liema huma l-bżonnijiet biex il-ħidma apostolika tagħhom tagħti aktar frott. Dawn is-saċerdoti għandhom iħabirku biex issaltan l-għaqda fl-istess assoċjazzjoni kif ukoll bejnha u bejn l-għaqdiet l-oħra.

Ir-reliġjużi, fl-aħħarnett, patrijiet u sorijiet, għandhom jistmaw l-opri  ta’ l-apostolat tal-lajċi skond l-ispirtu u r-regoli ta’ l-istituti tagħhom u jiddedikaw irwieħhom  biex  igħinu mill-qalb l-opri ta’ ħidma tal-lajċi (4) u jsostnu jikkompletaw id-dmirijiet tas-saċerdoti.

 

25.               Mezzi oħra ta’ kollaborazzjoni

Fid-djoċesijiet, kemm hu possibli, għandu jkun hemm kunsilli li jgħinu x-xogħol apostoliku tal-Knisja, kemm fil-qasam tat-tixrid tal-Vanġelu kemm f’dak tal-għajnuna spiritwali lill-erwieħ, u f’dawk tal-karità, tal-għajnuna  soċjali eċċ. F’dawn il-kunsilli għandhom jieħdu sehem il-kleru, ir-reliġjużi, u l-lajċi. Dawn il-kunsilli jistgħu jiswew għal koordinament ta’ diversi għaqdiet u inizjattivi tal-lajċi bir-rispett lejn il-karattru u lejn l-awtonomija ta’ kull għaqda. (41).

Kunsilli ta’ din l-għamla għandu jkun hemm,  kemm  hu possibbli,  anki  fil-parroċċi, jew bejn diversi parroċċi,  jew  bejn  diversi djoċesijiet, kif ukoll  f’livell nazzjonali  u  internazzjonali. (42).

Fi  ħdan is-Santa Sedi jiġi mwaqqaf segretarjat speċjali għas-servizz u għall-inkoraġġiment  ta’ l-apostolat tal-lajċi,  li jkun bħala ċentru li b’mezzi xierqa joffri  tagħrif  dwar id-diversi inizjattivi ta’ l-apostolat tas-sekulari,  jagħmel  riċerki dwar problemi li jinħolqu f’dan il-qasam u  jgħin bil-pariri tiegħu lill-Ġerarkija u lil-lajċi  fl-opri ta’ apostolat. F’dan is-segretarjat ikollhom is-sehem tagħhom il-movimenti  u l-għaqdiet ta’ l-apostolat tas-sekulari li jeżistu fid-dinja kollha, u jaħdmu wkoll mal-lajċi,  il-kleru u r-reliġjużi.

 

26.               Kolloborazzjoni ma’ l-Insara l-oħra u ma’ dawk mhux Insara

Il-patrimonju komuni tal-Vanġelu kif ukoll id-dmir komuni li tingħata xiehda Nisranija tal-Vanġelu, jirrikkmandaw u spiss jinħtieġu l-kollaborazzjoni tal-Kattoliċi ma’ l-Insara l-oħra. Dan jitwettaq kemm mill-individwali  u kemm mill-komunitajiet tal-Knisja mill-individwi u kemm mill-komunitajiet tal-Knisja, kemm f’ħidma inividwali u kemm f-għaqdiet fil-kamp  nazzjonali u f’dak internazzjonali. (43).

̋Il-valuri umani” komuni għal kulħadd, jitolbu wkoll, ta’ spiss, kooperazzjoni bħal din ta’ l-Insara li għandhom skopijiet apostoliċi, ma’ dawk li ma humiex Insara iżda jagħrfu dawn il-valuri.

B’din il-kooperazzjoni dinamika u prudenti (44) li hi ta’ importanza kbira fil-ħidmiet temporali, il-lajċi jagħtu xhieda ta’ Kristu, Feddej tad-dinja u tal-għaqda tal-familja umana.

IS-SITT KAPITLU

IL-FORMAZZJONI GĦALL-APOSTOLAT

 

28. Ħtieġa tal-formazzjoni għall-apostolat

L-apostolat jagħti r-riżultati kollha tajba tiegħu biss permezz ta’ formazzjoni soda u sħiħa. Din hi meħtieġa mhux biss mill-progress spiritwali u dottrinali tal-lajċi, iżda anki mid-diversi ċirkostanzi ta’ l-affarijiet, tal-persuni, u ta’ l-iskopijiet

li  għalihom il-ħidmiet iridu jaddattaw ruħhom. Din il-formazzjoni għandha timbena fuq dawk il-pedamenti li ġew imsemmija u dikjarati f’post ieħor f’dan il-Konċilju Mqaddes (45). Minbarra l-formazzjoni komuni għall-Insara kollha, ħafna għamliet ta’ apostolat jitolbu formazzjoni speċjali u partikulari minħabba d-diversità ta’ persuni u ta’ ċirkostanzi.

 

29.Prinċipji għall-formazzjoni tal-lajċi għall-apostolat

Billi l-lajċi jieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja b’mod proprju tagħhom, il-formazzjoni tagħhom għall-apostolat tieħu karattru speċjali mill-kwalità mod proprju tagħhom, il-formazzjoni tagħhom għall-apostolat tieħu karattru speċjali mill-kwalità tagħhom,  bħala sekulari u mill-ispirtwalità partikolari tagħhom.

Il-formazzjoni għall-apostolat tissoponi li l-lajċi jkunu diġà ffurmati sewwa bħala bnedmin, skond l-intelliġenza u l-kundizzjoni ta’ kull wieħed. Is-sekular, infatti li jagħraf tajjeb id-dinja tal-lum, għandu jkun membru tas-soċjetà tiegħu u mogħni bil-kultura tagħha.

Qabel xejn is-sekular għandu jitgħallem iwettaq il-missjoni ta’ Kristu u tal-Knisja billi jgħix bil-fidi fil-misteru divin tal-ħolqien u tal-fidwa, imqanqal mill-Ispirtu Santu li jagħti l-ħajja lill-poplu t’Alla, li jqanaqal lill-bnedmin kollha biex iħobbu lil Alla l-Missier u Fih id-dinja u l-bnedmin. Din il-formazzjoni għandha tiġi meqjusa bħala l-pedament u l-kundizzjoni ta’ kull apostolat li jrid jagħti l-frott.

Imbarra l-formazzjoni spiritwali, hija meħtieġa tħejjija soda ta’ duttrina, jiġifieri ta’ teoloġija, etika, filosofija, skond id-differenza ta’ età, ta’ kondizzjoni u tal-kapaċità tal-moħħ. Għandha tingħata wkoll importanza għall-kultura ġenerali flimkien mal-formazzjoni prattika u teknika. Biex jiġu kultivati ̋relazzjonijiet umani” tajba jeħtieġ jiġu nkoraġġiti l-veri valuri umani, fost kollox l-arti li ngħixu fil-paċi ma xulxin, li ngħainu lil xulxin bħal aħwa u li nagħmlu d -̋djalogu”.

Iżda billi l-formazzjoni ta’ l-apostolat ma tikkonsistix biss fit-tagħlim tat-teorija, il-lajċi għandhom bil-mod u bil-prudenza, sa mill-bidu tal-formazzjoni tagħhom, jitgħallmu kif jaraw kollox, jiġġudikaw u jaħdmu fid-dawl tal-fidi; kif jiffurmaw u jipperfezzjonaw lilhom infushom flimkien ma’ l-oħrajn permezz tal-ħidma u b’hekk jidħlu fis-servizz tax-xogħol tal-Knisja. (46). Din il-formazzjoni li għandha dejjem tkompli tiġi perfezzjonata aktar ma l-persuna umana ssir matura bl-iżvilupp tal-problemi, titlob tagħlim aktar profond u ħidma dejjem aktar xierqa. Biex jitwettqu dawk l-affarijiet kollha li huma mitluba mill-formazzjoni, għandna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-unità u l-integrità tal-persuna umana biex jinżammu u jikbru l-armonija u l-ekwilibriju tagħha.

B’hekk is-sekular jidħol sew u bil-fatti fl-istess rijaltà ta’ l-ordni temporali u jwettaq sehmu b’mod li jista’ jagħmel il-ġid fil-ħidmiet kollha, u bħala membru ħaj li jrid jagħti xhieda tal-Knisja, huwa juri u jħaddem dan sehmu fil-ħwejjeġ tad-dinja. (47).

 

30.Min jagħti l-formazzjoni għall-apostolat

Il-formazzjoni għall-apostolat għandha tibda mill-ewwel edukazzjoni tat-tfal. B’mod speċjali għandhom jibdew jiġu mħejjija għall-apostolat iż-żgħażagħ li lilhom jiġi mogħti l-ispirtu apostoliku. Il-formazzjoni għandha tiġi perfezzjonata ma’ tul il-ħajja kollha skond ma jkunu jitolbu d-dmirijiet ġodda li l-lajċi jidħlu għalihom. Għalhekk dawk li għandhom id-dmir li jagħtu l-edukazzjoni Nisranija, għandhom ukoll id-dmir li jagħtu l-formazzjoni għall-apostolat.

Hu dmir tal-ġenituri fil-familja li jħejju lil uliedhom sa miċ-ċokon biex jagħarfu l-imħabba t’Alla lejn il-bnedmin kollha. Igħallmuhom bil-mod il-mod, l-aktar bl-eżempju tajjeb, li jinteressaw irwieħhom mill-bżonnijiet kemm materjali u kemm spiritwali tal-proxxmu. Il-familja kollha għalhekk u l-ħajja tagħha flimkien, għandha ssir bħala eżerċizzju għall-apostolat.

Hu wkoll meħtieġ li t-tfal jiġu edukati b’mod li meta jkollhom joħorġu minn ħdan il-familja, jinteressaw irwieħhom fil-komunità kemm tal-Knisja u kemm dik temporali. Għandhom jiġu milqugħa fil-komunità  tal-parroċċa ta’ fejn imorru joqogħdu b’mod li fiha jħossu rwieħhom membri ħajja u attivi tal-Poplu t’Alla.

Is-saċerdoti, imbagħad, fit-tagħlim tal-katekiżmu u fil-predikazzjoni, fid-direzzjoni ta’ l-erwieħ kif ukoll fil-ħidmiet l-oħra pastorali, għandhom iżommu quddiem għajnejhom il-formazzjoni għall-apostolat.

Anki fl-iskejjel, fil-kulleġġi u fl-istituti Kattoliċi l-oħra ta’ l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ għandhom jiġu edukati fis-sens Kattoliku u fl-azzjoni apostolika.

Jekk kemm-il darba din l-edukazzjoni tonqos jew għaliex iż-żgħażagħ ma jmorrux  fi skejjel Kattoliċi jew għal xi raġuni oħra, jieħdu ħsiebha b’attenzjoni akbar il-ġenituri, ir-ragħajja ta’ l-erwieħ u l-għaqdiet.

L-għalliema, imbagħad, u l-edukaturi, li skond il-vokazzjoni tagħhom u l-uffiċċju tagħhom jagħmlu forma eċċellenti ta’ apostolat tal-lajċi, għandhom ikunu mħarrġa sewwa fid-duttrina meħtieġa u fl-arti tal-pedagoġija li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwettqu bl-aħjar mod din il-formazzjoni għall-apostolat.

Hekk ukoll, il-gruppi u l-għaqdiet tal-lajċi li għandhom bħala skop l-apostolat in ġenerali jew xi skopijiet oħra soprannaturali għandhom b’attenzjoni u bla waqfien igħinu fil-formazzjoni ta’ l-apostolat skond kemm jippermettulhom l-iskopijiet tagħhom (48). Dawn il-gruppi u għaqdiet huma ħafna drabi  l-aħjar triq għall-formazzjoni għall-apostolat. Infatti fihom tingħata fl-istess ħin formazzjoni  dottrinali, spirtwali u prattika. Il-membri tagħhom flimkien ma’ sħabhom u ma’ ħbiebhom, fi gruppi żgħar, jagħarblu l-metodi u l-frott tal-ħidma apostolika tagħhom u jistudjaw biex jaraw jekk il-mod tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum ikunu jaqblu mal-Vanġelu.

Din il-formazzjoni għandha tiġi organizzata b’mod li tilħaq l-apostolat kollu tas-sekulari li għandu jiġi mwettaq mhux biss bejn l-istess gruppi ta’ l-Għaqdiet iżda f’kull ċirkostanza tal-ħajja kollha l-aktar dik professjonali u soċjali.

Kulħadd għandu bil-fatti jħejji ruħu għall-apostolat: ħaġa li hi wisq aktar urġenti fil-kbar. Infatti aktar ma wieħed jikber fis-snin aktar jista’ jagħraf it-talenti li bihom Alla jkun żejnu u jkun iżjed jista’ jeżerċita bi frott id-doni mogħtija lilu mill-Ispirtu Santu għall-ġid ta’ ħutu.

 

31.        Formazzjoni skond it-tipi diversi ta’ l-apostolat         

L-għamliet differenti ta’ l-apostolat jitolbu wkoll formazzjoni  partikulari xierqa.

(a)Dwar l-apostolat għat-tixrid  tal-Vanġelu u għall-qdusija tal-bnedmin, il-lajċi għandhom b’mod partikulari jiġu mħarrġa biex jagħmlu ‘djalogu’ ma’ l-oħrajn, ma’ dawk li jemmnu u ma’ dawk  li ma jemmnux, biex iħabbru lil kulħadd il-messaġġ ta’ Kristu (49).

U billi fiż-żmenijiet tagħna il-materjaliżmu ta’ għamliet differenti qed jinxtered fil-wisgħa kullimkien anki fost il-Kattoliċi, il-lajċi għandhom mhux biss jitgħallmu aħjar id-duttrina Kattolika, l-aktar dawk il-punti tagħha li fuqhom isiru l-aktar diffikultajiet, iżda wkoll kontra kull għamla ta’ materjaliżmu għandhom jagħtu xhieda tal-ħajja tagħhom skond il-Vanġelu.

(b)Dwar it-tiġdid Nisrani ta’ l-ordni temporali, il-lajċi għandhom jiġu mgħallma dwar il-vera tifsira u l-veru valur: tal-ġid ta’ din id-dinja fih innifsu u b’relazzjoni għall-iskopijiet kollha tal-persuna umana; għandhom jitħarrġu fl-organiżżazzjoni ta’ l-istituzzjonijet billi jżommu bħala skop il-ġid komuni skond il-prinċipji tad-duttrina morali u soċjali tal-knisja. Il-lajċi għandhom fuq kollox jitgħallmu l-prinċipji tad-duttrina soċjali u kif għandha tiġi applikata biex ikunu kapaċi li jieħdu sehem, skond ma jmisshom, fil-progress ta’ l-istess duttrina, u li japplikawha kif jixraq għall-każijiet partikulari (50).

(c)Billi l-opri ta’ karità u ta’ ħniena joffru xiehda l-aktar sabiħa ta’ ħajja Nisranija, il-formazzjoni apostolika għandha twassal ukoll għat-twettiq ta’ dawn l-opri, biex il-fidi li sa minn ċkunithom jitgħallmu jagħmlu tagħhom it-tbatijiet ta’ ħuthom u jgħinuhom bil-ġenerożità kollha meta dawn ħuthom isibu rwieħhom fil-bżonn (51).

 

32.       Is-Sussidji

Il-lajċi mogħtija għall-apostolat diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ħafna sussidji, jiġifieri laqgħat kungressi, irtiri, eżerċizzi spiritwali, konferenzi, kotba, rivisti għal għal tagħrif aktar fil-fond ta’ l-Iskrittura mqaddsa u tad-duttrina Kattolika biex titkattar il-ħajja spiritwali u biex jiġu magħrufa lkundizzjonijet tad-dinja u jiġu misjuba u mwettqa l-metodi l-aktar xierqa (52).

Dawn is-sussidji ta’ formazzjoni għandhom ifittxu li jaqdu l-għamliet differenti ta’ l-apostolat skond il-postijiet fejn jiġu eżerċitati.

Għal dan l-iskop ġew ukoll imwaqqfa ċentri u istituti superjuri li diġà taw frott mill-aqwa.

Dan il-Konċilju Mqaddes jifraħ għal dawk l-inizjattivi li diġa qegħdin jagħmlu ħafna ġid f’xi postijiet u jawgura li jiġu mwaqqfa wkoll f’dawk il-postijiet fejn tinħass il-ħtieġa.

Għandhom jiġu anki mwaqqfa ċentri ta’ ‘dokumentazzjoni’ u ta’ studju mhux biss fil-qasam teoloġiku, iżda wkoll f’dak  antropoliġiku, psikoloġiku, soċjoloġiku, metodoloġiku, biex tiġi mogħtija għajnuna aħjar lill-kapaċità tal-moħħ tal-lajċi – irġiel u nisa, żgħażagħ u kbar fl-oqsma kollha ta’ l-apostolat.

 

33.        Twissija ta’ l-aħħar

Il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ fil-Mulej il-lajċi kollha ħalli jwieġbu minn rajhom, b’ġenerożità u b’ħeġġa tal-qalb, għal-leħen ta’ Kristu li f’din is-siegħa jistedinhom b’insistenza akbar, u għall-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu Santu. B’mod speċjali nixtiequ li dawk l-aktar żgħażagħ jagħtu widen għal dan l-appell bħallikieku magħmul għalihom u jilqgħuh b’ħeffa u bi qlubija.

Hu infatti l-Mulej stess li għal darb’oħra permezz ta’ dan il-Konċilju jistieden is-sekulari kollha biex jingħaqdu dejjem aktar miegħu u jħossu li hu tagħhom dak kollu li hu tiegħu u għalhekk jingħaqdu miegħu fil-missjoni għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ.

Hu għal darb’oħra l-Imgħallem Divin li qed jibgħathom f’kull belt u f’kull post fejn hu għandu  jmur (cfr. San Luqa 10); biex joffru rwieħhom bħala kooperaturi fid-diversi għalmliet u forom ta’ l-uniku apostolat tal-Knisja, li għandha l-ħin kollu taddatta ruħha għall-ħtiġijiet ġodda taż-żmenijiet u jaħdmu dejjem bil-ġenerożità kollha fl-opra tal-Mulej, waqt li jafu li meta jaħdmu għall-Mulej ma jkunux jaħdmu għal xejn (cfr. 1. Kor. 15:58).

 

 

 

(1)      Cfr. (Ġovanni XXIII, Kostituż. Apost. ‘Humanae Salutis’, 25  ta’ Diċ.1961: A.A.S.54., 1962. Pp. 7-10.

(2)      Cfr. Konċilju Vat II, Kostituż. Dommatika dwar il-Knisja. Nri. 33 ss: A.A.S. 57, 1965, pp. 39 s.; Konċ. Vat. II, Kostituż. Dwar il-Liturġija Mqaddsa, nr. 26-40: A.A.S. 56, 1964, pp. 107-111; Digriet dwar il-Meżżi ta’ Kumnikazzjoni Soċjali: A.A.S. 56, 1965, pp 145-153; Digriet dwar l-Ekumeniżmu, A.A.S. 57, 1965, pp 90-107; Digriet dwar il-kompiti Pastorali ta’ l-Isqfijiet, nri. 16, 17, 18; Dikjaraz. Dwar l-Edukazzjoni Nisranija, nr. 3, 5, 7.

(3)       Cfr. Piju XII, Diskors lill-Kardinali, 18.2.1946; A.A.S. 38, 1946, pp. 101-102; l-istess, Diskors lill-J.O.C. 25.8.1957; A.A.S. 49, 1957, p. 843.

(4)      Cfr. Piju XI, Ittra Enċiklika ‘Rerum Ecclesiae’, A.A.S. 18, 1926, p.65.

(5)      Cfr. Konċilju Vatikan II, Kostituż. Dom. Dwar il-Knisja, n.31; A.A.S.. 57, 1965, p.37

(6)      Cfr. L-istess, n. 33. P. 39, l-istess n.10, p.14.

(7)      Cfr. L-istess n.12, p.16.

(8)      Cfr. Konċ Vat II, Kostituz. Dwar il-Liturġija Mqaddsa, Kap. 1, n. 11: A.A.S. 56, 1964, pp. 102-103.

(9)      Cfr. Konċ. Vat II. Kostituz, Demm dwar il-Knisja, n.32; A.A.S. 57, 1965, p. 38; L-istess, nn. 4-41, pp. 45-47.

(10)   Cfr. L-istess. N. 62. P. 63; L-istess n.65, pp. 64-65

(11)   Cfr. Piju XI, Ittra Enċik. ‘Ubi Arcano’ 23.12.1922; A.A.S. 14, 1922, p. 659; Piju XII, Ittra Enċik. ‘Summi Pontificatus’, 20.10.1939; A.A.S. 31, 1939, pp. 442-443.

(12)   Cfr. Ljun XIII, Ittra Enċik. ‘rerum Novarum; A.A.S. 23, 1890-91, p.647; Piju XI, Ittra Enċik. ‘Quadragesimo Anno@: A.A.S. 23, 1931. P. 190; Piju XII, radjumessaġġ ta l-1.6.1941; A.A.S. 33, 1941, p.207.

(13)   Cfr. Ġovanni XXIII. Ittra Enċik. ‘Mater et Magistra’, A.A.S. 53, 1961. P. 402.

(14)   Cfr. L-istess, pp. 440-441.

(15)   Cfr. L-istess, pp. 442-443.

(16)   Cfr. Piju XII, Diskors lill-‘Pax Romana M.I.I.C.’, 25.4.1957; A.A.S. 49, 1957, pp. 298-299, ukoll Ġovanni XXIII, lill-Kunsill tal-‘Food and Agriculture Organisation’, 10.11.1959; A.A.S. 51, 1959, pp. 856, 866.

(17)   Cfr. S.Piju X, Ittra Apost. ‘Creationis duarum novarum parociarum’, 1.6.1905; A.A.S. 38, 1905, pp. 65-67; Piju XII, Diskols  lill-fidili tal-Parroċċa ta’ S. Saba, 11.1.1953; ‘Discorsi e Radiomessaggi di S.A. Pio XII’ 14, 1952-1953, pp. 449-454; Ġiovanni XXIII, diskors lill-Kleru u lill-fidili tad-Djoċesi ta’ Alba, 26.8.1962; A.A.S. 54, 1962, pp. 656-660.

(18)   Cfr. Ljun XIII, Diskors, 28.1.1894: Acts 14, pp 424-425.

(19)   Cfr. Piju XII, Diskors lill-Kappillani, eċċ. 6.2.1951; ‘Discorsi e Radio m messaggi di S.S. Pio XII’ 12. 1950-51, pp. 437-443; 8.3.1952: l-istess 14, 1952-53, pp. 5-10; 27.3.1953: l-istess 15, 1953-54, pp. 27-35; 28.2.1954: l-istess, pp. 585.590.

(20)   Cfr. Piju XI, Ittra Enċik. ‘Casti Connubii’; A.A.S. 22, 1930, p. 554; Piju XII, Radjumessaġġ ta’ 1.1.1941; A.A.S. 33, 1941, p. 203: l-istess, lid-Delegati tal-Għaqda Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Familja, 20.9.1949; A.A.S. 41 1949, p. 552; l-istess, lill-Pellegrinaġġ tal-Missirijiet Franċiżi f’Ruma, 18.9.1951: A.A.S. 43, 1951, p. 731,; l-istess, Radjumessaġġ tal-Milied 1952; A.A.S. 45, 1953, p. 41; Ġiovanni XXIII, Ittra Enċik. ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, 1961, pp 429, 439.

(21)   Cfr. Piju XII, Ittra Enċik. ‘Evangelii Praecones’, 2.6.1951; A.A.S. 43, 1951, p. 514.

(22)   Cfr. Piju XII, lid-Delegati tal-Għaqda Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Familja, 20.9.1949; A.A.S. 41, 1949, p. 552.

(23)   Cfr. S. Piju X, Diskors lill-Għaqda Kattolika taż-Żgħażagħ Franċiżi, 25.9.1904; A.A.S. 37, 1904-1905, pp. 296-300.

(24)   Cfr. Piju XII. Ittra ‘Dans quelques semaines’ lill-ħaddiema nsara tal-Kanada, 24.5. 1947; A.A.S.  39, 1947, p. 257; Radjumessaġġ lill-J.O.C. ta’ Bruxelles, 3.9.1950; A.A.S. 42, 1950, pp. 640-641.

(25)   Cfr. Piju XI, Ittra Enċik. ‘Quadragesimo Anno’ 15.5.1931; A.A.S. 23, 1931, pp. 225-226.

(26)   Cfr. Ġovanni XXIII, Ittra Enċik. ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, 1961, pp 448-450.

(27)   Cfr. Piju XII, Diskors lill-I Kongress Mondjali għall-Apostolat tal-Lajċi, 15.10.1951; A.A.S. 43. 1951, p. 788.

(28)   Cfr. L-istess; A.A.S. 43, 1951, pp. 787-788.

(29)   Piju XII Ittra Enċik. ‘Le Pelerinage de Lourdes’, 2.7.1957; A.A.S. 49, 1957, p. 615.

(30)   Cfr. Piju XII, diskors lill-Kunsill tal-Għaqda Internazzjonali ta’ l-irġiel Kattoliċi, 8.12.1956: A.A.S. 49, 1957, pp. 26-27.

(31)   Cft. Kap. V ta; dan id-Digriet, n.

(32)   Cfr. Konċilju tal-Knisja Mqaddsa, Riżoluzzjoni ‘Corrlenten.’, 13.11.1920; A.A.S. 13, 1921, p. 139.

(33)   Cfr. Ġovanni XXIII, Ittra Enċik. ‘Princeps Pastorum’, 10.12.1959; A.A.S. 51, 1959, p. 856.

(34)   Cfr. Piju XI, Ittra ‘Quae nobis’ lill-Kardinal Bertram, 13.11.1928; A.A.S. 20, 1920, p. 385; ukoll Piju XII, Diskors lill-Azzjoni Kattolika Taljana, 4.9.1940; A.A.S. 32, 1940, p. 362.

(35)   Cfr. Piju XI Ittra Enċiklika ‘Quavis Nostra’, 30.4.1936; A.A.S. 28, 1936. Pp. 160-161.

(36)   Cfr. Konċilju tal-Knisja Mqaddsa, Riżoluzzjoni ‘Corrienten.’, 13.11.1920; A.A.S. 13, 1921, pp. 137-140.

(37)   Cfr.  Piju XII, Diskors lit-II Kongress Mondjali għall-Apostolat tal-Lajċi, 5.10.1957; A.A.S. 49. 1957, p.927.

(38)   Cfr. Konċilju Vat. II Kostituz. Dommatika dwar il-Knisja n.37: A.A.s. 42, 1950, p. 42-43.

(39)   Cfr. Piju XII. Adhort. Apost. ‘Monti Nostrae’, 23.9.1950; A.A.S. 42, 1950, p. 660.

(40)   Cfr. Konċilju Vat. II Digriet dwar it-Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża, n. 8.

(41)   Cfr. Benedetti XIV, ‘ De Synodo Diocesana’, I, III, c. IX, n. VII.

(42)   Cfr. Piju XI, Ittra Enċik. ‘quamvis Nostra’, 30.9.1936; A.A.S. 28, 1936, pp. 160-161.

(43)   Cfr. Ġovanni XXIII, Ittra Enċik. ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, 1961, pp. 456-457; ukoll Konċilju Vat II. Digriet dwar l-Ekumeniżmu, n. 12; A.A.S. 57, 1965, pp. 99-100.

(44)   Cfr. Konċilju Vat II, Digriet dwar l-Ekumeniżmu, n. 12; A.A.S. 57, 1965, p. 100; ukoll Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, n. 15; A.A.S. 57, 1965, pp. 19-20.

(45)   Cfr. Konċilju Vatikan II, Kostituz. Dom. Dwar il-Knisja, Kap. II, IV, V; A.A.S. 57, 1965, pp. 12-21, 37-49; ukoll Digriet dwar l-Ekumeniżmu, nn.4, 6,7, 12; A.A.S. 57, 1965, pp. 94, 96, 97, 99, 100; ukoll dan id-Digriet, n.4.

(46)   Cfr. Piju XII, Diskors lill-I Konferenza Internazzjonali tal-‘Boy-scouts’, 6.6.1952: A.A.S. 44, 1952, pp. 579-580; ukoll Ġovanni XXIII, Ittra Enċik. ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, p.456.

(47)   Cfr. Konċilju Vat. II Kostituz. Dommatika dwar il-Knisja p. 33; A.A.S. 57. 1965. P. 39.

(48)   Cfr. Ġovanni XXIII, Ittra enċik. ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, 1961. P. 455.

(49)   Cfr. Piju, Ittra Enċiklika ‘Sertum Laetitlae’, 1.11.1939; A.A.S. 31, 1939, pp. 643-644; ukoll l-Istess, Diskors lill-Lawrjati ta’ l-Azzjoni Kattolika Taljana, 24.5.1953.

(50)   Cfr. Piju XII, Diskors lill-Kongress tal-Federazzjoni Mondjali tax-Xebbiet Kattoliċi, 18.4.1952; A.A.S. 44, 1952, pp. 414-419; ukoll l-istess, Diskors lill-A.C.L.I. 1.5.1955; A.A.S. 47, 1955, pp 403-404.

(51)   Cfr. Piju XII, lid-Delegati fil-Kongress tas-Sodalità tal-Karità, 27.4.1952, pp. 470-47.

(52)   Cfr. Ġovanni XXIII, Ittra Enċik, ‘Mater et Magistra’, 15.5.1961; A.A.S. 53, 1961, p.454.

 

 

 

Ikkumenta fuq Facebook

kummenti

Email
Print
WP Socializer Aakash Web